Futur diġitali għall-Ewropa
It-tranżizzjoni diġitali hija element ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku u l-awtonomija strateġika tal-UE. L-UE qed taħdem fuq għadd ta' oqsma ta' politika biex tiffaċilita futur diġitali għall-Ewropa.
Ħajtek online: l-UE kif qed tagħmilha aktar faċli u sikura għalik?
L-Unjoni Ewropea qed taħdem b'mod attiv biex ittejjeb l-ambjent diġitali għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha. Il-ħajja diġitali tagħna jeħtieġ li tkun sikura, faċli u tirrispetta l-libertajiet bażiċi.
Aqra l-artiklu tagħna dwar is-suġġett biex tiskopri kif l-UE qed toħloq identità elettronika (eID) komuni, trid regoli komuni għal intelliġenza artifiċjali (IA) sikura u affidabbli u tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data għar-riċerka medika.
It-tranżizzjoni diġitali fl-UE
It-teknoloġiji diġitali qed ibiddlu l-ħajja tan-nies - mill-mod ta' kif nikkomunikaw għal kif ngħixu u naħdmu. Id-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tipprovdi soluzzjonijiet għal ħafna mill-isfidi li l-Ewropa u l-Ewropej għandhom quddiemhom u toffri opportunitajiet bħal:
- il-ħolqien tal-impjiegi
- l-avvanz tal-edukazzjoni
- spinta lill-kompetittività u l-innovazzjoni
- il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-iffaċilitar ta' tranżizzjoni ekoloġika
Wara l-pandemija tal-COVID-19, id-diġitalizzazzjoni hija komponent ewlieni kemm għall-irkupru ekonomiku kif ukoll għar-reżiljenza tas-setturi tas-saħħa u tal-kura tal-Ewropa. Id-diġitalizzazzjoni tat lill-UE aktar impetu biex taċċellera t-tranżizzjoni teknoloġika, bit-tisħiħ tas-Saħħa elettronika u l-promozzjoni ta' teknoloġiji abilitanti bħall-cloud computing, it-teknoloġiji kwantistiċi u l-computing ta' prestazzjoni għolja.
Biex is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jkunu adattati għall-era diġitali, l-UE hija impenjata li toħloq spazju diġitali sikur għaċ-ċittadini u għan-negozji b'mod li jkun inklużiv u aċċessibbli għal kulħadd. Dan ifisser li tippermetti trasformazzjoni diġitali tissalvagwardja l-valuri tal-UE u tipproteġi d-drittijiet fundamentali u s-sigurtà taċ-ċittadini, filwaqt li ssaħħaħ ukoll is-sovranità diġitali tal-Ewropa.
Il-"Perkors għad-Deċennju Diġitali" huwa programm ta' politika tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali. Huwa jistabbilixxi miri u stadji importanti diġitali speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2030. Il-programm ipoġġi l-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni fuq quddiem u huwa strutturat madwar erba' oqsma: il-ħiliet, in-negozju, il-gvern u l-infrastruttura.
Oqsma ta' politika ewlenin tal-istrateġija diġitali tal-UE
L-UE qed taħdem fuq diversi politiki biex iwasslu għat-trasformazzjoni diġitali.
Deċennju diġitali
F'Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat il-Kumpass Diġitali li jistabbilixxi viżjoni u miri biex titrawwem id-diġitalizzazzjoni fl-UE sal-2030. L-istrateġija tinkludi deċiżjoni proposta dwar l-istabbiliment tal-programm ta' politika "Perkors għad-Deċennju Diġitali", li jistabbilixxi l-qafas ta' governanza biex jintlaħqu l-objettivi diġitali tal-2030.
Il-Kunsill adotta l-programm fit-8 ta' Diċembru 2022.
"Perkors għad-Deċennju Diġitali": il-pjan tal-UE li tikseb Ewropa diġitali sal-2030
Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali
L-UE, fl-ambitu tal-Kumpass Diġitali, tixtieq tadotta dikjarazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali. L-objettiv tad-dikjarazzjoni huwa li tiddefinixxi d-drittijiet taċ-ċittadini fl-ispazju diġitali u tiżviluppa qafas ta' prinċipji li l-UE u l-istati membri jaqblu li jirrispettaw fit-trasformazzjoni diġitali.
F'Diċembru 2021, il-ministri għat-telekomunikazzjoni tal-UE ddiskutew il-proposta tal-Kummissjoni. Huma esprimew appoġġ qawwi għad-dikjarazzjoni, li tagħmilha ċara li l-istess drittijiet fundamentali huma validi online daqs kemm huma offline.
In-negozjati bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE dwar id-dikjarazzjoni ġew konklużi fl-14 ta' Novembru 2022. Il-Kunsill adotta d-dikjarazzjoni fil-5 ta' Diċembru 2022.
Fl-20 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-awtonomizzazzjoni diġitali biex jiġu protetti u infurzati d-drittijiet fundamentali fl-era diġitali.
- Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali (informazzjoni ġenerali)
- Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 3 ta' Diċembru 2021
- Deċennju Diġitali tal-Ewropa: miri diġitali għall-2030 (Kummissjoni Ewropea)
- Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali: il-valuri u ċ-ċittadini tal-UE fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Novembru 2022)
- Il-Kunsill jistabbilixxi viżjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dinja diġitali (stqarrija għall-istampa, 20 ta' Ottubru 2023)
Lejn Ewropa diġitali (Infografika)
Servizzi diġitali
Il-pjattaformi online huma parti importanti mis-suq u l-ekonomija diġitali tal-UE. L-istati membri tal-UE jirrikonoxxu l-ħtieġa li jissaħħu, jiġu modernizzati u jiġu ċċarati r-regoli għas-servizzi diġitali biex:
- tiġi żgurata s-sikurezza tal-utenti online
- in-negozji diġitali innovattivi jitħallew jikbru
Il-qafas legali tal-UE għas-servizzi diġitali ma nbidilx minn meta ġiet adottata d-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku fis-sena 2000. Sadanittant, it-teknoloġiji, il-mudelli kummerċjali u s-servizzi diġitali nbidlu b'pass mgħaġġel mingħajr preċedent.
Il-pakkett dwar is-servizzi diġitalihuwa r-rispons tal-UE għall-ħtieġa li jiġi rregolat l-ispazju diġitali. Iż-żewġ atti leġiżlattivi inklużi fih għandhom l-għan li jiddefinixxu miżuri li jipproteġu lill-utenti filwaqt li jappoġġaw l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali.
L-Att dwar is-servizzi diġitali (DSA) jistabbilixxi regoli ġodda għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE online. Dan daħal fis-seħħ fis-16 ta' Novembru 2022.
L-Att dwar is-swieq diġitali (DMA) joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji tal-UE billi jirregola t-teknoloġija kbira. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2022.
Ekonomija tad-data
Bl-iżvilupp tat-teknoloġija, id-data disponibbli qiegħda dejjem tiżdied. Il-Kunsill għandu l-għan li joħloq suq uniku għad-data f'konformità mal-valuri komuni tal-UE, li jippermetti aktar kondiviżjoni tad-data u użu mill-ġdid tad-data bejn is-setturi u bejn il-fruntieri.
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija tad-data Ewropea li ser tiffaċilita t-trasformazzjoni diġitali għall-ħames snin li ġejjin. Waqt il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew laqa' tajjeb l-istrateġija, li tappoġġa l-ambizzjonijiet diġitali globali tal-UE li tibni ekonomija tad-data kompetittiva Ewropea reali, filwaqt li jiġu żgurati l-valuri Ewropej u livell għoli ta' sigurtà tad-data, protezzjoni tad-data, u privatezza.
Komponent importanti tal-istrateġija Ewropea għad-data huwa l-att dwar il-governanza tad-data (DGA), li għandu l-għan li jippromwovi d-disponibbiltà tad-data għall-użu mill-ġdid bejn is-setturi u l-fruntieri.
Id-DGA ser jistabbilixxi mekkaniżmi robusti biex iżid il-fiduċja fis-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data u jrawwem l-altruwiżmu fir-rigward tad-data madwar l-UE, filwaqt li jkollu rwol ċentrali biex jippermetti u jiggwida l-ħolqien ta' spazji tad-data interoperabbli komuni fl-UE kollha f'setturi strateġiċi bħall-enerġija, il-mobbiltà u s-saħħa.
Il-Kunsill approva l-att dwar il-governanza tad-data fis-16 ta' Mejju 2022.
- Il-Kunsill japprova l-Att dwar il-Governanza tad-Data (stqarrija għall-istampa, 16 ta' Mejju 2022)
- Il-promozzjoni tal-kondiviżjoni tad-data: il-presidenza tilħaq ftehim proviżorju mal-Parlament dwar l-Att dwar il-Governanza tad-Data (stqarrija għall-istampa, 30 ta' Novembru 2021)
- L-UE biħsiebha tagħmilha aktar faċli għall-kondiviżjoni tad-data: il-Kunsill jaqbel fuq il-pożizzjoni dwar l-Att dwar il-Governanza tad-Data (stqarrija għall-istampa, 1 ta' Ottubru 2021)
- Strateġija tad-data Ewropea (Kummissjoni Ewropea)
Il-Kunsill qed jaħdem ukoll fuq regolament dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (att dwar id-data).
L-objettivi ewlenin ta' dik il-proposta tal-Kummissjoni għal att dwar id-data huma li tiżgura l-ġustizzja fl-allokazzjoni tal-valur mid-data fost l-atturi fl-ekonomija tad-data u trawwem l-aċċess għad-data u l-użu tagħha.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar l-att dwar id-data fis-27 ta' Ġunju 2023.
Bil-ħsieb li titħaffef it-tranżizzjoni diġitali u mobbiltà aktar intelliġenti fl-UE, il-Kunsill adotta qafas ġdid dwar il-varar ta' sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) billi rreveda d-direttiva tal-2010.
Id-direttiva ITS riveduta għandha l-għan li tħaffef id-disponibbiltà u ttejjeb l-interoperabbiltà tad-data diġitali li hija ta' input għas-servizzi, bħal għodod ta' ppjanar ta' vjaġġi multimodali u servizzi ta' navigazzjoni. Dan ser jippermetti lill-vetturi u lill-infrastruttura tat-toroq jikkomunikaw ma' xulxin, pereżempju biex iwissu dwar avvenimenti mhux mistennija, bħal konġestjoni tat-traffiku. Id-direttiva l-ġdida ġiet adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Ottubru 2023.
It-tassazzjoni diġitali
Is-servizzi diġitali saru sfida li qed tikber għas-sistemi ta' tassazzjoni eżistenti. Ir-regoli attwali li jirregolaw kwistjonijiet internazzjonali ta' tassazzjoni tfasslu biex jiġu applikati għal negozji bi preżenza fiżika f'pajjiż. B'riżultat ta' dan, profitti minn attivitajiet diġitali spiss ma jiġux intaxxati fil-pajjiż fejn jiġu ġġenerati l-profitti.
Bħalissa għaddejja l-ħidma fuq l-adattament tas-sistemi ta' tassazzjoni tal-pajjiżi tal-UE biex ikunu lesti għall-era diġitali. L-UE għandha rwol importanti f'dan il-proċess, mhux l-inqas fil-kuntest tan-negozjati attwali fi ħdan l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), biex tinstab soluzzjoni fit-tul ibbażata fuq kunsens globali. Madankollu, il-Kunsill jinsab lest li jeżamina soluzzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE, jekk ma jkunx hemm il-prospett ta' soluzzjoni globali.
Intelliġenza artifiċjali
L-intelliġenza artifiċjali (IA) tista' tikkontribwixxi għal ekonomija aktar innovattiva, effiċjenti, sostenibbli u kompetittiva, filwaqt li ttejjeb ukoll is-sikurezza, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini. Hija tappoġġa wkoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Filwaqt li jappoġġaw l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-IA, il-Kunsill jirrikonoxxi r-riskji potenzjali u jinkoraġġixxi approċċ etiku u ċċentrat fuq il-bniedem għal din it-teknoloġija.
F'Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex:
- tipproponi modi biex jiżdiedu l-investimenti pubbliċi u privati Ewropej u nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-isfruttar tal-intelliġenza artifiċjali
- tiżgura koordinazzjoni aħjar u aktar networks u sinerġiji bejn iċ-ċentri ta' riċerka Ewropej ibbażati fuq l-eċċellenza
- tipprovdi definizzjoni ċara u oġġettiva ta' sistemi ta' intelliġenza artifiċjali b'riskju għoli
F'April 2021, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal regolament bil-għan li tarmonizza r-regoli dwar l-intelliġenza artifiċjali (att dwar l-IA) u pjan ikkoordinat li jinkludi sett ta' azzjonijiet konġunti għall-Kummissjoni u l-istati membri. Dan il-pakkett ta' regoli għandu l-għan li jtejjeb il-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali u jrawwem l-iżvilupp u l-aġġornament tat-teknoloġija tal-IA.
Il-Kunsill iddiskuta l-att propost f'Ottubru 2021, filwaqt li enfasizza, minn naħa waħda, il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi konsiderevoli li l-IA tista' ġġib magħha f'firxa wiesgħa ta' setturi u min-naħa l-oħra l-ħtieġa li tiġi protetta l-privatezza u jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regoli l-ġodda għall-IA fis-6 ta' Diċembru 2022.
- Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
- Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali: il-Kunsill jappella għall-promozzjoni ta' IA sikura li tirrispetta d-drittijiet fundamentali (stqarrija għall-istampa, 6 ta' Diċembru 2022)
- IA sikura, legali u affidabbli (artiklu dwar suġġett)
Wara xhur ta' negozjati u taħditiet "maratona" ta' tlett ijiem, fid-9 ta' Diċembru 2023 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-liġi.
It-test finali ġie approvat formalment kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill, bħala l-koleġiżlaturi tal-UE, fit-23 ta' April u fil-21 ta' Mejju 2024, rispettivament. L-att dwar l-IA għandu japplika mill-2026.
- Att dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA): il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għall-ewwel regoli dinjija dwar l-IA (stqarrija għall-istampa, 21 ta' Mejju 2024)
- Att dwar l-intelliġenza artifiċjali: Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil dwar l-ewwel regoli għall-IA fid-dinja (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Diċembru 2023)
Aktar impjiegi fl-IA
Sal-2025, l-IA u r-robotika jistgħu joħolqu 60 miljun impjieg ġdid madwar id-dinja.
Konnettività
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' konnettività veloċi u minn kullimkien madwar l-UE biex l-Ewropej kollha jingħataw aċċess għat-teknoloġija diġitali. L-UE stabbiliet objettivi għall-konnettività għall-2025, li jinkludu:
- konnettività tal-gigabits għall-muturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha
- kopertura 5G mingħajr interruzzjoni għaż-żoni urbani u r-rotot ewlenin tat-trasport fuq l-art kollha
- aċċess għal konnettività li toffri mill-inqas 100 Mbps fid-djar kollha fl-Ewropa
L-għan ġenerali tal-UE huwa li tiżviluppa regoli armonizzati għas-servizzi ta' konnettività fl-UE. Dawn huma xi azzjonijiet li diġà twettqu:
- l-appoġġ għal networks bla fili bħall-5G
- it-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE
F'April 2022, l-UE adottat regoli riveduti dwar ir-roaming fl-UE. Dawn jiżguraw li n-nies ikunu jistgħu jkomplu jċemplu, jibagħtu messaġġi u jużaw l-internet waqt li jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ħlas addizzjonali. Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw sal-2032.
Ċibersigurtà
Hekk kif it-theddid u l-kriminalità ċibernetiċi qed jiżdiedu fl-għadd u fis-sofistikazzjoni, l-UE qed taħdem biex ittejjeb il-kapaċitajiet ta' rispons tagħha u tħares l-integrità, is-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali, in-networks u s-servizzi ta' komunikazzjoni. Rispons aktar b'saħħtu fil-qasam taċ-ċibersigurtà jista' jiżgura fiduċja akbar fit-teknoloġija diġitali u jipproteġi ċiberspazju aktar sikur, miftuħ u sigur. Matul il-Kunsill Ewropew Straordinarju ta' Ottubru 2020, il-mexxejja tal-UE appellaw għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipproteġi lilha nfisha kontra t-theddid ċibernetiku, li tipprovdi ambjent ta' komunikazzjoni sikur, speċjalment permezz ta' kriptaġġ kwantistiku, u li tiżgura aċċess għad-data għal finijiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi.
Hekk kif aktar u aktar kriminali qed jużaw it-teknoloġija biex jippjanaw u jwettqu reati, l-awtoritajiet qed jiddependu dejjem aktar fuq l-evidenza elettronika biex jiġġieldu l-kriminalità. Bħalissa l-UE qed tiddiskuti regoli ġodda biex l-aċċess għall-evidenza elettronika jsir aktar faċli u aktar rapidu.
Identifikazzjoni diġitali Ewropea (eID)
F'Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew appella għall-iżvilupp ta' qafas għall-UE kollha għal identifikazzjoni elettronika (eID) pubblika sikura, inkluż firem diġitali interoperabbli, biex in-nies jingħataw kontroll fuq l-identità u d-data online tagħhom kif ukoll biex jingħata aċċess għal servizzi diġitali pubbliċi, privati u transfruntieri.
Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament dwar l-eID Ewropea f'Ġunju 2021. Il-proposta tinkludi l-ħolqien ta' app ta' kartiera Ewropea diġitali li tippermetti l-ħżin, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni sikuri tad-dokumenti.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati dwar l-eID fis-6 ta' Diċembru 2022. Il-Kunsill irid jiżgura li l-kartiera Ewropea diġitali tkun sigura ħafna, tirrispetta l-privatezza tad-data u b'xejn għal kulħadd.
Il-Kunsill u l-Parlament qablu dwar ir-regolament dwar l-eID fid-29 ta' Ġunju 2023.
Diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja
Aktar diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tal-istati membri tista' ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji u tista' żżid l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proċedimenti tal-qorti.
Xi pajjiżi tal-UE diġà bdew jużaw għodod diġitali fil-qasam tal-ġustizzja, pereżempju:
- proċedimenti diġitali tal-qorti
- komunikazzjoni elettronika bejn il-partijiet
- trażmissjoni elettronika tad-dokumenti
- użu ta' seduti bil-vidjo u vidjokonferenzi
L-istati membri għandhom jużaw għodod diġitali b'mod aktar estensiv għal proċedimenti ġudizzjarji mingħajr ma jheddu l-prinċipji fundamentali bħall-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati.
Fit-8 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill adotta r-regolament dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera u l-aċċess għall-ġustizzja u direttiva ta' akkumpanjament ser jiffaċilitaw il-komunikazzjoni elettronika fil-kuntest tal-proċeduri ta' kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera f'materji ċivili, kummerċjali u kriminali.
Il-ministri għall-ġustizzja tal-UE reċentement approvaw ukoll strateġija tal-ġustizzja elettronika għas-snin 2024 sal-2028. L-istrateġija ser tagħti gwida lill-istati membri fl-implimentazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, li flimkien għandhom l-għan li jħaffu l-proċess tad-diġitalizzazzjoni u l-użu tas-servizzi diġitali fil-qasam tal-ġustizzja.
- Il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew jilħqu qbil proviżorju biex jitjieb il-qsim ta' informazzjoni f'każijiet ta' terroriżmu (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Diċembru 2022)
- Ġustizzja diġitali: Il-Kunsill jadotta mandati għal negozjati dwar żewġ proposti għad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Diċembru 2022)
- Il-Kunsill jadotta regoli ġodda biex jimmodernizza l-kooperazzjoni ġudizzjarja (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Novembru 2020)
- Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja (stqarrija għall-istampa, 13 ta' Ottubru 2020)
- L-UE tieħu pass importanti lejn id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji (stqarrija għall-istampa, 8 ta' Diċembru 2023)
Skambju ta' informazzjoni diġitali
Sabiex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni diġitali f'każijiet ta' terroriżmu bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Eurojust, l-UE ressqet proposta għal leġiżlazzjoni ġdida f'Diċembru 2021.
Skont ir-regoli l-ġodda, l-istati membri ser ikollhom jipprovdu lill-Eurojust b'informazzjoni dwar kull investigazzjoni kriminali li tikkonċerna reati terroristiċi malli dawn il-każijiet jiġu riferuti lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-proposta:
- toħloq sistema moderna u diġitali ta' ġestjoni tal-każijiet li taħżen din l-informazzjoni u tippermetti li tiġi kontroverifikata
- tagħti s-setgħa lill-Eurojust biex tidentifika aħjar ir-rabtiet bejn l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tranżnazzjonali fil-qasam tat-terroriżmu u biex b'mod proattiv tinforma lill-istati membri dwar ir-rabtiet li jinstabu
- toħloq mezz ta' komunikazzjoni diġitali sigur bejn l-istati membri u l-Eurojust
- tissimplifika l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi billi tagħti aċċess lill-prosekuturi ta' kollegament issekondati lill-Eurojust għas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet
Fit-18 ta' Settembru 2023, il-Kunsill adotta l-liġi l-ġdida.