"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Politika dwar il-migrazzjoni: il-Kunsill jilħaq qbil dwar liġijiet ewlenin b'rabta mal-ażil u l-migrazzjoni
Illum il-Kunsill ħa pass deċiżiv lejn il-modernizzazzjoni tal-ġabra ta' regoli tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Huwa laħaq qbil dwar pożizzjoni ta' negozjar b'rabta mar-regolament dwar il-proċeduri tal-ażil u r-regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni. Din il-pożizzjoni ser tifforma l-bażi tan-negozjati mill-presidenza tal-Kunsill mal-Parlament Ewropew.
L-ebda stat membru ma jista' jindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni waħdu. Il-pajjiżi l-aktar esposti għandhom bżonn is-solidarjetà tagħna. U l-istati membri kollha għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq l-aderenza responsabbli mar-regola maqbula. Ninsab kuntenta ħafna li fuq din il-bażi lħaqna qbil dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tagħna.
Maria Malmer Stenergard, ministru għall-migrazzjoni tal-Iżvezja
Simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ażil
Ir-regolament dwar il-proċeduri tal-ażil jistabbilixxi proċedura komuni fl-UE kollha li l-istati membri jeħtieġ li jsegwu meta persuni jfittxu protezzjoni internazzjonali. Dan jissimplifika l-arranġamenti proċedurali (eż. it-tul tal-proċedura) u jistabbilixxi standards għad-drittijiet tal-persuni li jfittxu ażil (eż. jingħataw is-servizz ta' interpretu jew ikollhom id-dritt għal assistenza u rappreżentanza legali).
Ir-regolament għandu wkoll l-għan li jipprevjeni l-abbuż tas-sistema billi jistabbilixxi obbligi ċari biex l-applikanti jikkooperaw mal-awtoritajiet matul il-proċedura kollha.
Proċeduri fuq il-fruntiera
Ir-regolament dwar il-proċeduri tal-ażil jintroduċi wkoll proċeduri obbligatorji fuq il-fruntiera, bl-għan li ssir valutazzjoni malajr fil-fruntieri esterni tal-UE jekk l-applikazzjonijiet ikunux bla bażi jew inammissibbli. Il-persuni li jkunu soġġetti għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera mhumiex awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-istat membru.
Il-proċedura fuq il-fruntiera tapplika meta persuna li tfittex l-ażil tressaq applikazzjoni f'punt ta' qsim tal-fruntiera esterna, wara li tkun inqabdet b'rabta ma' qsim illegali tal-fruntiera u wara l-iżbark wara operazzjoni ta' tfittxija u salvataġġ. Il-proċedura hija obbligatorja għall-istati membri jekk l-applikant ikun ta' periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, jekk ikun żgwida lill-awtoritajiet b'informazzjoni falza jew billi ma jkunx ta informazzjoni u jekk l-applikant ikollu nazzjonalità b'rata ta' rikonoxximent ta' inqas minn 20%.
It-tul ta' żmien totali tal-proċedura tal-ażil u tar-ritorn fuq il-fruntiera m'għandux jaqbeż is-6 xhur.
Kapaċità adegwata
Sabiex iwettqu l-proċeduri fuq il-fruntiera, jeħtieġ li l-istati membri jistabbilixxu kapaċità adegwata, f'termini ta' akkoljenza u riżorsi umani, meħtieġa biex fi kwalunkwe mument jeżaminaw għadd identifikat ta' applikazzjonijiet u jinfurzaw id-deċiżjonijiet ta' ritorn.
Fil-livell tal-UE din il-kapaċità adegwata hija 30 000. Il-kapaċità adegwata ta' kull stat membru ser tiġi stabbilita abbażi ta' formula li tqis l-għadd ta' qsim irregolari tal-fruntieri u rifjuti ta' dħul fuq perjodu ta' tliet snin.
Modifika tar-regoli ta' Dublin
Ladarba jintlaħaq qbil dwaru, ir-regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni (AMMR) għandu jissostitwixxir-regolament ta' Dublin attwali. Ir-regolament ta' Dublin jistabbilixxi regoli li jiddeterminaw liema stat membru huwa responsabbli għall-eżami ta' applikazzjoni għall-ażil. L-AMMR ser jissimplifika dawn ir-regoli u jqassar il-limiti ta' żmien. Pereżempju, il-proċedura kumplessa attwali ta' teħid lura bl-għan li applikant jiġi ttrasferit lura lejn l-istat membru responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu ser tiġi sostitwita b'sempliċi notifika għat-teħid lura
Mekkaniżmu ġdid ta' solidarjetà
Biex tiġi bbilanċjata s-sistema attwali fejn ftit stati membri huma responsabbli għall-maġġoranza l-kbira tal-applikazzjonijiet għall-ażil, qed jiġi propost mekkaniżmu ġdid ta' solidarjetà li jkun sempliċi, prevedibbli u li jista' jitħaddem. Ir-regoli l-ġodda jgħaqqdu flimkien is-solidarjetà obbligatorja mal-flessibbiltà għall-istati membri fir-rigward tal-għażla tal-kontributi individwali. Dawn il-kontributi jinkludu r-rilokazzjoni, kontribuzzjonijiet finanzjarji jew miżuri alternattivi ta' solidarjetà bħall-iskjerament ta' persunal jew miżuri li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet. L-istati membri għandhom diskrezzjoni sħiħa dwar it-tip ta' solidarjetà li jikkontribwixxu. L-ebda stat membru mhu ser ikun obbligat iwettaq rilokazzjonijiet.
Ser ikun hemm numru annwali minimu għal rilokazzjonijiet mill-istati membri fejn il-biċċa l-kbira tal-persuni jidħlu fl-UE lejn l-istati membri li huma inqas esposti għal dawn il-wasliet. Dan in-numru huwa 30 000, filwaqt li l-ammont annwali minimu għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji ser ikun €20 000 għal kull rilokazzjoni. Dawn iċ-ċifri jistgħu jiżdiedu fejn ikun meħtieġ u ser jitqiesu wkoll sitwazzjonijiet fejn ma tkun prevista l-ebda ħtieġa għal solidarjetà f'sena partikolari.
Sabiex jiġi kkumpensat għadd possibbilment insuffiċjenti ta' rilokazzjonijiet imwiegħda, ser ikunu disponibbli kumpensi tar-responsabbiltà bħala miżura ta' solidarjetà tat-tieni livell, favur l-istati membri li jibbenefikaw mis-solidarjetà. Dan ifisser li l-istat membru kontribwenti ser ikun responsabbli għall-eżami ta' talba għall-ażil minn persuni li, taħt ċirkostanzi normali, ikunu soġġetti għal trasferiment lejn l-istat membru responsabbli (stat membru benefiċjarju). Din l-iskema ser issir obbligatorja jekk il-wegħdiet ta' rilokazzjoni ma jilħqux is-60% tal-ħtiġijiet totali identifikati mill-Kunsill għas-sena partikolari jew ma jilħqux in-numru stabbilit fir-regolament (30 000).
Prevenzjoni tal-abbuż u movimenti sekondarji
L-AMMR fih ukoll miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni ta' abbuż mill-persuna li tfittex ażil u l-evitar ta' movimenti sekondarji (meta migrant jiċċaqlaq mill-pajjiż li fih ikun wasal l-ewwel biex ifittex protezzjoni jew risistemazzjoni permanenti xi mkien ieħor). Ir-regolament, pereżempju, jistabbilixxi obbligi biex il-persuni li jfittxu ażil japplikaw fl-istati membri tal-ewwel wasla jew soġġorn legali. Dan jiskoraġġixxi l-movimenti sekondarji billi jillimita l-possibbiltajiet għat-tmiem jew it-trasferiment tar-responsabbiltà bejn l-istati membri u b'hekk inaqqas il-possibbiltajiet li l-applikant jagħżel l-istat membru fejn jippreżenta t-talba tiegħu.
Filwaqt li r-regolament il-ġdid għandu jippreserva r-regoli ewlenin dwar id-determinazzjoni tar-responsabbiltà, il-miżuri maqbula jinkludu limiti ta' żmien modifikati għat-tul ta' żmien tagħha:
l-istat membru tal-ewwel wasla ser ikun responsabbli għall-applikazzjoni għall-ażil għal perjodu ta' sentejn
meta pajjiż jixtieq jittrasferixxi persuna lejn l-istat membru li jkun fil-fatt responsabbli għall-migrant u din il-persuna taħrab (eż. meta l-migrant jistaħba biex jevadi trasferiment) ir-responsabbiltà ser tgħaddi għall-istat membru tat-trasferiment wara tliet snin
jekk stat membru jirrifjuta applikant fil-proċedura fuq il-fruntiera, ir-responsabbiltà tiegħu għal dik il-persuna ser tintemm wara 15-il xahar (f'każ ta' applikazzjoni mġedda)
Kuntest u passi li jmiss
Iż-żewġ atti leġiżlattivi li l-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwarhom jagħmlu parti mill-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil li jikkonsisti minn sett ta' proposti għar-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Dan il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tat-23 ta' Settembru 2020 kien akkumpanjat minn għadd ta' proposti leġiżlattivi. Fosthom hemm regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni u emenda għall-proposta tal-2016 għal regolament dwar il-proċeduri tal-ażil.