- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 13 ta' Lulju 2021 12:35
Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ewwel żborżi ta' rkupru
Il-ministri tal-UE għall-ekonomija u l-finanzi llum adottaw l-ewwel lott ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja rċevew l-approvazzjoni għall-użu tal-fondi tal-UE għall-irkupru u r-reżiljenza biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom u jirkupraw mill-konsegwenzi tal-COVID-19. L-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet tippermetti lill-istati membri jiffirmaw ftehimiet ta' għotja u self li ser jippermettu sa 13% ta' prefinanzjament.
Il-Kunsill irċieva valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni għall-pjanijiet tat-12-il stat membru f'Ġunju, akkumpanjati mill-proposti għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tagħhom. It-12-il stat membru kollha talbu prefinanzjament mill-fondi allokati lilhom. Id-deċiżjonijiet li l-Kunsill adotta llum huma l-aħħar pass qabel l-istati membri jkunu jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta' għotjiet u self mal-Kummissjoni u jibdew jirċievu fondi biex jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom.
Id-deċiżjonijiet fil-Kunsill ECOFIN dwar kważi nofs il-pjanijiet nazzjonali huma pass kbir 'il quddiem fl-irkupru ekonomiku Ewropew. Dawn jippermettu lill-istati membri jiffirmaw l-ewwel ftehimiet ta' finanzjament u l-pagamenti ta' prefinanzjament li għandhom isiru. Bl-appoġġ tal-UE, l-istati membri jistgħu jibdew ir-riformi u l-investimenti meħtieġa għall-irkupru, it-tisħiħ u t-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħna. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati ser jippermettu lill-istati membri jużaw il-fondi mhux biss biex jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19 iżda wkoll biex joħolqu Ewropa reżiljenti, aktar ekoloġika u aktar diġitali, innovattiva u kompetittiva għall-ġenerazzjonijiet li jmiss tal-UE. Andrej Šircelj, Ministru għall-Finanzi tas-Slovenja
L-assistenza finanzjarja tal-UE ta' €672.5 biljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha l-għan li tixpruna l-irkupru ekonomiku Ewropew billi tappoġġa r-riformi u l-proġetti ta' investiment tal-istati membri. Il-miżuri approvati fil-pjanijiet nazzjonali huma ċċentrati madwar sitt oqsma ta' politika ("pilastri") stabbiliti fir-regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-oqsma jinkludu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u l-koeżjoni soċjali u territorjali.
Il-miżuri tal-istati membri individwali biex jiksbu l-irkupru u jsaħħu r-reżiljenza tal-UE jinkludu, pereżempju, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, ir-rinnovazzjoni tal-bini, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol. Il-pjanijiet jindirizzaw ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż identifikati matul id-diskussjonijiet tas-Semestru Ewropew tal-2019 u l-2020.
Kuntest u l-passi li jmiss
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-parti ċentrali ta' Next Generation EU, il-pakkett ta' rkupru biex l-ekonomija tal-UE tingħata l-ħajja mill-ġdid wara l-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li jiġu indirizzati wkoll l-isfidi ewlenin ta' żminijietna, bħat-tranżizzjoni klimatika u t-trasformazzjoni diġitali. Biex jirċievu appoġġ mill-faċilità, l-istati membri jridu jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, li mbagħad tevalwahom skont ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u s-sitt pilastri tal-faċilità.
Ladarba jiġi ppreżentat pjan individwali, u sakemm ma jkunx hemm qbil dwar posponiment mal-istat membru involut, il-Kummissjoni għandha xahrejn biex tivvalutah u biex tipproponi deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tiegħu. Il-Kunsill imbagħad, bħala regola, jeżamina l-proposta fi żmien erba' ġimgħat. Wara li jadotta d-deċiżjoni proposta, l-istat membru jkun jista' jiffirma ftehimiet ta' finanzjament bilaterali mal-Kummissjoni u jirċievi l-prefinanzjament miftiehem fi żmien xahrejn.
Aktar żborżi mill-faċilità ser ikunu bbażati fuq valutazzjoni pożittiva tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li titqies il-kisba tal-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-pjan individwali.
Fond għall-irkupru: l-UE tagħti riżultati (Infografika)
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024