Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija, 08-09/06/2017, 8 u 9 ta' Ġunju 2017

Riżultati ewlenin

Kwistjonijiet ta' telekomunikazzjoni, 9 ta' Ġunju 2017

Il-Kunsill qabel rigward approċċ ġenerali dwar proposta biex jiżdiedu s-sorveljanza regolatorja u t-trasparenza tal-prezzijiet għal servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jtejbu l-kompetizzjoni fis-suq u jnaqqsu l-prezzijiet speċjalment għaċ-ċittadini u n-negozji ż-żgħar.

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni. Ir-reviżjoni għandha l-għan li ttejjeb il-konnettività fissa u dik mobbli fl-Ewropa kollha billi tinkoraġġixxi l-investiment, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, filwaqt li tipprovdi wkoll livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Id-dibattitu tal-lum iffoka fuq il-livell mixtieq ta' koordinazzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi fir-rigward tal-konnettività. Fid-dibattitu ħafna stati membri qiesu li skambju akbar tal-aħjar prattiki regolatorji bl-użu tal-istrutturi eżistenti jiffaċilita l-introduzzjoni tal-broadband mobbli 5G u l-investiment f'netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss inġenerali. "Jeħtieġ li r-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet ikunu dawk adatti jekk irridu niksbu konnettività ta' kwalità għolja u b'veloċità għolja ħafna għal kulħadd," qalet il-presidenza Maltija. "Id-dibattitu tal-lum ta spinta siewja lill-ħidma futura biex niksbu dan".

Il-ministri analizzaw ukoll il-progress li sar fi proposta biex jiġu aġġornati r-regoli tal-privatezza għall-komunikazzjoni elettronika (ePrivacy).

Barra minn hekk, il-presidenza informat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' żewġ fajls leġislattivi oħra:

Ir-regolament dwar ir-roaming bl-ingrossa ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE llum. Id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament kien prekondizzjoni biex 'ir-roaming daqslikieku f'pajjiżek' jibda fil-15 ta' Ġunju. "Nistieden liċ-ċittadini kollha biex jiċċelebraw dan billi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bil-hashtags #RoamLikeAtHome u #EURoaming," qalet il-presidenza Maltija.

Fid-29 ta' Mejju, intlaħaq qbil politiku dwar l-abbozz ta' regolament dwar il-WiFi4EU fir-rigward tal-hotspots tal-internet iffinanzjati mill-UE. L-objettiv huwa li l-iskema WiFi4EU titlesta mill-aktar fis possibbli, biex b'hekk il-korpi tas-settur pubbliku u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibdew jibbenefikaw minnha malajr.

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-istrateġija għal suq uniku diġitali, kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u l-aktar rapport ta' progress reċenti dwar is-settur diġitali tal-Ewropa.

Fl-aħħar nett, il-presidenza li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Kwistjonijiet ta' trasport, 8 ta' Ġunju 2017

Il-Kunsill qabel rigward approċċ ġenerali dwar ir-regoli aġġornati għat-taħriġ u l-kwalifiki ta' xufiera professjonali ta' trakkijiet u ta' karozzi tal-linja. L-aġġornament jagħmel enfasi akbar fuq is-sikurezza fit-taħriġ u ser itejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f'pajjiż ieħor tal-UE.

Il-Kunsill adotta żewġ settijiet ta' konklużjonijiet: dwar il-prijoritajiet għall-politika tal-UE dwar it-trasport marittimu sal-2020 u dwar is-sikurezza fit-toroq. Il-konklużjonijiet dwar il-qasam marittimu identifikaw il-kompetittività, id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni bħala prinċipji ta' gwida għall-politika tal-UE f'dan il-qasam. Il-konklużjonijiet dwar is-sikurezza fit-toroq jistabbilixxu mira biex jitnaqqsu bin-nofs in-numru ta' persuni li jindarbu serjament fit-toroq fl-UE sal-2030 mil-livell ta' referenza tal-2020. Iż-żewġ settijiet ta' konklużjonijiet japprovaw id-dikjarazzjonijiet adottati fil-laqgħat ministerjali informali organizzati mill-presidenza fil-Belt Valletta f'Marzu 2017.

"Illum iddiskutejna għadd kbir ta' inizjattivi biex it-trasport isir aktar sikur, aktar ekoloġiku u aktar ġust. Iż-żewġ settijiet ta' konklużjonijiet tal-Kunsill ser jiggwidaw il-politika marittima tagħna fis-snin li ġejjin u jħeġġuna nirduppjaw l-isforzi tagħna biex intejbu s-sikurezza fit-toroq."

Il-presidenza Maltija

Il-ministri esprimew il-fehmiet inizjali tagħhom dwar il-pakkett dwar il-mobbiltà, imniedi mill-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju. "Filwaqt li l-istati membri għadhom qed janalizzaw dawn il-proposti reċenti, b'mod ġenerali huma laqgħu l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiċċara r-regoli eżistenti u żżid l-infurzar," qalet il-presidenza Maltija. "Madankollu, ser ikun jeħtieġ li xi partijiet ewlenin tal-pakkett issirilhom valutazzjoni dettaljata fir-rigward tal-impatt soċjali, ekonomiku u f'xi każijiet l-impatt ambjentali tagħhom ukoll."

Il-punti ta' informazzjoni inkludew ukoll, fost temi oħrajn, is-sigurtà tal-avjazzjoni, b'mod partikolari oġġetti elettroniċi f'bagalji tal-kabina, u preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-inizjattiva tagħha 'Ewropa Miftuħa u Konnessa', li ġiet ippubblikata llum.

F'dak li jirrigwarda l-kwalifiki professjonali f'passaġġi fuq l-ilma interni, il-presidenza enfasizzat l-importanza tat-trasport fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni bħala mod effiċjenti biex tittaffa l-konġestjoni fit-toroq Ewropej u jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport. Il-presidenza tibqa' impenjata biex tiffinalizza n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew il-ħidma biex l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tkun tista' tadotta strateġija inizjali ambizzjuża fl-2018 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra minn bastimenti kif miftiehem f'Ottubru 2016.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025