Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Mejju 2017 12:15

"L-UE tibqa' impenjata li ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża": il-Kunsill jadotta Konklużjonijiet

Fit-18 ta' Mejju l-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE. Il-konklużjonijiet iqisu l-progress fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u jipprovdu gwida għal aktar ħidma. L-oqsma koperti jinkludu:

- It-titjib tal-istrutturi tal-PSDK għall-maniġġar ta' kriżijiet, b'mod partikolari l-ħidma li għaddejja li twassal għall-istabbiliment ta' kapaċità militari tal-ippjanar u t-tmexxija (MPCC) fi ħdan l-Istat Maġġur tal-UE (parti mis-SEAE) li ser jieħu l-kmand tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-PSDK (attwalment: EUTM Somalia, EUTM RCA, EUTM Mali), kif maqbul fis-6 ta' Marzu 2017;

- It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-PSDK mal-pajjiżi sħab, bil-għan li jiġi adottat approċċ aktar strateġiku għas-sħubiji tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, bil-ħsieb li titjieb il-kooperazzjoni, b'enfasi fuq il-pajjiżi sħab li jikkondividu l-valuri tal-UE, inkluż ir-rispett tad-dritt internazzjonali, u li huma kapaċi u jridu jikkontribwixxu għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

- Tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà u l-iżvilupp (CBSD), sabiex jiġu koperti b'mod sħiħ ir-rekwiżiti meħtieġa kollha biex jingħata appoġġ lill-pajjiżi sħab fil-prevenzjoni u l-maniġġar ta' kriżijiet waħedhom;

- Żvilupp ta' kapaċitajiet ċivili u tisħiħ tar-rispons tal-maniġġar ċivili ta' kriżijiet, inkluż il-ħolqien possibbli ta' kapaċità bażika ta' rispons;

- Tisħiħ tar-rispons rapidu militari, inkluż il-gruppi tattiċi tal-UE, bil-ħsieb li tkompli tiġi żviluppata l-modularità tagħhom b'mod prammatiku u biex l-arranġamenti ta' finanzjament jiġu adattati kif meħtieġ;

- Approfondiment tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża, billi titqies u tingħata gwida dwar it-triq 'il quddiem fir-rigward ta'

  • kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) inklużiva, li tippermetti lil dawk l-istati membri li jridu u li kapaċi jikkollaboraw aktar fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża u li, min-naħa tagħhom, jgħinu fil-ħolqien ta' sforzi, kooperazzjoni u proġetti kollaborattivi ġodda.
  • il-possibbiltà ta' rieżami annwali koordinat volontarju dwar id-difiża (CARD), li jkun proċess bil-għan jagħti ħarsa ġenerali aħjar fil-livell tal-UE tal-infiq għad-difiża, l-investiment nazzjonali u l-isforzi fir-riċerka dwar id-difiża. Dan jappoġġa lill-istati membri fil-ksib ta' kapaċitajiet fl-indirizzar ta' tendenzi u sfidi strateġiċi attwali u futuri, u jippromwovi b'mod attiv il-kooperazzjoni msaħħa fost l-istati membri fil-qasam tad-difiża.
  • il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża tal-Kummissjoni Ewropea, li jipprevedi għodod finanzjarji ġodda għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża b'appoġġ għall-industrija tad-difiża u l-innovazzjoni teknoloġika Ewropea.

Kuntest

Fl-14 ta' Novembru 2016, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Dawn il-konklużjonijiet jistabbilixxu l-livell ta' ambizzjoni fil-forma tal-miri ewlenin li l-UE u l-istati membri tagħha għandhom l-għan li jiksbu fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-Kunsill iffissa tliet prijoritajiet strateġiċi: ir-reazzjoni għal konflitti u kriżijiet esterni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab u l-protezzjoni tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha. Ġie nnutat progress u ġiet ipprovduta aktar gwida permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017.

Il-pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża ġie ppreżentat lill-istati membri mir-Rappreżentant Għoli, fil-kapaċità tagħha wkoll ta' Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Huwa parti mis-segwitu għall-istrateġija globali tal-UE dwar il-politika estera u ta' sigurtà, ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew fit-28 ta' Ġunju. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija globali fis-17 ta' Ottubru 2016.

L-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE tinkludi wkoll aktar ħidma fuq il-bini tar-reżiljenza u approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, it-tisħiħ tar-rabta bejn il-politiki interni u esterni, l-aġġornament tal-istrateġiji reġjonali u tematiċi eżistenti jew it-tħejjija ta' oħrajn ġodda u ż-żieda fl-isforzi diplomatiċi pubbliċi.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024