- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Ġunju 2017 10:30
It-taħriġ għas-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja jiffoka aktar fuq is-sikurezza - il-Kunsill jasal għal qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu
L-UE trid li s-sewwieqa professjonali jkunu aktar konxji mill-aspetti ta’ sikurezza u ambjentali tas-sewqan tagħhom. Waqt li ħadem biex jilħaq dan l-għan, illum il-Kunsill wasal għal qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu ('approċċ ġenerali') dwar aġġornament propost tar-regoli dwar it-taħriġ u l-kwalifiki tas-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja. Ir-regoli mtejba ser jagħmlu enfasi akbar fuq is-sikurezza u l-ambjent fit-taħriġ u ser itejbu r-rikonoxximent ta' taħriġ li jkun sar f'pajjiż ieħor tal-UE.
"Ir-regoli aġġornati dwar it-taħriġ ser jagħmlu t-toroq tagħna aktar sikuri," qalet il-presidenza Maltija. “Rikonoxximent akbar tal-kwalifiki tas-sewwieqa għandu jfisser aktar mobbiltà fix-xogħol, u din hija aħbar tajba għas-suq uniku, it-tkabbir u l-kompetittività."
Sabiex titjieb is-sikurezza tat-toroq, il-proposta ssaħħaħ l-enfasi li s-sewwieqa jitgħallmu kif jaħsbu minn qabel fit-traffiku u jadattaw għar-riskji. Dan jinkludi s-sewqan adatt f’toroq, kundizzjonijiet tat-traffiku u tat-temp differenti u waqt li jirrikonoxxu s-sitwazzjonijiet perikolużi li li jistgħu jsibu ruħhom fihom l-utenti vulnerabbli tat-toroq, bħall-persuni mixjin u ċ-ċiklisti.
It-taħriġ għandu wkoll jenfasizza sewqan effiċjenti fil-konsum tal-fjuwil. Pereżempju, is-sewwieqa jistgħu jiġu mgħallma jantiċipaw il-fluss tat-traffiku, jadottaw stil ta’ sewqan bla skossi u jiċċekkjaw li t-tajers ikollhom il-pressjoni adatta.
Minbarra t-taħriġ inizjali tagħhom, is-sewwieqa jridu jagħmlu 35 siegħa ta’ taħriġ kontinwu kull ħames snin biex iżommu u jaġġornaw il-ħiliet tagħhom. Dan ifisser li t-taħriġ imtejjeb ser ikollu impatt ferm usa’ minn sempliċiment tħejjija ta' sewwieqa għall-professjoni tagħhom.
L-abbozz ta’ regoli jistipula wkoll li sewwieqa professjonali kwalifikati għandu jkollhom il-kodiċi armonizzat tal-UE 95 fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq dokument ta’ kwalifika separat tas-sewwieq. Il-kodiċi juri li s-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. L-Istati Membri kollha jridu mbagħad jirrikonoxxu l-kwalifiki tiegħu jew tagħha. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, madwar 46 700 sewwieq jista’ jkun li sabu diffikultajiet fl-2016 waqt li ppruvaw jiksbu rikonoxximent ta’ taħriġ miksub f’pajjiż ieħor tal-UE.
Teknikament, l-abbozz ta’ direttiva ser jemenda d-direttiva eżistenti dwar il-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa professjonali li jkollhom liċenzja C jew D. Dan ser jintroduċi wkoll tibdil relatat mad-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kjarifiki dwar ir-rekwiżiti tal-età minima.
L-approċċ ġenerali huwa l-pożizzjoni tal-Kunsill għal taħditiet mal-Parlament Ewropew. Iż-żewġ istituzzjonijiet ikunu jridu jaqblu dwar it-test finali.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024