Skip to content

Żona Ekonomika Ewropea

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni trawwem il-kollaborazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, bl-għan li jinbnew sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ aktar reżiljenti u inklużivi.

X'inhi ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni?

L-ambizzjoni tal-UE hija li tippermetti liċ-ċittadini kollha tal-UE jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ.

Għalkemm kull stat membru huwa responsabbli għas-sistema edukattiva u ta' taħriġ tiegħu, l-UE għandha rwol importanti ta' sostenn. Hija tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-istati membri, u tissupplimenta l-isforzi u r-riformi nazzjonali.

L-edukazzjoni hija element kruċjali biex iċ-ċittadini tal-UE jitlaqqgħu flimkien kif ukoll għall-ġejjieni tal-individwi u l-UE kollha kemm hi. L-Ewropej kollha għandhom ikunu jistgħu jibbenifikaw mill-wirt kulturali u edukattiv divers komuni.



Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tranżizzjonijiet b'suċċess fis-suq tax-xogħol.

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni trawwem il-kollaborazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, bl-għan li jinbnew sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ aktar reżiljenti u inklużivi.

Għalfejn għandna bżonnha?

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-aqwa investimenti fil-ġejjieni tal-Ewropa. Huma għandhom rwol kruċjali għat-tisħiħ tat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi. Is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ tal-Ewropa jeħtieġ li jagħtu lin-nies l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi progressivi li jirrikjedu biex jinnovaw u jirnexxu.

L-edukazzjoni għandha tgħin biex iż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa jartikolaw u jinvolvu ruħhom, jipparteċipaw u jsawru l-futur ta' Ewropa kkaratterizzata minn demokrazija, solidarjetà u inklużjoni.

Inizjattivi ewlenin fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u eventwalment impjiegi siguri huwa prijorità għolja fl-aġenda politika Ewropea, għalhekk l-UE tipproponi ħafna inizjattivi ġodda u mġedda.

Erasmus+

Li wieħed iqatta' xi żmien jistudja u jitgħallem barra mill-pajjiż għandu jkun in-norma f'Ewropa li kull ma jmur qed issir iktar inklużiva. Il-programm tal-Erasmus+ jagħti spinta 'l quddiem lill-mobbiltà għat-tagħlim madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

Iċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha. Huma għandhom ukoll rwol importanti fil-ħolqien ta' identità Ewropea, abbażi ta' valuri u kulturi komuni.

L-UE trid tagħmel aktar biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni f'dan il-programm.

Ħiliet diġitali u edukazzjoni

It-teknoloġija diġitali tarrikkixxi t-tagħlim f'diversi modi u toffri opportunitajiet ta' tagħlim, li għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Huwa importanti li jittejbu l-apprendiment u t-tagħlim fl-era diġitali, li l-ħiliet tal-istudenti u tal-edukaturi jiġu mtejba u li huma jitħarrġu mill-ġdid billi jingħataw programmi ta' taħriġ fil-ħiliet diġitali.

L-adattament tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ u l-infrastruttura għall-era diġitali hija prevista permezz tal-programm Erasmus+.

L-UE tappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ permezz tal-innovazzjoni - użu pedagoġiku u innovattiv ta' teknoloġiji diġitali. L-għan huwa li jkunu żviluppati kompetenzi diġitali u ħiliet tal-litteriżmu medjatiku fost iċ-ċittadini tal-UE kollha biex:

  • tinbena reżiljenza għad-diżinformazzjoni u l-propaganda
  • jiġi mħeġġeġ l-użu ta' teknoloġiji għall-benessri personali u l-parteċipazzjoni ċivika

Edukazzjoni għolja

Hemm sfidi speċifiċi għas-settur tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa u ħtieġa biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Barra l-valur miżjud ippruvat tal-mobbiltà għat-tagħlim tal-Erasmus+ u s-sħubijiet strateġiċi tal-UE, hemm ippjanati xi miżuri oħra:

  • l-iżvilupp ta' network ta' universitajiet Ewropej
  • l-apprendiment multilingwi
  • ir-rikonoxximent tal-kwalifiki
  • l-iżvilupp ta' programmi u proġetti konġunti ta' edukazzjoni u riċerka
  • tħeġġiġ ta' tagħlim tul il-ħajja
  • titjib tal-mobbiltà għat-tagħlim billi tiġi proposta kard Ewropea tal-istudenti fuq bażi volontarja

Universitajiet Ewropej

L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej tnediet fl-2018 bħala inizjattiva ewlenija taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. L-Universitajiet Ewropej huma alleanzi tranżnazzjonali ambizzjużi ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jiżviluppaw kooperazzjoni strutturali u strateġika fit-tul. L-alleanzi jridu jlaqqgħu flimkien mill-anqas tliet istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn tliet pajjiżi tal-UE jew pajjiżi oħra tal-programm Erasmus.

Edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva

Kulħadd għandu jkun jista' jkollu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, irrispettivament mill-ambjent soċjoekonomiku tagħhom. L-UE qed taħdem biex tipprovdi aċċess għal sistemi ta' edukazzjoni u ta' kura bikrija tat-tfal lit-tfal kollha inkluż dawk minn reġjuni soċjoekonomikament żvantaġġati kif ukoll dawk mill-ambjenti soċjoekonomiċi kollha.

L-UE timmira li tiżgura edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva biex tappoġġa l-iżvilupp tal-istudenti kollha. Aktar jista' jsir biex jiġu promossi l-attraenza u l-importanza tal-professjoni ta' għalliem u dik ta' persunal edukattiv ieħor u biex jiġi appoġġat it-titjib kontinwu tal-ħiliet tagħhom.

Huwa neċessarju li jingħaqdu l-forzi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola fl-Ewropa u jiżdiedu l-opportunitajiet għal aċċess ugwali għall-edukazzjoni.

Apprendiment tal-lingwi

Li wieħed ikun jaf żewġ lingwi oħra minbarra l-lingwa materna tiegħu għandu jsir standard. Il-kompetenza multilingwi għandha titqies bħala sies importanti ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Hi trawwem fehim u diversità u tgħin tippromwovi valuri Ewropej. L-UE tixtieq tadotta u ttejjeb miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-multilingwiżmu, it-tisħiħ tal-kwalità u l-effiċjenza tal-apprendiment u t-tagħlim tal-lingwi.

Rikonoxximent tal-kwalifiki

Kwalifiki tal-iskola u tal-edukazzjoni għolja għandhom jiġu rikonoxxuti madwar l-UE kollha. Sabiex tiġi żgurata mobbilità mingħajr xkiel tal-istudenti jeħtieġ li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, biex ikun imħeġġeġ ir-rikonoxximent akkademiku ta' kwalifiki u perjodi ta' studju barra l-pajjiż.

Informazzjoni ġenerali

L-idea li tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ġiet approvata għall-ewwel darba mill-mexxejja Ewropej fis-Summit Soċjali tal-2017 f'Gothenburg, l-Iżvezja.

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-mixja lejn viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

F'Settembru 2020, il-Kummissjoni ddeskriviet il-viżjoni mġedda tagħha għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-azzjonijiet konkreti biex din tinkiseb. Fis-26 ta' Frar 2021, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perjodu 2021-2030.

L-UE u l-istati membri tagħha qed jiżviluppaw inizjattivi biex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà sal-2025.

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025