Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 28 ta' Novembru 2016 11:00

Imblukkar ġeografiku: il-Kunsill jaqbel li jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ elettroniku

Fit-28 ta' Novembru 2016, il-Kunsill qabel dwar abbozz ta' regolament biex jiġi pprojbit l-imblukkar ġeografiku bejn l-istati membri.

L-imblukkar ġeografiku huwa prattika diskriminatorja li tipprevjeni lill-klijenti online milli jaċċedu għal jew jixtru prodotti jew servizzi minn sit web ibbażat fi stat membru ieħor.

L-abbozz ta' regolament huwa maħsub biex ineħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment tal-klijenti u biex jagħti spinta lill-kummerċ elettroniku.

"Ix-xiri online minn pajjiż ieħor tal-UE bħan-nies tal-lokal hija xi ħaġa li ħafna ċittadini jistennew illum il-ġurnata. Ir-regoli l-ġodda biex jitwaqqaf l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat ser itejbu b'mod konsiderevoli l-ekonomija tal-kummerċ elettroniku u jagħtu liċ-ċittadini aċċess għal għażla akbar ta' prodotti u servizzi. Dan jista' jiġri biss jekk ikun hemm garanzija ta' sigurtà u fiduċja kemm għax-xerrejja kif ukoll għall-bejjiegħa. Bid-deċiżjoni tagħna llum, li ntlaħqet xi ftit ta' xhur ilu biss wara li tressqet il-proposta, wittejna t-triq għal ftuħ rapidu tan-negozjati mal-Parlament u għeluq potenzjali s-sena d-dieħla".

Peter Žiga, il-President tal-Kunsill u Ministru għall-Ekonomija tas-Slovakkja

Il-ftehim intlaħaq b'maġġoranza kwalifikata. Ser iservi bħala l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill biex jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja tal-UE.

L-elementi ewlenin tat-test tal-Kunsill huma dawn li ġejjin:

Objettiv u kamp ta' applikazzjoni

L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tipprevjeni d-diskriminazzjoni għall-konsumaturi jew il-kumpaniji fir-rigward tal-aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kondizzjonijiet ta' pagament meta jinxtraw prodotti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE.

Il-kamp ta' applikazzjoni jikkonforma mad-Direttiva dwar is-Servizzi, li teskludi ċerti attivitajiet bħas-servizzi finanzjarji, awdjoviżivi, tat-trasport, tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali.

Ir-regoli l-ġodda ser jikkonformaw mal-leġislazzjoni l-oħra fis-seħħ tal-UE applikabbli għall-bejgħ transfruntier, bħar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u l-liġi tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, b'mod partikolari r-regolamenti Ruma I u Brussell I.

Aċċess ugwali għal prodotti u servizzi

Skont ir-regoli l-ġodda, in-negozjanti mhux ser ikunu jistgħu jiddiskriminaw bejn il-klijenti fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali, inkluż il-prezzijiet, li joffru fuq il-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi fi tliet każijiet. Dawn huma meta n-negozjant:

1. ibiegħ prodotti li jintbagħtu fi stat membri li fih in-negozjant joffri konsenja jew jinġabru f'post maqbul mal-klijent;

2. jipprovdi servizzi fornuti elettronikament, bħal servizzi ta' cloud, servizzi ta' ħżin virtwali tad-data, web-hosting u l-forniment ta' firewalls. Dan ma japplikax għas-servizzi fejn il-karatteristika ewlenija hija l-forniment ta' aċċess għal jew l-użu ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew suġġetti protetti oħra, jew il-bejgħ ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur f'forma intanġibbli, bħal kotba elettroniċi jew mużika online;

3. jipprovdi servizzi li l-klijenti jirċievu fil-pajjiż li fih jopera n-negozjant, bħal akkomodazzjoni f'lukanda, avvenimenti sportivi, kiri ta' karozzi, u biljetti tad-dħul għal festivals tal-mużika jew parks tad-divertiment.

Id-differenzazzjoni fil-prezzijiet, b'differenza mid-diskriminazzjoni fil-prezzijiet, mhix ser tiġi pprojbita, jiġifieri n-negozjanti huma liberi li joffru kondizzjonijiet ġenerali differenti ta' aċċess, inkluż il-prezzijiet, u li jimmiraw ċerti gruppi ta' klijenti f'territorji speċifiċi.

Barra minn hekk, in-negozjanti mhux ser ikunu obbligati jikkonsenjaw prodotti lil klijenti barra mill-istat membru li joffru konsenja lejh.

Transazzjonijiet ta' pagament

Ir-regolament għandu jipprojbixxi d-diskriminazzjoni mhux ġustifikata tal-klijenti b'rabta mal-mezzi ta' pagament. In-negozjanti mhux ser jitħallew japplikaw kondizzjonijiet differenti ta' pagament għall-klijenti għal raġunijiet ta' nazzjonalità, post tar-residenza jew post tal-istabbiliment.

Nondiskriminazzjoni għall-aċċess tas-siti web tal-kummerċ elettroniku

In-negozjanti mhux ser ikunu jistgħu jimblukkaw jew jillimitaw l-aċċess tal-klijenti għall-interfaċċa online tagħhom għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew post tar-residenza.

Ser ikollha tingħata spjegazzjoni ċara jekk negozjant jimblokka jew jillimita l-aċċess jew jirriderieġi lill-klijenti għal verżjoni differenti tal-interfaċċa online.

Bejgħ passiv

Fil-qafas tal-approċċ ġenerali, ser jibqgħu validi xi eżenzjonijiet permessi mil-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. Eżempju minnhom huwa meta n-negozjanti jkunu marbutin bi ftehim mal-fornitur tagħhom li jitlobhom jirrestrinġu l-bejgħ passiv tagħhom (jiġifieri meta n-negozjant ma jissoleċitax b'mod attiv in-negozju mal-klijent). F'dawn il-każijiet, ma japplikax ir-regolament il-ġdid.

Il-passi li jmiss

In-negozjati sew jibdew bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni ladarba l-Parlament jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu.

Sfond

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta oriġinali tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Mejju 2016. Hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-trattat dwar l-UE.

Din ġiet ippreżentata flimkien mal-proposti leġislattivi supplementari dwar is-servizzi tal-konsenja transfruntieri tal-pakketti u analiżi tar-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi, bil-għan li jsir progress lejn l-integrazzjoni ta' suq tassew uniku.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali u appella biex tittieħed azzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-komponenti ewlenin tal-istrateġija, inkluż it-tneħħija tal-ostakli li fadal għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' prodotti u servizzi li jinbiegħu online u tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni mhux ġustifikata abbażi tal-post ġeografiku.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024