- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 6 ta' April 2017 22:37
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-allegat attakk kimiku f'Idlib, is-Sirja
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
L-UE tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakk mill-ajru li laqat il-belt ta' Khan Sheikhoun fil-provinċja ta' Idlib fl-4 ta' April 2017, li kellu konsegwenzi orribbli, u li kien il-kaġun tal-mewt u t-tidrib ta' għexieren ta' persuni ċivili, fosthom tfal u ħaddiema ta' sokkors, b'ħafna mill-vittmi juru sintomi ta' avvelenament bil-gass.
L-UE tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jingħaqad, jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq Khan Sheikhoun u jiżgura investigazzjoni rapida, indipendenti u imparzjali ta' dan l-attakk.
Il-Missjoni ta' Inkjesta (FFM) tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) tinsab fil-proċess li tiġbor u tanalizza informazzjoni mis-sorsi kollha disponibbli. Filwaqt li l-investigazzjoni ta' dan l-attakk għadha għaddejja, l-UE tinsab imħassba ferm dwar il-fatt li r-reġim Sirjan diġà kien uża armi kimiċi fl-2015, kif identifikat fir-rapporti ta' Awwissu u ta' Ottubru tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU, u li l-UE kkundannat bil-qawwa f'dak il-mument. F'dan il-kuntest, l-UE ttenni li bħala parti għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, ir-reġim Sirjan obbliga ruħu b'mod espliċitu li ma jużax armi kimiċi u li r-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja għall-protezzjoni tal-popolazzjoni Sirjana. Għaldaqstant, l-UE tappella lill-alleati tar-reġim, speċjalment ir-Russja, biex jeżerċitaw pressjoni xierqa fuq ir-reġim Sirjan għal dan l-għan.
L-użu ta' armi kimiċi jew sustanzi kimiċi bħala armi mhu xejn inqas minn delitt tal-gwerra. L-użu tagħhom fis-Sirja, inkluż mir-reġim u mid-Da'esh, iridu jieqfu, u l-awturi identifikati għandhom jinżammu responsabbli għal dan il-ksur tad-dritt internazzjonali.
Dawk ħatja ta' ksur tad-dritt internazzjonali u l-użu ta' armi kimiċi jridu jiġu sanzjonati kif xieraq. F'Marzu, l-UE żiedet 4 uffiċjali għolja militari Sirjani fil-lista ta' sanzjonijiet għar-rwol tagħhom fl-użu ta' armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, f'konformità mal-politika tal-UE biex tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi.
L-UE ser tkompli tappoġġa l-isforzi tal-OPCW fis-Sirja fir-rigward tal-investigazzjoni tal-użu tal-armi kimiċi u tqis li dawn l-isforzi jridu jitkomplew fil-ġejjieni mill-komunità internazzjonali.
Dan l-attakk jikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-waqfien mill-ġlied. Dan jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal waqfien mill-ġlied reali u vverifikat. L-UE tappella lir-Russja, lit-Turkija u lill-Iran biex jonoraw l-impenji tagħhom bħala garanti f'dan ir-rigward.
Attakki ta' dan it-tip iqawwu biċ-ċar il-ħtieġa urġenti għal transizzjoni politika ġenwina fis-Sirja u r-rieda tal-UE li tappoġġa l-isforzi tan-NU biex tinnegozja soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan permezz tat-taħditiet intra-Sirjani f'Ġinevra, kif affermat mill-ġdid fil-Konferenza Internazzjonali "Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun" li l-UE ospitat fi Brussell fil-5 ta’ April 2017.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro* u l-Albanija*, il-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.
* - L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Nabila Massrali Kelliem temporanju tas-SEAE
- +32 2 29 88093
- +32 460 79 52 44
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024