- Kunsill Ewropew
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Marzu 2017 17:20
Summit Soċjali Tripartitiku, 8 ta' Marzu 2017
Is-Summit Soċjali Tripartitiku ddiskuta "Il-futur tal-Ewropa: inħejju t-triq lejn it-tkabbir, l-impjiegi u s-sens ta' ġustizzja". Il-parteċipanti għas-Summit Soċjali Tripartitiku b’mod partikolari esprimew il-fehmiet tagħhom dwar kif ix-xogħol jissarraf f'mezz kif jiġu promossi l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, forom ġodda ta’ xogħol u l-futur tal-industrija kif ukoll dwar il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali u r-rwol tal-imsieħba soċjali.
Fid-dikjarazzjoni tal-ftuħ tiegħu, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li "Is-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma ser ikun mument ta’ riflessjoni u ta’ unità, iżda wkoll mument sabiex tiġi stabbilita d-direzzjoni tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin. L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom kull raġuni li jiċċelebraw dan l-anniversarju, bħala ġenituri kburin. F’ħafna modi, in-negozju u x-xogħol kienu l-eżekuturi ewlenin tat-Trattat. Matul 60 sena, il-kumpaniji, l-intraprendituri u l-ħaddiema kellhom rwol ċentrali sabiex il-libertajiet teoretiċi tat-Trattat jitwasslu fil-ħajja taċ-ċittadini ordinarji. Din hija kisba li llum il-ġurnata teħtieġ tiġi difiża, protetta u approfondita.”
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker issottolinja "Wasal iż-żmien li l-Ewropa magħquda tas-27 isawwar viżjoni għall-futur tagħha. Il-ġimgħa li għaddiet, bdejna d-dibattitu b’White Paper tal-Kummissjoni u dalwaqt ser nippreżentaw aktar ideat dettaljati għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa. Dan ser jingħaqad flimkien mal-proposta finali tagħna għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-imsieħba soċjali, fil-livelli kollha, ser ikollhom rwol ewlieni f’dan id-dibattitu. Aktar kmieni llum, l-imsieħba soċjali tal-UE ffirmaw ftehim awtonomu dwar it-tixjiħ attiv u approċċ interġenerazzjonali, li jiena nilqa’ b’sodisfazzjoni. Dan huwa eżempju tajjeb kif id-djalogu soċjali jista’ jagħti r-riżultati. Nistenna b’interess dibattitu onest u wiesa' fl-irkejjen kollha tal-Ewropa.”
Min-naħa tal-presidenza b’rotazzjoni, il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, qal li "L-għan tagħna huwa li tinkiseb il-prosperità ekonomika u l-progress soċjali. It-tnejn huma interkonnessi u jiddependu minn xulxin. Hija prosperità b’għan. It-tkabbir ekonomiku u r-rata baxxa ta’ qgħad huma r-riżultat ta’ deċiżjonijiet kuraġġużi - it-tnaqqis ta’ taxxi, spinta lill-investiment, it-tneħħija ta’ ostakli burokratiċi u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex l-industrija ssir aktar kompetittiva. Id-dimensjoni soċjali timxi id f’id mat-tkabbir ekonomiku. Aħna nemmnu fil-ħolqien ta’ suq tax-xogħol inklużiv li jipprovdi opportunitajiet għal kull individwu permezz ta’ investiment fit-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid, l-edukazzjoni, il-kondizzjonijiet tax-xogħol adegwati u miżuri li jiffavorixxu l-familja. Id-Djalogu Soċjali huwa mutur importanti għal riformi ekonomiċi u soċjali ta' suċċess. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-proċess jiżgura li jittieħed kont tal-interessi kollha. Ejja lkoll naħdmu flimkien biex niksbu opportunitajiet akbar għal poplu tagħna.”
Għall-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), is-Segretarju Ġenerali Luca Visentini qal “It-trade unions iħeġġu lill-Unjoni Ewropea sabiex tirdoppja l-isforzi tagħha fiż-żieda tal-investiment u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u fl-inkoraġġiment ta’ negozjar kollettiv li jippermetti żidiet fil-pagi li jagħtu spinta lit-tkabbir. Il-ħaddiema jeħtieġu li jħossu l-irkupru. It-Trade unions u dawk li jħaddmu jaqblu dwar il-ħtieġa ta' politika industrijali serja għall-Ewropa, u llum ippreżentaw lill-Presidenti Juncker u Tusk ftehim li l-imsieħba soċjali ser jimplimentaw dwar it-tixjiħ attiv, biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol u organizzazzjoni tax-xogħol li jippermettu lill-ħaddiema ta’ kull età jibqgħu jaħdmu sakemm jilħqu l-età legali tal-irtirar.”
Il-President ta' Business Europe, Emma Marcegaglia, li tirrapreżenta lil min iħaddem, qalet "L-Ewropej qed jiffaċċaw sfidi mingħajr preċedent: fl-ambjent internazzjonali, fin-negozjati li jmiss dwar Brexit, fir-rigward tal-impjiegi, is-sigurtà, il-migrazzjoni eċċ. l-Istati Membri li jaġixxu waħedhom, mhux ser ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv għal dawn l-isfidi. Huma jridu jibqgħu magħqudin. L-intrapriżi ser ikunu l-mutur fit-titjib fil-prosperità taċ-ċittadini tal-UE billi jinvestu fl-UE, jiġġeneraw aktar tkabbir u joħolqu l-impjiegi. Il-Kummissjoni lanqas ma għandha tinsa l-fatt li l-UE hija post tajjeb fejn ngħixu u naħdmu. L-UE hija r-reġjun fid-dinja fejn il-benesseri soċjali huma l-ogħla. Ir-rappreżentanti ta' min iħaddem fl-Ewropa - BUSINESSEUROPE, CEEP u UEAPME jemmnu li biex titjieb il-prosperità tal-Ewropa, aktar minn qatt qabel hu importanti li l-aġenda tar-riformi strutturali titmexxa ‘l quddiem biex tinkoraġġixxi investiment privat u pubbliku effiċjenti u produttiv u titwitta t-triq għal tkabbir akbar u aktar impjiegi fl-Ewropa. Tenħtieġ urġentement politika industrijali ambizzjuża tal-UE. Għandhom jitrawmu servizzi pubbliċi bi prestazzjoni għolja kif ukoll aġenda ta’ azzjoni dinamika tal-UE għall-SME.”
Il-fehmiet ikkwotati f’dan it-test huma dawk tal-individwu / organizzazzjoni kkonċernati u ma jikkostitwixxux kollettivament il-fehma tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025