Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Trasport), 5 ta' Diċembru 2022

Riżultati prinċipali

Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T): approċċ ġenerali

Il-Kunsill qabel dwar mandat ta' negozjar ("approċċ ġenerali") għall-abbozz ta' regolament dwar linji gwida tal-UE għall-iżvilupp ta' Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T).

L-objettiv tal-proposta hu li jinbena network trans-Ewropew tat-trasport affidabbli, bla xkiel u ta' kwalità għolja li jiżgura konnettività sostenibbli madwar l-UE mingħajr interruzzjonijiet fiżiċi, konġestjonijiet jew konnessjonijiet neqsin. Il-proposta tallinja l-iżvilupp tan-network TEN-T mal-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-iżvilupp sostenibbli billi tippromwovi t-trasport multimodali, issaħħaħ ir-reżiljenza tan-network TEN-T u ttejjeb l-effettività tal-għodod ta' governanza tiegħu. It-test jistabbilixxi skadenzi ċari għat-tlestija tan-network TEN-T. In-network ewlieni għandu jitlesta sal-2030, in-network ewlieni estiż li għadu kif ġie miżjud sal-2040 u n-network komprensiv sal-2050.

Martin Kupka, Ministru għat-Trasport taċ-Ċekja
L-iżvilupp ta' network tat-trasport tajjeb madwar l-Ewropa huwa kruċjali. Mhux biss biex iċ-ċittadini tagħna jiċċaqalqu malajr u b'mod affidabbli, iżda wkoll biex in-negozji tagħna jkomplu jiżviluppaw u jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern.
Martin Kupka, Ministru għat-Trasport taċ-Ċekja
Martin Kupka, Ministru għat-Trasport taċ-Ċekja

Il-leġiżlazzjoni riveduta tagħti wkoll attenzjoni speċjali lil struttura ta' governanza ġdida għall-politika u l-multimodalità tat-TEN-T billi tistabbilixxi miri ambizzjużi, b'mod partikolari għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja, li għandha tgħin biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar kompetittiv fis-suq tat-trasport. Barra minn hekk, it-test tal-approċċ ġenerali jappella għal migrazzjoni gradwali lejn gauge tal-binarji standard Ewropew fuq in-network ewlieni u estiż tat-TEN-T.

B'rispons għall-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-regoli riveduti jistinkaw ukoll għal konnettività aħjar tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE permezz tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport.

Matul id-dibattitu, il-ministri esprimew appoġġ unanimu għall-objettivi u l-approċċ tal-proposta tal-presidenza. Huma qablu li l-linji gwida ssuġġeriti dwar l-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport huma strument ewlieni tal-politika tat-trasport tal-UE. Il-ministri ssottolinjaw li din il-politika għandha tinkoraġġixxi trasport sostenibbli u aktar effiċjenti ta' nies u merkanzija filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE. Minkejja d-diversi ambizzjonijiet, prijoritajiet u approċċi tagħhom, il-ministri kkonfermaw l-impenn tagħhom li jiżviluppaw infrastruttura tat-trasport koerenti, konnessa u ta' kwalità għolja fl-UE kollha.

Żvilupp tal-ilmijiet navigabbli interni (NAIADES III)

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-iżvilupp li qed isir fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (programm NAIADES III).

It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa mezz ta' trasport sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sikur u inqas konġestjonat li jista' jkollu rwol sinifikanti fl-isforzi tal-UE biex tiġi dekarbonizzata s-sistema tat-trasport. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għalhekk jikkonfermaw mill-ġdid il-kontribut pożittiv tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u jissottolinjaw il-ħtieġa li l-potenzjal tiegħu jiġi żviluppat bis-sħiħ b'mod sostenibbli. B'kont meħud tal-impatt qawwi tat-tibdil fil-klima fuq it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, is-settur jeħtieġ miżuri biex jaċċelleraw u jistimulaw it-tiġdid tal-flotta, jipprovdu investimenti adegwati fl-infrastruttura, iżidu l-attraenza tiegħu għall-ħaddiema tat-trasport u jgħinuh ilaħħaq mal-iżviluppi diġitali. F'dan il-kuntest, il-konklużjonijiet tal-Kunsill jinkoraġġixxu lill-istati membri biex iħejju u jimplimentaw strateġiji fit-tul u jibnu fuq skemi ta' appoġġ nazzjonali biex jiksbu l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni NAIADES III, kif jinsab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2021, "NAIADES III: It-tisħiħ tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni Ewropej li jibqa' validu fil-futur".

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza u l-Kummissjoni aġġornaw lill-ministri dwar ir-relazzjonijiet tat-trasport mal-Ukrajna wara d-diskussjoni fil-Kunsill Trasport tal-5 ta' Ġunju 2022 dwar kif l-aħjar jiġi kkoordinat ir-rispons tal-UE għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Minn dik il-laqgħa 'l hawn, twettqu diversi azzjonijiet fil-livell Ewropew. Pereżempju, ġew stabbiliti "korsiji ta' solidarjetà" biex jottimizzaw il-ktajjen tal-provvista u l-kontrolli bejn l-Ukrajna u l-UE, biex jistabbilixxu rotot ġodda tat-trasport u biex jevitaw il-konġestjonijiet. Madwar 18-il miljun tunnellata ta' qamħ u żrieragħ żejtnija ġew esportati mill-Ukrajna permezz ta' korsiji ta' solidarjetà tal-UE minn Mejju. Barra minn hekk, ġie konkluż ftehim biex jiġu liberalizzati temporanjament ċerti operazzjonijiet tal-merkanzija bit-triq bejn l-UE u l-Ukrajna u l-Moldova. Filwaqt li appoġġaw bis-sħiħ l-inizjattivi u l-azzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, il-ministri ddiskutew fil-qosor id-diversi possibbiltajiet addizzjonali biex jitneħħew l-ostakli u jiġu implimentati bl-aħjar mod l-impenji biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mill-gwerra fl-Ukrajna.

Id-delegazzjoni Franċiża, Belġjana, Lussemburgiża, Netherlandiża u dik Portugiża ppreżentaw dokument konġunt dwar it-tisħiħ tas-sostenibbiltà u l-ġustizzja tas-settur tal-avjazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar ix-xejriet tas-sikurezza fit-toroq u l-isforzi msaħħa biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza fit-toroq fid-dawl taż-żieda qawwija fl-għadd ta' attestazzjonijiet tax-xufiera għal sewwieqa minn pajjiżi terzi.

Minbarra dan, il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tal-laqgħa tal-grupp ta' rappreżentanti tal-istati "Mobbiltà Konnessa, Kooperattiva u Awtomatizzata" (CCAM) li saret fi Praga fid-29 ta' Novembru 2022.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' fajls leġiżlattivi miftuħa:

  • Id-deċiżjoni proposta dwar l-implimentazzjoni tan-notifika tar-rekwiżiti ta' kumpens skont l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru stabbiliti fl-UE. In-negozjati mal-Parlament Ewropew għadhom kif ġew konklużi u d-deċiżjoni ser tiġi ppubblikata dalwaqt
  • Ir-regolament propost dwar l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU aviation), li dwaru n-negozjati mal-Parlament Ewropew jinsabu fit-triq it-tajba u jistgħu jiġu konklużi fit-trilogu li jmiss fit-8 ta' Diċembru 2022
  • Ir-regolament propost dwar il-varar ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR), li dwaru t-tieni trilogu mal-Parlament Ewropew huwa skedat għat-13 ta' Diċembru 2022
  • Ir-regolament propost dwar l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu (inizjattiva FuelEU Maritime), li dwaru għaddejjin negozjati mal-Parlament Ewropew, bit-tieni trilogu skedat għat-8 ta' Diċembru 2022
  • Il-"pakkett" tal-Ajru Uniku Ewropew (SES 2+), li dwaru għaddejjin negozjati mal-Parlament Ewropew
  • Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS), li għaliha l-ewwel trilogu mal-Parlament Ewropew huwa skedat għall-15 ta' Diċembru 2022
  • Id-direttiva li ttejjeb ir-rekwiżiti ta' stabbiltà għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, li għaliha l-ewwel trilogu u, x'aktarx, dak konklużiv mal-Parlament Ewropew huwa skedat għas-6 ta' Diċembru 2022

Bħala l-aħħar punt, il-presidenza Żvediża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel nofs tal-2023.

Punti oħra fuq l-aġenda

Bħala punt mingħajr diskussjoni, il-Kunsill approva id-dikjarazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali għad-deċennju diġitali.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025