- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 27 ta' Ġunju 2017 12:50
L-UE ser issaħħaħ in-navigazzjoni interna permezz ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ professjonijiet - il-presidenza tilħaq qbil mal-Parlament
Il-presidenza Maltija llum laħqet qbil informali mal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ ċertifikati għal nies li jaħdmu fis-settur tan-navigazzjoni interna fl-UE. Id-detenturi ta' dawn iċ-ċertifikati ser ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f'passaġġi fuq l-ilma interni fl-Ewropa kollha. Is-sistema l-ġdida ser ittejjeb il-prospetti tal-karriera fis-settur u tagħmilha aktar faċli biex persuni kkwalifikati jieħdu impjiegi fejn ikunu disponibbli.
Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni unika ser tkopri lill-membri kollha tal-ekwipaġġ, mill-apprendisti sal-boatmasters. Ġeografikament, hija ser tapplika għall-attività mwettqa f’passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inkluż ix-xmara Renu. Iż-żewġ aspetti jikkostitwixxu titjib ċar tas-sitwazzjoni attwali, fejn il-leġislazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku fis-settur tkopri biss lill-boatmasters - u biss meta dawn joperaw fuq xmajjar u kanali oħra minbarra r-Renu. Il-bqija tal-ekwipaġġ huwa kopert mid-direttiva orizzontali dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali.
Iċ-ċertifikati l-ġodda ser ikunu bbażati fuq il-kompetenza, filwaqt li joffru l-flessibbiltà għal persuni b’talent u motivati biex jitilgħu ‘l fuq aktar malajr fil-karriera tagħhom. Attwalment huwa aktar komuni li jkun mitlub li jitlestew għadd fiss ta’ snin f’pożizzjoni waħda qabel ma tkun possibbli promozzjoni. L-introduzzjoni ta’ kwalifiki bbażati fuq il-kompetenza għandhom ukoll itejbu s-sikurezza u jnaqqsu l-ispejjeż tal-inċidenti.
Sabiex jiġu evitati l-piżijiet amministrattivi sproporzjonati, ir-regoli l-ġodda ser jieħdu kont tal-karatteristiċi differenti ta’ pajjiżi tal-UE. Xi Stati Membri ma għandhomx navigazzjoni interna, xi wħud għandhom passaġġi fuq l-ilma li mhumiex konnessi ma’ stati membri oħra, u f’pajjiżi oħra n-navigazzjoni interna hija biss staġjonali jew attività limitata ħafna. Dawk l-istati membri kollha li għandhom għallinqas xi navigazzjoni interna ser ikollhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikat tal-UE fit-territorju tagħhom, iżda l-punt sa fejn ser ikollhom ‘jittrasponu’ jew jinkorporaw dispożizzjonijiet oħra fil-leġislazzjoni nazzjonali ser jiddependi mill-kosteffettività u l-valur miżjud għaċ-ċirkostanzi individwali tagħhom.
“B’mod aktar ġenerali, il-presidenza tagħti importanza lill-implimentazzjoni sħiħa tal-kurituri tat-TEN-T permezz tat-titjib tal-infrastruttura ta’ passaġġi fuq l-ilma interni, u tenfasizza li n-navigazzjoni interna hija parti integrali tan-netwerk TEN-T. In-navigazzjoni interna hija l-aktar mod ta’ trasport effiċjenti fl-enerġija u għandha potenzjal kbir, speċjalment biex tiċċaqlaq it-trasportazzjoni ta’ aktar merkanzija mill-art. Is-sistema ta’ ċertifikat uniku tiftaħ opportunitajiet għal karrieri ġodda u wieħed jittama li ser tagħti spinta lis-settur kollu”, qal Ian Borg, il-Ministru Malti għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. “Ninsab ukoll kuntent li r-regoli ser ikollhom jiġu applikati biss fejn hemm bżonn, billi mhux il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom topografija li hija adatta għal dan it-tip ta’ trasport.”
L-abbozz ta’ direttiva li ntlaħaq qbil dwaru huwa parti mill-isforzi tal-UE biex jiġi promoss it-trasport tal-passaġġi fuq l-ilma taħt il-programm NAIADES II.
Il-presidenza ser tippreżenta r-riżultati tan-negozjati tal-lum għall-approvazzjoni mill-istati membri fil-jiem li ġejjin.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024