Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Marzu 2017 18:15

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

1. L-Unjoni Ewropea għadha serjament imħassba dwar is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) ikkaġunata mill-imblokk fl-implimentazzjoni tal-ftehim politiku inklużiv tal-31 ta' Diċembru 2016, kif ukoll mis-sitwazzjoni tas-sigurtà f'diversi reġjuni tal-pajjiż fejn qed jiġi osservat użu sproporzjonat tal-forza. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba kriżi ekonomika u baġitarja li qed tolqot ħażin ħafna lill-popolazzjoni.

2. L-UE tilqa' l-ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016 li jirrappreżenta l-uniku mod biex tingħata l-leġittimità meħtieġa lill-istituzzjonijiet li ser ikollhom imexxu t-transizzjoni, inkluż dik tal-Presidenza. La l-mewt tal-mexxej tal-oppożizzjoni Etienne Tshisekedi u lanqas is-sitwazzjoni tas-sigurtà ma għandhom joffru skuża biex jinxteħet dubju fuq dan il-proċess li għandu jwassal għal alternanza demokratika u paċifika tal-poter. Dan il-ftehim jipprevedi, fost affarijiet oħra, li l-President jinżamm fil-kariga, dment li jinħatar Prim Ministru nnominat mill-oppożizzjoni u li l-istituzzjonijiet kollha ikomplu ad interim sa tmiem is-sena. Barra minn hekk, huwa jeskludi l-kontinwazzjoni tal-President attwali lil hinn minn dik id-data. L-UE tissottolinja l-urġenza tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim mill-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari mill-maġġoranza presidenzjali, sabiex iwassal għal elezzjonijiet qabel tmiem l-2017 u b'hekk għal leġittimità kostituzzjonali sħiħa. Il-ħatra reċenti ta' president ġdid tal-Conseil des Sages du Rassemblement, li ser jaqdi ukoll il-funzjoni ta' President tal-Kunsill Nazzjonali għall-Monitoraġġ tal-Ftehim (CNSA), hi l-ewwel pass f'din id-direzzjoni.

3. F'dan il-kuntest, l-UE ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għar-rwol ta' medjazzjoni tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi (CENCO), li l-awtorità morali, l-imparzjalità u l-leġittimità tagħha huma indispensabbli għas-suċċess tal-proċess u huma rikonoxxuti mill-atturi kollha Kongoliżi. Hija tappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-messaġġ tal-Assemblea Plenarja tas-CENCO tat-22 ta' Frar 2017, u tistieden lir-reġjun u lill-komunità internazzjonali biex isostnu l-impenn tagħhom għas-CENCO. L-UE tikkundanna l-vjolenza reċenti kontra knejjes u istituzzjonijiet oħra tas-CENCO u tfakkar li dawk responsabbli ser ikollhom jagħtu kont ta' għemilhom.

4. Il-kriżi profonda istituzzjonali, soċjoekonomika u tas-sigurtà preżenti fil-pajjiż tista' tiġi kkontrollata biss permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016 u bil-formazzjoni ta' gvern li jgawdi l-leġittimità suffiċjenti biex imexxi l-pajjiż lejn elezzjonijiet. Riżultati konkreti huma kruċjali, b'mod partikolari l-ħtieġa urġenti li jinħatar Prim Ministru magħżul mill-Assemblea. Barra minn hekk hemm ħtieġa urġenti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' miżuri biex tittaffa t-tensjoni bħall-ħelsien tal-priġunieri politiċi, it-tmiem immedjat tal-abbuż li jsofru, it-tmiem tal-intimidazzjoni u tal-arresti arbitrarji tal-attivisti tal-oppożizzjoni u ċittadini attivisti, u t-tmiem tal-prosekuzzjonijiet motivati politikament. L-UE tinnota li l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-djalogu politiku kienet limitata u titlob li l-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Ftehim jiġi ffaċilitat.

5. L-UE tissottolinja r-responsabbiltà u r-rwol kruċjali li għandha taqdi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) fl-implimentazzjoni ta' proċess elettorali demokratiku u kredibbli. Għal dan l-għan, hija ttenni l-appell tagħha għal miżuri addizzjonali ta' trasparenza u ta' governanza tas-CENI, kif ukoll għall-istabbiliment urġenti ta' kalendarju elettorali u baġit kredibbli u kunsenswali biex l-elezzjonijiet isiru qabel tmiem l-2017. L-UE tistieden lill-Assemblea Nazzjonali biex tadotta malajr kemm jista' jkun il-miżuri leġislattivi meħtieġa biex isiru l-elezzjonijiet kif ukoll għall-istabbiliment tas-CNSA li, f'dan il-kuntest huwa imsejjaħ ikollu r-rwol essenzjali ta' sorveljanza tas-CENI. Dawn l-elementi, kif ukoll l-impenn finanzjarju tal-gvern futur, huma inċentiv biex titrawwem il-fiduċja li ser tippermetti lill-UE u lis-sħab l-oħra jimmobilizzaw l-għajnuna tagħhom għall-elezzjonijiet.

6. Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f'Marzu ser iġġedded il-mandat tal-MONUSCO. F'din l-okkażjoni, il-prijorità ser tkun li l-missjoni tingħata l-mezzi meħtieġa biex tkun tista' tindirizza l-isfidi politiċi u ta' sigurtà ġodda filwaqt li ssaħħaħ l-arranġamenti ta' protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, u filwaqt li tipprovdi appoġġ rilevanti għall-proċess elettorali.

7. L-UE tikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq reċentement fir-RDK u tfakkar li l-ġlieda kontra l-impunità, irrispettivament minn min ikunu l-awturi ta' dan il-ksur, hija waħda mill-kondizzjonijiet meħtieġa għal transizzjoni paċifika u għall-istabbilizzazzjoni dejjiema tal-pajjiż. Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għandhom jiġu kompletament garantiti mill-awtoritajiet, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, inkluż għal mezzi indipendenti ta' komunikazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' assoċjazzjoni. F'dan ir-rigward, l-UE tqis essenzjali li l-ħidma tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-RDK (UNJHRO) tkun tista' ssir mingħajr xkiel fil-pajjiż kollu.

8. L-UE tiddeplora l-vjolenza li faqqgħet fit-tliet provinċji ta' Kasaï u f'Kongo Central li turi r-riskji ta' aktar deterjorament fis-sitwazzjoni li qed jaffaċċja l-pajjiż. L-UE, bħall-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, hija mħassba dwar ir-rapporti reċenti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-Bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-milizzji lokali fil-Kasaï b'mod partikolari r-reklutaġġ u l-użu illeċitu ta' suldati tfal, kif ukoll il-qtil ta' persuni ċivili minn membri tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK, li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali. L-UE tingħaqad mal-appell li sar mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Frar 2017, fejn talab lill-Gvern tar-RDK biex minnufih jibda investigazzjoni kredibbli u imparzjali dwar dawn il-fatti, bl-għan li dawk responsabbli jwieġbu quddiem il-ġustizzja, u titlob ukoll li inkjesta indipendenti internazzjonali tkun tista' tiġi mistiedna tappoġġa dan il-proċess.

9. L-UE hija serjament imħassba dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni umanitarja f'diversi reġjuni tal-pajjiż u tixtieq tenfasizza s-supremazija tar-rispett tal-prinċipji umanitarji u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għall-popolazzjonijiet milquta.

10. Is-sitwazzjoni fil-Lvant, fil-provinċji ta' Kivu u f'Tanganyika, għadha daqstant inkwetanti kif inhuma wkoll ir-rapporti dwar il-bidu mill-ġdid possibbli ta' ġlied mill-eks ribelli tal-M23. L-UE tfakkar fir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Kongoliżi u tħeġġeġ lill-FARDC - bl-appoġġ ta' MONUSCO - biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jipproteġu l-popolazzjonijiet. Fir-rigward tal-M23, l-UE tfakkar fl-impenji tad-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013 kif ukoll fil-prinċipji msemmija fil-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-reġjun.

11. L-UE tfakkar lill-mexxejja politiċi u lill-membri tal-forzi tas-sigurtà li hija lesta tadotta miżuri restrittivi individwali ġodda kontra dawk li huma responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jinċitaw il-vjolenza jew li joħolqu xkiel għal ħruġ mill-kriżi li jkun kunsenswali, paċifiku u li jirrispetta x-xewqa tal-poplu Kongoliż li jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu. Il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tibda ħidma f'dan is-sens.

12. L-UE tikkonferma d-disponibbiltà tagħha li mingħajr dewmien timpenja ruħha fi djalogu politiku tal-ogħla livell mal-gvern futur, f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou. L-UE hija lesta li toffri l-appoġġ tagħha, inkluż dak finanzjarju, għal proċess elettorali li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa. L-UE hija lesta wkoll li tkompli bl-appoġġ tagħha lill-popolazzjoni Kongoliża li kuljum qed tiffaċċa diffikultajiet soċjo-ekonomiċi serji u tħeġġeġ it-tkomplija tad-djalogu, b'mod strutturat, mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, sabiex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-kriżi ekonomika u baġitarja attwali.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024