Skip to content

Trattament tal-ilma mormi

It-trattament xieraq tal-ilma mormi huwa meħtieġ biex tiġi żgurata kwalità tajba tal-ilma. L-UE introduċiet regoli ġodda biex tipproteġi aħjar lin-nies u l-ambjent.

Kawża ewlenija tat-tniġġis tal-ilma

Jekk ma jiġix ittrattat b'mod xieraq, l-ilma mormi jista' jkun kawża ewlenija tat-tniġġis tal-ilma, li jħalli impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Il-kwalità tal-ilma fl-UE tjiebet bil-kbir f'dawn l-aħħar 30 sena, mhux l-inqas bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, iżda għad hemm wisq tniġġis, b'sustanzi niġġiesa ġodda li qed ifeġġu l-ħin kollu. Dan it-tniġġis irid jiġi indirizzat sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

L-għan tal-UE huwa li tikseb ambjent ta' tniġġis żero sal-2050. Għal dan il-għan, il-Kunsill adotta regoli aġġornati dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, li jmorru lura għall-1991.

Sustanzi niġġiesa ewlenin

L-ilma mormi li joriġina mid-djar jew mill-industrija, iġorr firxa ta' sustanzi organiċi u inorganiċi, żjut u partikoli oħra. Uħud mill-aktar sustanzi niġġiesa sinifikanti huma n-nitroġenu, il-fosforu, il-materjali organiċi u l-mikrosustanzi niġġiesa.

Nitroġenu u fosforu

Meta tiekol, tista' tikkawża tniġġis min-nitroġenu.

In-nitroġenu u l-fosforu jintużaw bħala fertilizzanti fil-produzzjoni tal-ikel, kif ukoll f'setturi oħra bħala addittivi, pereżempju, jew fl-industrija farmaċewtika.

Materjal organiku

Meta tuża t-tojlit, tista' tiġġenera domanda bijoloġika ogħla għall-ossiġenu.

L-ossiġenu huwa meħtieġ għad-dekompożizzjoni tal-materja organika. Aktar ma jkun hemm materja organika fl-ilma, akbar tkun id-domanda għall-ossiġenu – li jfisser li ma jkunx fadal biżżejjed ossiġenu għall-annimali bħall-ħut.

Mikrosustanzi niġġiesa u mikroplastiċi

Jekk tuża kożmetiċi jew mediċini, tista' toħloq mikrosustanzi niġġiesa.

92% tal-mikrosustanzi tossiċi li jinstabu fl-ilma mormi tal-UE jiġu minn farmaċewtiċi bħall-antibijotiċi u l-kożmetiċi.

In-nitroġenu u l-fosforu huma n-nutrijenti ewlenin fl-ilma mormi. Livelli eċċessivi ta' dawn is-sustanzi kimiċi fix-xmajjar, fil-lagi jew fl-ibħra jippromwovu t-tkabbir rapidu tal-alga u tal-pjanti akkwatiċi, li jistgħu jnaqqsu l-livelli ta' ossiġenu meta jmutu u jiddekomponu. Dan it-tnaqqis tal-ossiġenu jagħmel ħsara lill-ħut u lil organiżmi akkwatiċi oħra, proċess imsejjaħ ewtrofikazzjoni.

Impatt pożittiv tar-regoli tal-UE dwar it-trattament tal-ilma mormi

30 sena ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma mormi kienu ta' suċċess. Matul is-snin, l-applikazzjoni ta' regoli tal-UE kkontribwiet ħafna biex ix-xmajjar, il-lagi, l-ilma tal-pjan u l-ibħra jsiru aktar nodfa.

Skont l-evalwazzjoni tal-2019 tal-leġiżlazzjoni tal-UE mwettqa mill-Kummissjoni, ir-rata tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi tal-UE hija ta' kważi 100%, u aktar minn 90% minnu huwa ttrattat skont l-istandards għolja previsti fir-regoli tal-UE.

B'riżultat ta' dan, il-livell ta' sustanzi niġġiesa fl-ilma mormi ttrattat naqas ferm.

Tnaqqis fis-sustanzi niġġiesa ewlenin fl-ilma mormi ttrattat

Verżjoni testwali

Il-bar chart turi l-livelli ta' tliet sustanzi niġġiesa ewlenin fl-1990 u fl-2014 f'tunnellati.

Domanda bijoloġika ta' ossiġenu

1990: 3.7 miljun tunnellata

2014: 1.4 miljun tunnellata

Nitroġenu

1990: 1 miljun tunnellata

2014: 0.6 miljun tunnellata

Fosforu

1990: 0.2 miljun tunnellata

2014: 0.1 miljun tunnellata

Xejriet ċari 'l isfel jistgħu jidhru wkoll fil-livell ta' sustanzi niġġiesa fix-xmajjar u fl-ilma tal-pjan tal-UE.

Livell aktar baxx ta' sustanzi niġġiesa fix-xmajjar u fl-ilma tal-pjan

Verżjoni testwali

Il-grafika turi t-tnaqqis fil-livelli ta' tliet sustanzi niġġiesa ewlenin fl-ilma tal-pjan u fix-xmajjar bejn l-2000 u l-2020.

In-nitrati naqsu b'9% fl-ilma tal-pjan.

Il-fosfati naqsu bi 17.2% fix-xmajjar.

Id-domanda bijokimika għall-ossiġenu naqset b'21.1% fix-xmajjar.

Regoli ġodda dwar it-trattament tal-ilma urban mormi

Għaddew tliet deċennji minn meta r-regoli dwar it-trattament tal-ilma mormi ġew adottati għall-ewwel darba. Illum jeżistu sustanzi niġġiesa ġodda, u nħolqu opportunitajiet ġodda biex it-trattament tal-ilma jsir effiċjenti fl-enerġija u biex id-data tintuża aħjar.

F'Ottubru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għall-aġġornament tad-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (id-direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, aktar tard emendata fl-1998 bħala d-direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE). Il-proposta kienet ibbażata fuq evalwazzjoni tar-regoli konkluża fl-2019, li enfasizzat ir-riżultati tanġibbli li d-direttiva kienet għenet biex jinkisbu kif ukoll l-isfidi li fadal.

F'Ottubru 2023, is-27 stat membru qablu dwar il-pożizzjoni tagħhom fil-Kunsill ("approċċ ġenerali"). Il-Parlament Ewropew adotta l‑pożizzjoni tiegħu fl-istess xahar. F'Jannar 2024, in-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar il-proposta. Il-Kunsill adotta r-regoli formalment f'Novembru 2024.

Id-direttiva riveduta ser:

  • testendi r-regoli għal bliet iżgħar
  • ittejjeb b'mod ulterjuri l-operazzjonijiet ta' trattament
  • tnaqqas l-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur
  • iġġiegħel lil dawk li jniġġsu jħallsu
  • tgħin fil-monitoraġġ tal-pandemiji u fil-prevenzjoni tagħhom
  • ittejjeb is-sanità, b'mod partikolari għall-individwi l-aktar vulnerabbli

L-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda ser teħtieġ investiment fis-settur. Madankollu, is-servizzi tal-ilma mhumiex mistennija li jsiru aktar għaljin għall-unitajiet domestiċi individwali, u l-benefiċċji fit-tul għas-saħħa tan-nies u għall-ambjent ser ikunu ferm akbar mill-kostijiet li l-operaturi ser iġarrbu.

Inkluż bliet iżgħar

43% tal-agglomerazzjonijiet urbani kollha tal-UE għandhom inqas minn 2 000 ekwivalenti tal-popolazzjoni ("l-ekwivalenti tal-popolazzjoni" huwa kejl użat għall-kalkolu tat-tniġġis tal-ilma mormi urban). Skont ir-regoli tal-UE tal-1991, dawn il-bliet iż-żgħar ma għandhomx għalfejn jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi tagħhom, iżda madankollu jikkawżaw tniġġis sinifikanti fil-korpi tal-ilma.

Skont ir-regoli l-ġodda, il-bliet kollha b'popolazzjoni ta' 1 000 persuna jew aktar ser ikollhom jirrispettaw ir-regoli dwar it-trattament tal-ilma mormi sal-2035. Dan jinkludi:

  • it-twaqqif ta' sistemi ta' ġbir tal-ilma urban mormi
  • it-trattament tal-ilma mormi biex titneħħa l-materja organika bijodegradabbli qabel ma jintrema fl-ambjent

Xi derogi japplikaw għal agglomerazzjonijiet iżgħar u dawk fl-istati membri li ssieħbu fl-UE l-aktar reċentement.

It-tneħħija tan-nitroġenu u tal-fosforu

Ir-regoli l-ġodda ser jirrikjedu li l-istati membri jneħħu n-nitroġenu u l-fosforu sal-2039, billi jkomplu jittrattaw l-ilma mormi f'impjanti għal 150 000 ekwivalenti tal-popolazzjoni jew aktar. Sal-2045, il-pajjiżi tal-UE ser ikollhom ineħħu wkoll il-mikrosustanzi niġġiesa.

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE ser ikollhom bżonn jimmaniġġaw aħjar l-ilma tax-xita (fi bliet akbar biss) biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' materja organika u sustanzi niġġiesa oħra. Dan ser jgħin biex tiġi indirizzata b'mod aktar effettiv ix-xita qawwija, li qed tinżel aktar ta' spiss minħabba t-tibdil fil-klima.

Il-kontribut għall-għanijiet klimatiċi u l-ekonomija ċirkolari

Skont ir-regoli l-ġodda, is-settur tal-ilma mormi ser ikollu jnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu, li llum jammontaw għal madwar 0.85% tal-emissjonijiet kollha tal-UE.

Is-settur għandu jikseb newtralità enerġetika, li jfisser li sal-2045, l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban ser ikollhom jipproduċu l-enerġija li jikkunsmaw. Din l-enerġija tista' tiġi prodotta fuq il-post jew x'imkien ieħor, u sa 35% tal-enerġija tista' tinxtara minn sorsi esterni.

Ir-regoli l-ġodda ser jgħinu wkoll biex jiġi evitat it-telf ta' riżorsi u jiffavorixxu l-użu mill-ġdid tagħhom f'mudell ċirkolari. Pereżempju, il-fosforu mill-ħama ser jiġi rkuprat u jerġa' jintuża biex isiru fertilizzanti għall-produzzjoni tal-għelejjel.

Inġiegħlu lill-industrija tħallas

Aktar minn 90% tal-mikrosustanzi niġġiesa li jinstabu fl-ilma mormi huma ġejjin minn farmaċewtiċi u kożmetiċi.

Trattamenti biex jitneħħew sustanzi tossiċi f'dawn is-setturi huma disponibbli u effettivi. Ir-regoli l-ġodda ser jirrikjedu li l-produtturi u l-importaturi japplikaw trattamenti bħal dawn billi jintroduċu r-responsabbiltà estiża tal-produttur, imsejsa fuq il-prinċipju li "min iniġġes iħallas".

Monitoraġġ tal-pandemiji

Il-viruses u l-pandemiji jistgħu jiġu evitati aħjar permezz tal-monitoraġġ tal-ilma mormi.

L-ilma urban mormi jista' jiġi analizzat biex tiġi traċċata l-preżenza ta' patoġeni responsabbli għall-mard tal-bniedem u l-pandemiji. L-esperjenza tal-COVID-19 uriet li l-monitoraġġ tal-ilma mormi jista' jkun mezz effettiv ħafna biex titbassar l-imxija ta' virus fil-futur.

Id-direttiva l-ġdida tirrikjedi lill-pajjiżi tal-UE jimmonitorjaw ċerti parametri tas-saħħa fl-ilma mormi urban. Dan jinkludi l-virus tas-SARS-CoV-2, il-poljo, il-viruses tal-influwenza u patoġeni oħra.

Titjib tas-sanità

Skont l-Eurostat, madwar 10 miljun persuna fl-UE ma għandhomx aċċess għal faċilitajiet bażiċi tas-sanità.

Ir-regoli l-ġodda ser jirrikjedu li l-istati membri jiżguraw servizzi ta' sanità, speċjalment għall-persuni l-aktar emarġinati u vulnerabbli fl-UE. L-aċċess għal-latrini pubbliċi għal kulħadd ser ikollu jiġi mtejjeb ukoll.

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025