"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 23 u 24 ta' Novembru 2023
Riżultati ewlenin
Edukazzjoni
L-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza demokratika
Il-ministri għall-edukazzjoni bdew il-laqgħa tagħhom billi approvaw konklużjonijiet dwar il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tisħiħ tal-valuri komuni Ewropej u ċ-ċittadinanza demokratika.
Il-protezzjoni tal-valuri li naqsmu bħala Ewropej u l-importanza taċ-ċittadinanza demokratika huma s-sinsla tas-soċjetajiet tagħna u prijorità assoluta għall-presidenza Spanjola. Illum, naffermaw mill-ġdid ir-rwol tal-edukazzjoni fit-tiswir ta' ċittadini attivi, involuti u kreattivi.
Pilar Alegria, Ministru għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ Vokazzjonali u l-Isport ta' Spanja
Dawn il-konklużjonijiet jenfasizzaw dak li l-ministri għall-edukazzjoni jqisu li huwa kompitu kruċjali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna: ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-valuri li jorbtu lill-Ewropej flimkien, fit-tiswir ta' ċittadini li huma attivi u infurmati tajjeb, mgħammra bi ħsieb kritiku u kapaċi jinvolvu ruħhom f'soċjetajiet demokratiċi, ġusti, sostenibbli u diġitali.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jenfasizzaw ir-rwol vitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu antiċipati, adattati u indirizzati kif xieraq l-isfidi politiċi, soċjali, kulturali u teknoloġiċi ġodda.
Il-ministri għall-edukazzjoni adottaw żewġ rakkomandazzjonijiet, dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, kif ukoll dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali.
Il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali jeħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha, fil-gruppi ta' etajiet u l-isfondi kollha. Kull skola u kull istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tqis kif xieraq ukoll ir-riskji u l-opportunitajiet li ġġib magħha t-teknoloġija.
Pilar Alegría, Ministru għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ Vokazzjonali u l-Isport ta' Spanja
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali tindirizza l-ħtieġa li jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għall-apprendiment u t-tagħlim għal kulħadd fl-era diġitali. Tenfasizza r-rwol tal-għalliema u l-edukaturi fit-triq lejn it-trasformazzjoni diġitali u tappoġġa l-investiment f'tagħmir, infrastruttura u taħriġ diġitali għall-persunal kollu tat-tagħlim u ta' appoġġ.
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ tistipula miżuri għall-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi diġitali fil-livelli kollha (l-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja, l-apprendiment għall-adulti) u għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni (eż. iż-żgħażagħ, l-adulti u l-professjonisti).
Il-ministri għall-edukazzjoni ddiskutew modi kif jistgħu jitkissru l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u kif ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM) jistgħu jsiru aktar attraenti għall-bniet u n-nisa żgħażagħ. Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-akbar sfidi biex titnaqqas id-disparità bejn il-ġeneri fid-dixxiplini STEAM. Enfasizzaw l-inizjattivi li tnedew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ bejn il-ġeneri f'dan il-kuntest.
Matul id-diskussjoni ħafna ministri ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija fattur ewlieni fil-ħolqien ta' ekonomiji aktar b'saħħithom, aktar sostenibbli, aktar kompetittivi u aktar inklużivi. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li tittieħed azzjoni minn età żgħira biex tiġi evitata l-konsolidazzjoni ta' stereotipi soċjali u kulturali. Issottolinjaw ukoll il-ħtieġa li tingħata spinta lill-kunfidenza u l-motivazzjoni tal-bniet, inkluż billi jiġu promossi mudelli eżemplari fis-settur u li dawn jsiru aktar viżibbli.
Wara d-dibattitu ta' orjentazzjoni, il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-inizjattiva "gwardjani fl-iskejjel" tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali.
F'sessjoni pubblika, diversi delegazzjonijiet ipprovdew informazzjoni dwar għadd ta' suġġetti:
id-delegazzjoni Slovena ppreżentat il-Manifest tal-Qari ta' Ljubljana
id-delegazzjoni Ċiprijotta ppreżentat s-sitt Olimpjad Internazzjonali tal-Mużika għall-istudenti tal-iskola
id-delegazzjoni Belġjana u dik Netherlandiża indirizzaw is-suġġett tal-privatezza tad-data fl-edukazzjoni diġitali
id-delegazzjoni Żvediża pprovdiet informazzjoni dwar l-għajnuna lill-Ukrajna fis-settur tal-edukazzjoni
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Fl-aħħar nett, il-presidenza Belġjana li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha fl-edukazzjoni li jibda f'Jannar 2024 (sessjoni mhux pubblika).
Il-ministri għaż-żgħażagħ kellhom dibattitu dwar Unjoni Ewropea li tħares 'il quddiem impenjata lejn iċ-ċittadini żgħażagħ tagħha, u enfasizzaw ir-rieda tagħhom li jsaħħu r-rwol taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE. Il-ministri tkellmu biex jipproponu modi kif jista' jissaħħaħ ir-rwol taż-żgħażagħ bħala partijiet ikkonċernati rilevanti, b'enfasi fuq iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.
Wieħed mis-suġġetti ewlenin tad-diskussjoni kien il-possibbiltà ta' Test taż-Żgħażagħ tal-UE bħala għodda rilevanti biex jitkejjel l-impatt tal-politiki tal-UE fuq iż-żgħażagħ. Diversi ministri qablu dwar il-fatt li fil-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiġi integrata perspettiva taż-żgħażagħ, biex jiġu indirizzati aħjar l-aspettattivi u l-isfidi taż-żgħażagħ kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.
Christiana Xenofontos, il-Viċi President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, ipparteċipat fid-dibattitu ta' orjentazzjoni.
Il-ministri għaż-żgħażagħ approvaw ukoll konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-konklużjonijiet jagħrfu li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija kundizzjoni essenzjali fi kwalunkwe proċess politiku u hija strumentali biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jafdaw u jemmnu fil-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Is-saħħa mentali u ż-żgħażagħ
Il-ministri għaż-żgħażagħ approvaw konklużjonijiet dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li offrew gwida dwar politiki pubbliċi komprensivi biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa ta' miżuri preventivi dwar il-benesseri mentali għaż-żgħażagħ. L-enfasi kienet fuq il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali u li jittieħdu miżuri biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u d-destigmatizzazzjoni.
Taħt affarijiet oħra, il-presidenza Spanjola infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tal-kolazzjon informali taż-żgħażagħ mad-delegati taż-żgħażagħ, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Kummissarju Iliana Ivanova. Il-parteċipanti ddiskutew il-problemi tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ u modi possibbli kif il-problemi jistgħu jiġu indirizzati b'miżuri preventivi.
F'sessjoni mhux pubblika, il-presidenza Belġjana li jmiss ippreżentat ukoll il-programm ta' ħidma tagħha fil-qasam taż-żgħażagħ.
Il-kultura u l-awdjoviżiv
Fil-bidu tas-sessjoni, il-ministru għall-kultura tal-Ukrajna indirizza lill-ministri għall-kultura u l-awdjoviżiv f'messaġġ bil-vidjo. Il-President tal-Kunsill esprima solidarjetà u appoġġ lill-poplu Ukren, b'referenza speċjali għall-artisti u l-kreaturi Ukreni.
Il-logħob elettroniku u d-dimensjoni kulturali tiegħu
Il-ministri approvaw l-ewwel sett ta' konklużjonijiet tal-Kunsill li qatt saru dwar is-settur tal-logħob elettroniku u qablu li jsaħħu d-dimensjoni kulturali u kreattiva tiegħu fl-Ewropa.
Dawn il-konklużjonijiet jagħrfu l-potenzjal kbir tas-settur tal-logħob elettroniku biex jittrażmetti kontenut kulturali u l-valur tar-rikkezza tal-ħolqien, il-wirt u l-istorja Ewropej.
Il-logħob elettroniku jirrappreżenta l-kreattività u l-innovazzjoni Ewropej, u għandu jsir aktar biex l-industrija tiġi megħjuna tikber u tibqa' kompetittiva.
Ernest Urtasun i Domènech, Ministru għall-Kultura ta' Spanja
Jinkludu wkoll miżuri biex jingħata appoġġ lil dan is-settur ekonomiku li qed jikber fl-Ewropa, inkluż opportunitajiet ta' finanzjament, iż-żamma tat-talent u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. It-test jipprevedi wkoll azzjonijiet li jagħmluha aktar faċli għall-intrapriżi Ewropej tal-logħob elettroniku biex jibqgħu sostenibbli u kompetittivi.
Għas-sessjoni mhux pubblika attendiet ukoll il-Viċi President Jourova tal-KE.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-artisti u l-professjonisti fil-qasam kulturali u kreattiv
Il-Kunsill kellu dibattitu pubbliku dwar il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-artisti u l-professjonisti fil-qasam kulturali u kreattiv fil-livell tal-UE. Il-ministri għall-kultura esprimew ir-rieda li titwitta t-triq għal sett ta' standards minimi dwar l-istatus tal-artisti, inkluż il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iskemi ta' protezzjoni soċjali u l-mobbiltà transfruntiera tagħhom.
Il-ministri indirizzaw diversi aspetti relatati mal-istatus tal-artisti u l-professjonisti fil-qasam kulturali. Irreferew għal miżuri ġodda jew eżistenti li ttieħdu f'pajjiżhom biex itejbu kemm il-kundizzjonijiet tal-għajxien kif ukoll tax-xogħol tal-artisti, il-kreaturi u l-ħaddiema fil-qasam kulturali, filwaqt li enfasizzaw ukoll it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 dwar il-vulnerabbiltà ta' dan is-settur. Esploraw aktar mezzi kif jista' jinkiseb qafas komuni biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti fil-qasam kulturali, bħala kisba pożittiva għas-settur.
Diversi ministri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-programm Ewropa Kreattiva fil-kuntest tal-baġit fit-tul tal-UE li jmiss (magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali), billi jqisuh bħala l-istrument ewlieni li jappoġġa lill-artisti u l-kreaturi. Inxteħet dawl ukoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet tal-IA, filwaqt li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali fis-setturi kreattivi u kulturali kienet punt ewlieni tad-diskussjoni.
Il-presidenza Spanjola infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament dwar l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA). Għas-sessjoni attendiet ukoll il-Viċi President Jourova tal-KE.
Fl-2021, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi. Taħt affarijiet oħra, il-presidenza Spanjola tat rendikont tal-implimentazzjoni u l-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-konklużjonijiet.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
F'sessjoni pubblika, diversi delegazzjonijiet ipprovdew informazzjoni dwar għadd ta' suġġetti:
Il-Manifest tal-qari ta' Ljubljana – id-delegazzjoni Slovena
L-għażla tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2028, České Budějovice – id-delegazzjoni Ċeka
Preżentazzjoni tal-programmi għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2024 ta' Bad Ischl Salzkammergut (Awstrija) u Tartu (Estonja) – id-delegazzjoni Awstrijaka u dik Estonjana
Pass Culture u KulturPass - id-delegazzjoni Franċiża u dik Ġermaniża
Pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati biex jiġi promoss l-irkupru tal-wirt kulturali tal-Ukrajna - id-delegazzjoni Taljana
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Fis-sessjoni ta' waranofsinhar, il-ministri għall-isport approvaw konklużjonijiet dwar in-nisa u l-ugwaljanza fil-qasam tal-isport. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza tal-aċċess għal kundizzjonijiet ugwali li jkunu sikuri u inklużivi, ħielsa minn kwalunkwe forma ta' inugwaljanza, diskriminazzjoni jew vjolenza.
Il-bniet fl-Unjoni Ewropea, mill-Azores sal-Lapponja, għandhom ikunu jistgħu joħolmu li jirbħu kampjonati dinjija u li jħossuhom sikuri u rispettati. Irridu nappoġġawhom fi triqithom billi nippromwovu opportunitajiet indaqs u billi niżguraw ambjent sportiv ħieles mill-vjolenza u l-fastidju.
Victor Francos Díaz, Segretarju tal-Istat għall-Isport ta' Spanja
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied is-sehem tan-nisa, speċjalment fost il-kowċijiet u fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-organizzazzjonijiet sportivi u fil-klabbs sportivi. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw ukoll il-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-isport professjonali, filwaqt li jiggarantixxu kopertura tal-media ħielsa mill-isterjotipi u usa' tal-kompetizzjonijiet sportivi tan-nisa.
Il-ministri għall-isport kellhom dibattitu pubbliku dwar l-ambjenti sikuri fl-isport, bil-parteċipazzjoni tal-aġent Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport tal-Ukrajna permezz ta' messaġġ bil-vidjo. Ħafna Stati Membri fakkru fis-solidarjetà sħiħa tagħhom mal-Ukrajna u xi wħud infurmaw li xi atleti Ukreni kienu qed jitħarrġu fl-istati membri tagħhom.
Il-ministri skambjaw l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali u l-miżuri li ttieħdu biex jiġu promossi l-ambjenti sikuri fl-isport. Iffukaw fuq l-ippjanar, it-tfassil u l-ġestjoni ta' infrastruttura u faċilitajiet sportivi sikuri, iżda wkoll fuq il-promozzjoni ta' ambjent emozzjonalment sikur. Diversi ministri rreferew għall-vjolenza relatata mal-isport, inkluż dan it-tip ta' vjolenza barra mis-siti sportivi, u modi kif jista' jiġi promoss settur tal-sport ħieles mill-vjolenza u l-fastidju sesswali. L-istati membri ppreżentaw il-miżuri tagħhom ta' tolleranza żero li joħolqu ambjent sikur. Kellhom ukoll skambju dwar miżuri possibbli kkoordinati fil-livell Ewropew li jistgħu jiggarantixxu ambjent aktar sikur.
Taħt affarijiet oħra, id-delegazzjoni Franċiża pprovdiet informazzjoni dwar id-dimensjoni Ewropea tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta' Pariġi 2024. Id-delegazzjoni Ġermaniża ppreżentat id-dimensjoni Ewropea tal-kampjonat Ewropew tal-futbol li ser isir fil-Ġermanja mill-14 ta' Ġunju sal-14 ta' Lulju 2024.
Rappreżentant tal-istati membri tal-UE fil-bord tal-fondazzjoni tal-WADA informa lill-ministri dwar il-laqgħa tal-bord tal-fondazzjoni li saret fis-17 ta' Novembru 2023. Wara, id-delegazzjoni Belġjana ppreżentat il-programm ta' ħidma tal-presidenza Belġjana għall-isport.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.