Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Diċembru 2016 10:30

Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen: ftehim biex jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni

Fis-7 ta' Diċembru 2016, Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva test ta' kompromess miftiehem mal-Parlament Ewropew dwar emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jissaħħu l-kontrolli bl-użu ta' bażijiet tad-data fil-fruntieri esterni.

''Dan is-suċċess kien possibbli biss permezz tal-ħidma sfiqa u l-impenn ta' kull min kien involut'', qal Robert Kaliňák, Ministru għall-Intern tas-Slovakkja u President tal-Kunsill. ''Huwa reazzjoni importanti għaż-żieda tat-theddid terroristiku fl-Ewropa u partikolarment kruċjali fil-kuntest tal-indirizzar tal-problema tal-ġellieda barranin.''

L-emenda tobbliga lill-istati membri jwettqu kontrolli sistematiċi fuq il-persuni kollha, inkluż persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-UE (jiġifieri ċittadini tal-UE u membri tal-familji tagħhom li ma jkunux ċittadini tal-UE) meta jaqsmu l-fruntiera esterna bl-użu ta' bażijiet tad-data dwar dokumenti mitlufa u misruqa, kif ukoll sabiex ikun ivverifikat li dawk il-persuni ma jheddux l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. Dan l-obbligu għandu japplika fil-fruntieri esterni kollha (tal-ajru, tal-baħar u tal-art), kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ.

Madankollu, fejn konsultazzjoni sistematika ta' bażijiet tad-data dwar il-persuni kollha li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni tista' twassal għal impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku fuq fruntiera tal-baħar u tal-art, l-istati membri jistgħu jwettqu biss kontrolli mmirati bl-użu tal-bażijiet tad-data, dment li valutazzjoni tar-riskju turi li dan ma jwassalx għal riskji relatati mas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-istati membri jew theddida għas-saħħa pubblika.

Fir-rigward tal-fruntieri tal-ajru, l-istituzzjonijiet ftehmu li l-istati membri jistgħu jużaw din il-possibbiltà, iżda biss matul perjodu transitorju ta' 6 xhur mid-dħul fis-seħħ tar-regolament emendat. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż b'massimu ta' 18-il xahar f'każijiet eċċezzjonali, fejn f’ajruport speċifiku jkun hemm diffikultajiet infrastrutturali li jeħtieġu perjodu ta' żmien itwal għall-adattamenti biex jippermettu t-twettiq ta' konsultazzjonijiet sistematiċi tal-bażijiet tad-data mingħajr impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku.

Kuntest

Dan ir-regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (SBC) ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2015. Huwa reazzjoni għaż-żieda tat-theddid terroristiku u l-appell mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-9 u l-20 ta' Novembru 2015 għal reviżjoni mmirata tal-SBC fil-kuntest tar-reazzjoni għall-"ġellieda terroristiċi barranin''. Il-ftehim huwa wkoll riżultat tanġibbli tad-Dikjarazzjoni u l-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava, miftiehem mill-mexxejja tas-27 stat membru fis-16 ta' Settembru 2016.

Filwaqt li l-istati membri huma obbligati li jikkontrollaw b'mod sistematiku ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi mad-dħul bl-użu tal-bażijiet tad-data kollha għal raġunijiet ta' ordni pubbliku u sigurtà interna, id-dispożizzjonijiet attwali ma jipprevedux tali kontroll mal-ħruġ bl-użu tal-bażijiet tad-data kollha. Lanqas ma jipprevedu kontroll sistematiku ta' persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-UE. L-emenda ser tallinja l-obbligi li jiġu inklużi kontrolli sistematiċi mal-ħruġ biex jiġi żgurat li kemm iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kif ukoll iċ-ċittadini tal-UE u membri tal-familja tagħhom ma jheddux l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna.

L-emenda tintensifika l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u tal-bażijiet tad-data rilevanti l-oħra tal-Unjoni u tagħti l-possibbiltà li jiġu kkonsultati bażijiet tad-data oħra tal-Interpol. Il-konsultazzjoni tal-bażi tad-data tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa hija obbligu għall-kontrolli taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, kemm mad-dħul, kif ukoll mal-ħruġ.

Il-passi li jmiss

Issa li l-ftehim ġie kkonfermat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, f'isem il-Kunsill, ir-regolament ser jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew għal vot fl-ewwel qari, u lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024