Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 5 ta' Diċembru 2022 11:30

Network Trans-Ewropew tat-Trasport, (TEN-T): Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu biex tiġi żgurata konnettività sostenibbli fl-Ewropa

Il-bini ta' network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) affidabbli, bla xkiel u ta' kwalità għolja ser jiżgura konnettività sostenibbli madwar l-Unjoni Ewropea mingħajr interruzzjonijiet fiżiċi, konġestjonijiet jew konnessjonijiet neqsin. Illum il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu (approċċ ġenerali) rigward il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.

Martin Kupka, Ministru Ċek għat-Trasport
L-iżvilupp ta' network tat-trasport tajjeb madwar l-Ewropa huwa kruċjali. Mhux biss biex iċ-ċittadini tagħna jiċċaqalqu malajr u b'mod affidabbli, iżda wkoll biex in-negozji tagħna jkomplu jiżviluppaw u jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern.
Martin Kupka, Ministru Ċek għat-Trasport
Martin Kupka, Ministru Ċek għat-Trasport

In-network ser jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ta' mobbiltà sostenibbli tal-UE, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE. Hu previst li dan jiġi żviluppat gradwalment pass pass, bi skadenzi proposti fl-2030, fl-2040 u fl-2050. Il-proposta għalhekk tistabbilixxi skadenzi ċari għat-tlestija tan-network trans-Ewropew tat-trasport: in-network ewlieni għandu jitlesta sal-2030, in-network ewlieni estiż li żdied reċentement għandu jitlesta sal-2040 u n-network komprensiv sal-2050.

Il-proposta tal-Kummissjoni tiffoka b'mod partikolari fuq struttura ġdida ta' governanza għall-politika u l-multimodalità tat-TEN-T billi tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi, b'mod partikolari għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja. B'reazzjoni għall-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni adottat proposta emendata f'Lulju ta' din is-sena li tintroduċi diversi bidliet fit-test inizjali. Il-proposta riveduta tappella għall-unifikazzjoni tan-network TEN-T bl-użu tal-gauge tal-linji ferrovjarji standard Ewropew. Hija tistinka wkoll għal konnettività aħjar tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE permezz tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, li huma tal-ogħla importanza strateġika għall-iżvilupp ta' flussi sostenibbli u multimodali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Ewropa.

Minkejja d-differenzi konsiderevoli f'termini ta' infrastruttura tat-trasport bejn l-istati membri tal-UE, l-approċċ ġenerali tal-Kunsill jippreserva livell xieraq ta' ambizzjoni, li huwa għoli u realistiku biżżejjed. It-test tal-Kunsill jieħu kont ukoll tar-riżorsi finanzjarji disponibbli tal-istati membri, kif ukoll il-ħtiġijiet ta' investiment għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024