Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Ottubru 2023 17:20

Il-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar regoli ġodda għal trattament aktar effiċjenti tal-ilma urban mormi

Illum, il-Kunsill laħaq qbil ("approċċ ġenerali") dwar proposta biex tiġi rieżaminata d-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. Id-Direttiva riveduta hija waħda mir-riżultati ewlenin tal-pjan ta' azzjoni tal-UE ta' tniġġis żero.

Filwaqt li d-direttiva attwali wriet li hija effettiva ħafna fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma u fit-titjib tat-trattament tal-iskariki tal-ilma mormi matul l-aħħar tliet deċennji, din ir-reviżjoni għandha l-għan li taġġorna d-direttiva billi testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha u tallinjaha mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

L-approċċ ġenerali ser iservi bħala mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni.

Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi prim ministru Spanjol u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Illum ilħaqna ftehim importanti biex intejbu l-ġbir u t-trattament diġà effettivi tal-ilma urban mormi fl-UE. Dan iwassalna pass eqreb lejn l-għan ta' tniġġis żero li stabbilejna għall-Ewropa. Il-kontribut ta' dan is-settur għall-objettivi klimatiċi tagħna huwa kruċjali u r-regoli l-ġodda ser ikomplu jgħinuna nipproteġu l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini tagħna.
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi prim ministru Spanjol u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi prim ministru Spanjol u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika

Il-bidliet ewlenin maqbula mill-Kunsill

It-test tal-Kunsill isib bilanċ bejn iż-żamma tal-ambizzjoni ewlenija tar-reviżjoni proposta biex jittejbu l-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi u l-għoti ta' flessibbiltà lill-istati membri fl-implimentazzjoni tad-direttiva, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva

L-għanijiet tad-direttiva ġew estiżi, kif propost mill-Kummissjoni, lil hinn mill-protezzjoni ambjentali, biex jinkludu wkoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Biex jiġi indirizzat it-tniġġis minn agglomerazzjonijiet żgħar, il-Kunsill estenda l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex jinkludi l-agglomerazzjonijiet kollha b'ekwivalenti ta' popolazzjoni (e.p.) ta' 1 250 u aktar, għall-kuntrarju tal-2 000 e.p. tad-direttiva attwali. Għall-fini ta' din id-direttiva, l-ekwivalenti ta' popolazzjoni huwa parametru użat biex jiddefinixxi l-kwantitajiet ta' ilma mormi f'termini tat-tagħbija potenzjali tat-tniġġis tal-ilma kkawżat minn persuna waħda kuljum, "ekwivalenti ta' popolazzjoni wieħed" hija t-tagħbija organika bijodegradabbli ta' kuljum li għandha domanda bijokimika ta' ossiġenu fuq ħamest ijiem ta' 60g ta' ossiġenu kuljum.

Sistemi ta' ġbir tal-ilma mormi u pjanijiet ta' ġestjoni

Il-Kunsill qabel li l-obbligu li jiġu stabbiliti sistemi ta' ġbir tal-ilma urban mormi għandu jiġi estiż għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 1 250 e.p. jew aktar. Ippospona wkoll l-iskadenza għall-konformità ma' dan l-obbligu mill-2030 għall-2035, b'xi derogi disponibbli għal agglomerazzjonijiet iżgħar u dawk l-istati membri li ssieħbu l-aktar reċentement fl-UE. Pereżempju, l-istati membri li ssieħbu fl-2004 jew fl-2006 jista' jkollhom l-iskadenzi tagħhom għall-konformità estiżi għal tmien jew tnax-il sena, rispettivament, peress li diġà kellhom jagħmlu investimenti sinifikanti aktar reċenti biex jimplimentaw id-direttiva.

Jekk l-istabbiliment ta' sistema ta' ġbir ma jkunx ġustifikat, fattibbli jew kosteffettiv, l-istati membri jistgħu jużaw sistemi individwali biex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi.

It-test jistabbilixxi skadenzi għall-istati membri biex jistabbilixxu pjan integrat tal-ġestjoni tal-ilma urban mormi li jkopri agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 100 000 e.p. sal-2035, u agglomerazzjonijiet ta' bejn l-10 000 u l-100 000 e.p. sal-2040. Tali pjanijiet integrati ta' ġestjoni ser jiġu riveduti mill-inqas kull sitt snin.

Trattamenti tal-ilma mormi

Il-Kunsill estenda l-obbligu li jiġi applikat trattament sekondarju (jiġifieri t-tneħħija ta' materja organika bijodegradabbli) għall-ilma urban mormi qabel ma jintrema fl-ambjent għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 1 250 e.p. jew aktar sal-2035. Id-derogi japplikaw għal agglomerazzjonijiet iżgħar u stati membri li ssieħbu fl-UE reċentement.

Sal-2045, l-istati membri ser ikollhom jiżguraw l-applikazzjoni ta' trattament terzjarju (jiġifieri t-tneħħija tan-nitroġenu u l-fosforu) f'impjanti akbar ta' 150 000 e.p. u aktar. It-trattament terzjarju ser ikun obbligatorju f'agglomerazzjonijiet iżgħar f'żoni f'riskju ta' ewtrofikazzjoni. L-istati membri introduċew deroga minn dan ir-rekwiżit meta l-ilma urban mormi ttrattat jerġa' jintuża għat-tisqija agrikola, dment li ma jkun hemm l-ebda riskju ambjentali u sanitarju. Trattament addizzjonali li jneħħi spettru wiesa' ta' mikrosustanzi niġġiesa ("trattament kwaternarju") għandu jkun obbligatorju għall-impjanti kollha ta' aktar minn 200 000 e.p. sal-2045, b'miri intermedji fl-2035 u fl-2040.

Responsabbiltà estiża tal-produttur

Sabiex jiġu koperti l-kostijiet addizzjonali involuti mit-trattament kwaternarju u f'konformità mal-"prinċipju ta' min iniġġes iħallas", il-produtturi tal-farmaċewtiċi u tal-kożmetiċi li jwasslu għal tniġġis tal-ilma urban mormi minn mikrosustanzi niġġiesa jkollhom jikkontribwixxu għall-kostijiet ta' dan it-trattament addizzjonali, permezz ta' skema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR). Il-Kunsill qabel li l-EPR għandha tapplika għal kwalunkwe prodott introdott fis-suq, fi kwalunkwe pajjiż u bi kwalunkwe mezz. Eżonerazzjonijiet mill-EPR huma previsti li ma jirrappreżentawx piż amministrattiv sproporzjonat għall-produttur

Newtralità enerġetika u sorsi ta' enerġija rinnovabbli

L-istati membri qablu li s-settur tat-trattament tal-ilma urban mormi jista' jkollu rwol importanti fit-tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u biex jgħin lill-UE tilħaq l-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika. Huma introduċew mira tan-newtralità enerġetika, li jfisser li sal-2045 l-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi ser ikollhom jipproduċu l-enerġija li jikkunsmaw, b'miri intermedji progressivi. Din l-enerġija tista' tiġi prodotta fuq il-post jew lil hinn minnu, u sa 30% tal-enerġija tista' tinxtara minn sorsi esterni.

Sorveljanza u valutazzjoni tar-riskju tal-ilma mormi

Ir-regoli l-ġodda jintroduċu obbligi għall-istati membri biex jimmonitorjaw il-parametri tas-saħħa fl-ilmijiet urbani mormija sabiex isegwu l-preżenza ta' patoġeni responsabbli għall-mard tal-bniedem u l-pandemiji, bħall-virus tas-SARS-CoV-2 (coronavirus), il-poljovirus, u l-virus tal-influwenza.

Barra minn hekk, l-istati membri huma meħtieġa jivvalutaw ir-riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem ikkawżati mill-iskariki tal-ilma urban mormi, u, fejn meħtieġ, jieħdu miżuri addizzjonali minbarra r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-direttiva biex jindirizzaw dawn ir-riskji.

Il-passi li jmiss

L-approċċ ġenerali ser iservi bħala l-mandat għall-Kunsill għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni. L-eżitu tan-negozjati ser ikollu jiġi adottat formalment mill-Kunsill u l-Parlament.

Informazzjoni ġenerali

Id-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi ġiet adottata fl-1991. L-objettiv ta' din id-direttiva huwa li "tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki tal-ilma mormi minn sorsi urbani u minn industriji speċifiċi". Skont id-direttiva attwali, l-istati membri huma meħtieġa jiżguraw li l-ilma mormi mill-agglomerazzjonijiet kollha ta' aktar minn 2 000 abitant jinġabar u jiġi ttrattat skont l-istandards minimi tal-UE. L-istati membri jridu wkoll jiddeżinjaw żoni sensittivi skont il-kriterji inklużi fid-direttiva li għalihom japplikaw standards u skadenzi aktar stretti.

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-direttiva fl-2019. Din l-evalwazzjoni kkonfermat li l-implimentazzjoni tad-direttiva wasslet għal tnaqqis sinifikanti fir-rilaxxi ta' inkwinanti. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-effettività tad-direttiva tinsab fis-sempliċità tar-rekwiżiti tagħha, li tippermetti infurzar sempliċi. Illum 98% tal-ilmijiet mormija tal-UE jinġabru b'mod adegwat u 92% jiġu ttrattati b'mod adegwat.

Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li għad hemm sorsi ta' tniġġis li għadhom mhumiex indirizzati b'mod adegwat mir-regoli attwali. Dawn jinkludu t-tniġġis minn agglomerazzjonijiet iżgħar, fajd tal-ilma tal-maltemp u mikrosustanzi niġġiesa li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni enfasizzat is-settur tal-ilma urban mormi bħala wieħed mill-akbar konsumaturi tal-enerġija fis-settur pubbliku. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet li fadal u jtejbu l-kontribut tas-settur biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025