Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 30 ta' Ġunju 2016 18:55

Il-kwalità tal-arja: qbil dwar limiti aktar stretti għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu

Fit-30 ta' Ġunju 2016 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar direttiva biex jonqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja. L-hekk imsejħa Direttiva NEC il-ġdida tistabbilixxi limiti nazzjonali aktar stretti mill-2020 sal-2029 u mill-2030 ‘il quddiem.

"Permezz ta’ din id-direttiva ser niġġieldu kontra t-tniġġis tal-arja, qattiel li kull sena jikkawża aktar minn 400 000 mewta prematura. It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu ser jiżgura benefiċċji sostanzjali għas-saħħa. Ninsab kuntenta ħafna li wara snin ta’ negozjati rnexxielna nilħqu dan il-ftehim fl-aħħar jum tal-Presidenza Netherlandiża, għan-nies kollha fl-Ewropa".

Sharon Dijksma, Ministru Netherlandiż għall-Ambjent u president tal-Kunsill

L-għan ta’ din id-direttiva hu li jiġu indirizzati aktar ir-riskji għas-saħħa u l-impatt ambjentali tat-tniġġis tal-arja. Hija għandha l-għan ukoll li tallinja l-liġi tal-UE mal-impenji internazzjonali (wara r-reviżjoni tal-Protokoll ta’ Gothenburg fl-2012).

Sustanzi li jniġġsu

Id-direttiva l-ġdida tistabbilixxi limiti nazzjonali għall-emissjonijiet ta’ ħames sustanzi li jniġġsu l-arja: diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu, komposti organiċi volatili mhux metaniċi, ammonijaka u materja partikolata fina.

Limiti ta' emissjonijiet nazzjonali

Il-limiti ta’ emissjonijiet nazzjonali għal kull sustanza li tniġġes mill-2020 sal-2029 huma identiċi għal dawk li l-istati membri diġà impenjaw ruħhom għalihom fil-protokoll ta’ Gothenburg rivedut. Issa ntlaħaq qbil dwar tnaqqis aktar strett mill-2030.

Bl-impenji l-ġodda, huwa stmat li fl-2030 l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa ser jonqos b'madwar 50% (meta mqabbel mal-2005).

Livelli tal-emissjonijiet għall-2025

Ser jiġu identifikati livelli ta’ emissjonijiet indikattivi għall-2025 għal kull stat membru. Dawn ser jiġu determinati abbażi ta’ perkors lineari lejn il-limiti tal-emissjonijiet li ser japplikaw mill-2030. Madankollu, l-istati membri ser ikollhom il-possibbiltà li jsegwu perkors nonlineari jekk dan ikun aktar effiċjenti.

Jekk l-istati membri jiddevjaw mill-perkors ippjanat, huma jkollhom jagħtu r-raġunijiet u jispjegaw l-azzjonijiet li biħsiebhom jagħmlu sabiex jerġgħu lura fi triqithom.

Flessibbiltà

Hija prevista xi flessibbiltà biex jikkonformaw mal-limiti, f’ċerti ċirkostanzi. Pereżempju, jekk stat membru ma jkunx jista’ jissodisfa l-impenn tiegħu minħabba xitwa eċċezzjonalment kiesħa jew sajf eċċezzjonalment xott, dan il-pajjiż ikollu l-possibbiltà li jibbilanċja l-emissjonijiet annwali ma’ dawk tas-sena preċedenti u dik sussegwenti.

Sekwenza u l-passi li jmiss

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha bħala parti mill-"Pakkett dwar il-kwalità tal-arja” f'Diċembru tal-2013. Il-fajl isegwi l-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Parlament Ewropew ivvota l-pożizzjoni tiegħu dwar id-direttiva proposta f'Ottubru tal-2015. Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali f'Diċembru tal-2015. Din id-direttiva teħtieġ maġġoranza kwalifikata biex tiġi adottata mill-Kunsill.

F’Ġunju tal-2016, test ta’ kompromess propost mill-presidenza tal-Kunsill ġie appoġġat mill-Coreper. Fit-30 ta’ Ġunju, it-test kien fil-prinċipju aċċettat mill-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew huwa mistenni jivvota dwarha fil-ħarifa. Wara t-test jintbagħat lill-Kunsill għall-adozzjoni finali fl-ewwel qari.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024