- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 23 ta' Novembru 2023 10:35
Ħiliet u kompetenzi diġitali u edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' suċċess: lesti għall-era diġitali
Illum, il-Kunsill adotta sett ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għal edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' suċċess, u dwar it-titjib tal-forniment ta' ħiliet u kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
B'dan il-pakkett, il-Kunsill qed jindirizza l-ħtieġa li l-edukazzjoni tkun adattata għal trasformazzjoni diġitali ġenwina u kapaċi tlaħħaq maż-żminijiet, filwaqt li jiġu pprovduti l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa li huma – u ser ikunu – meħtieġa f'din ir-realtà l-ġdida.
Il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali jeħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha, fil-gruppi tal-etajiet u l-isfondi kollha. U kull skola, kull istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tqis kif xieraq kemm ir-riskji kif ukoll l-opportunitajiet li ġġib magħha t-teknoloġija. Pilar Alegría, Ministru Spanjol għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ Vokazzjonali u l-Isport
Erbgħa minn kull ħames persuni mistennija jkollhom ħiliet diġitali bażiċi sal-2030
Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li tittejjeb il-prontezza diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-rigward ta' reżiljenza, aċċessibbiltà, kwalità għolja u inklużività. Barra minn hekk, skont l-impenn tad-Deċennju Diġitali, il-mira tal-UE hija li 80% tal-popolazzjoni ta' bejn is-16 u l-74 sena jkollhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2030.
F'dan l-isfond, u fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet (2023), huwa aktar rilevanti minn qatt qabel li ssir enfasi fuq il-ħtiġijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li tittieħed azzjonifil-livelli kollha (l-edukazzjoni u t-taħriġ preprimarja, primarja, sekondarja u vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja, it-tagħlim għall-adulti), f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, u għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni (eż. iż-żgħażagħ, l-adulti u l-professjonisti).
Ħiliet u kompetenzi diġitali
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata llum dwar il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tirrakkomanda li l-istati membri jaqblu dwar strateġiji jew approċċi strateġiċi nazzjonali, u fejn xieraq reġjonali, għall-edukazzjoni diġitali u l-ħilietu l-kompetenzi diġitali, u tistedinhom biex:
- jistabbilixxu jew jirrieżaminaw l-objettivi nazzjonali għall-forniment ta' dawn il-ħiliet u l-kompetenzi
- jieħdu miżuri mmirati lejn "gruppi ta' prijorità jew li diffiċli jintlaħqu"
- isaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni primarja u sekondarja
- jippromwovu t-tagħlim tal-ħiliet diġitali b'mod trasversali f'suġġetti differenti
- itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għall-istudenti kollha fl-edukazzjoni għolja, filwaqt li jipprovdu opportunitajiet ta' apprendiment fil-livelli u d-dixxiplini kollha
- jagħtu opportunitajiet lill-adulti biex jiksbu ħiliet diġitali u jindirizzaw in-nuqqas ta' professjonisti tal-ICT
Edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' suċċess
Fl-istess ħin, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għal edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' suċċess tiffoka fuq kif is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jsiru adattati għall-era diġitali. Din tipprovdi gwida dwar kif in-nies jistgħu jitħejjew biex jużaw it-teknoloġija b'mod kreattiv, sikur u responsabbli, abbażi ta' fehim ta' kif tiffunzjona.
Fost miżuri oħra, tappella lill-istati membri biex:
- jintegraw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim u jagħtu s-setgħa lill-għalliema biex jużawhom
- jappoġġaw l-iżvilupp ta' għodod edukattivi diġitali, inkluż ir-riċerka dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali
- jieħdu miżuri ta' ċibersigurtà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż is-sensibilizzazzjoni
- jinvestu fil-konnettività, l-infrastruttura diġitali u l-aċċessibbiltà diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Il-passi li jmiss
Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet ġew adottati llum u ser jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea ser timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fl-istati membri kollha; imbagħad ser tħejji u tibgħat rapport lill-Kunsill fi żmien ħames snin.
- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għal edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' suċċess, 23 ta' Novembru 2023
- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, 23 ta' Novembru 2023
- Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (informazzjoni ġenerali)
- Futur diġitali għall-Ewropa (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Emma O'Driscoll Press officer
- +32 475 88 48 33
- +32 2 281 48 10
- @eo_press
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025