"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi għal persuni b'diżabilità u anzjani

Standards komuni ta' aċċessibbiltà jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi fl-UE jkunu aktar faċli biex jintużaw, b'mod partikolari għall-anzjani u għall-persuni b'diżabilità.

Għaliex għandna regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà

L-UE għandha l-għan li tagħmel diversi prodotti u servizzi aktar aċċessibbli għal persuni anzjani u persuni b'diżabilità, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali.

It-titjib tal-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli speċifiċi, ikopri kemm il-ħtiġijiet tal-industrija kif ukoll dawk tal-konsumaturi. Permezz ta' ambjent fejn il-prodotti u s-servizzi jkunu aktar aċċessibbli, jista' jkun hemm aktar inklużjoni u parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-soċjetà.

Ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà nazzjonali attwali relatati ma' prodotti u servizzi speċifiċi huma differenti minn stat membru għal ieħor, li jwassal għal frammentazzjoni tas-suq uniku.

Id-domanda għall-prodotti u s-servizzi aċċessibbli diġà hija għolja u l-għadd ta' ċittadini b'diżabilità jew limitazzjonijiet funzjonali ser jiżdied b'mod sinifikanti hekk kif il-popolazzjoni tal-UE tixjieħ dejjem iktar.

Sabiex jiġu stabbiliti standards komuni ta' aċċessibbiltà, l-UE adottat żewġ direttivi:

  • l-att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà (2019), li jiddefinixxi rekwiżiti minimi ta' aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi ewlenin
  • id-direttiva dwar l-aċċessibbiltà għall-web tas-settur pubbliku (2016), li tiddefinixxi standards biex il-prodotti u s-servizzi diġitali jkunu aktar aċċessibbli għall-utenti kollha
Ritratti ta' tliet persuni: raġel nieqes mid-dawl b'kelb, mara f'siġġu tar-roti u tifel bi problemi ta' mobbiltà li juża assistenza biex jimxi.

Diżabbiltà fl-UE: fatti u ċifri (Infografika)

Aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi

L-att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà jinkludi rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi ewlenin bħal:

  • telefowns, kompjuters, terminals ta' pagament jew terminals self-service għall-bejgħ ta' biljetti tat-trasport tal-passiġġieri
  • servizzi bankarji għall-konsumatur
  • servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, inkluż pereżempju servizzi tat-telefown u tal-Internet
  • telefonati fuq in-numru ta' emerġenza 112
  • aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva
  • kotba elettroniċi
  • kummerċ elettroniku

L-att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà (id-direttiva 2019/882) ġie adottat fl-2019. Ir-regoli l-ġodda jġibu benefiċċji mhux biss lil għexieren ta' miljuni ta' Ewropej b'diżabilitajiet, iżda wkoll lil ħafna anzjani fl-UE.

Prodotti

Il-prodotti għandhom jirrispettaw dawn li ġejjin:

  • rekwiżiti ta' aċċessibbiltà komuni fuq l-interfaċċa tal-utent u d-disinn funzjonali tal-prodotti
  • rekwiżiti ta' aċċessibbiltà aktar speċifiċi għal xi tagħmir elettroniku għall-konsumatur
  • l-imballaġġ, struzzjonijiet dwar l-istallazzjoni u informazzjoni oħra dwar prodotti għall-konsumatur għandhom ikunu aċċessibbli wkoll

Servizzi

Id-direttiva tinkludi wkoll xi rekwiżiti speċifiċi għal servizzi:

  • rekwiżiti komuni b'mod partikolari fuq is-siti web
  • is-servizzi ta' appoġġ għandhom ikunu aċċessibbli wkoll

Eżempji ta' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà speċifiċi fit-terminals self-service, huma:

  • magni tal-biljetti jew ATMs, ser ikollhom jipprovdu l-possibbiltà li jintużaw headsets personali sabiex persuni b'vista batuta jkunu jistgħu jsegwu struzzjonijiet bl-awdjo
  • jekk terminal self-service jipprevedi modi viżwali ta' tħaddim, huwa għandu jipprovdi minn tal-anqas mod wieħed ta' tħaddim li ma jirrikjedix il-perċezzjoni tal-kulur min-naħa tal-utent

Inħaddmu r-regoli b'suċċess

L-att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà huwa direttiva, li jfisser li jistabbilixxi għanijiet ta' aċċessibbiltà vinkolanti iżda jħalli f'idejn l-istati membri individwali biex jiddeċiedu kif iridu jilħquhom.

L-att huwa applikabbli mit-28 ta’ Ġunju 2025.

L-UE ħalliet ukoll lok għal xi eċċezzjonijiet. Pereżempju, il-mikrointrapriżi b'inqas minn 10 impjegati u fatturat annwali ta' inqas minn €2 miljun li jipprovdu servizzi huma eżentati mid-direttiva u dawk li jipprovdu prodotti ser ikunu eżentati minn xi obbligi.

Dak li qed tagħmel l-UE biex il-prodotti u s-servizzi jsiru aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE u għaliex dawn il-miżuri huma importanti.

Prodotti u servizzi aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE (Infografika)

Aċċessibbiltà għall-web u l-apps

Id-direttiva dwar l-aċċessibbiltà għall-web (2016/2102) tas-settur pubbliku, stabbiliet standards biex il-prodotti u s-servizzi diġitali jkunu aktar aċċessibbli għall-utenti kollha. Stabbiliet ukoll mekkaniżmu ta' monitoraġġ kif ukoll introduċiet verifika tal-konformità.

Dawn l-elementi ġodda japplikaw għas-siti web u l-apps tal-mobile ta' amministrazzjonijiet, sptarijiet pubbliċi, qrati u korpi pubbliċi oħra.

Fil-prattika, dan ifisser li l-utenti ser ikunu jistgħu jitolbu informazzjoni speċifika jekk il-kontenut ma jkunx aċċessibbli u jirrapportaw kwistjonijiet ta' konformità sempliċiment billi jikklikkjaw fuq link ta' feedback.

Id-direttiva daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2016.

Fil‑Kunsill

Wara li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha f'Diċembru 2015 il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet Soċjali (SQWP) eżamina t-test fid-dettall.

Il-presidenza Slovakka avvanzat id-diskussjonijiet dwar id-direttiva u adottat approċċ gradwali biex jiġi emendat it-test, billi ffukat b'mod partikolari fuq li:

  • jiġi ċċarat l-ambitu
  • titjieb iċ-ċarezza ġuridika fit-test
  • jiġu evitati duplikazzjonijiet jew kunflitti possibbli ma' leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE

Waqt id-diskussjonijiet, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak politiku, il-presidenza Maltija ħejjiet suġġerimenti għall-abbozzar biex jiġi indirizzat xi tħassib mid-delegazzjonijiet, li fosthom kien hemm il-ħtieġa li:

  • tingħata attenzjoni lil prodotti u servizzi magħżula
  • ma jiġux stabbiliti rekwiżiti ta' aċċessibbiltà ġodda, fejn leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE diġà tistabbilixxi rekwiżiti ta' aċċessibbiltà
  • jintlaħaq qbil sabiex tinżamm l-istruttura kif proposta mill-Kummissjoni
  • tiġi pprovduta aktar ċarezza rigward liema aspetti għandhom jiġu inklużi fid-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva u liema għandhom jiġu inklużi fl-att dwar l-aċċessibbiltà
  • jitħalla barra mmarkar speċifiku tal-aċċessibbiltà minħabba biża' li jkun hemm piżijiet amministrattivi u finanzjarji

Il-presidenza għamlet pass sostanzjali lejn pożizzjoni tal-Kunsill dwar id-direttiva.

Wara diskussjonijiet intensi u abbozzar mill-ġdid, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) dwar id-direttiva dwar l-aċċessibbiltà waqt il-presidenza Estonjana. Waqt id-diskussjonijiet, id-delegazzjonijiet ikkummentaw fuq il-kopertura wiesgħa tal-proposta, diversi rabtiet ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE u lakuni fil-valutazzjoni tal-impatt.

L-aktar kwistjonijiet politiċi importanti ssolvew fl-aħħar trilogu, b'mod partikolari l-kamp ta' applikazzjoni tagħha f'oqsma bħal:

  • it-trasport u t-turiżmu
  • l-akkomodazzjoni
  • is-servizzi tal-ikel
  • l-ambjent mibni
  • atti relatati tal-UE
  • mikrointrapriżi

In-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew bdew f'Marzu 2018 u ntemmu bi qbil proviżorju f'Novembru 2018.

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill (Coreper) approva l-qbil proviżorju fid-19 ta' Diċembru 2018.

Il-Kunsill adotta l-att dwar l-aċċessibbiltà fid-9 ta' April 2019, wara l-adozzjoni tal-ewwel pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari mill-Parlament fit-13 ta' Marzu 2019.

Id-direttiva daħlet fis-seħħ f'Ġunju 2019.

Il-politika tal-aċċessibbiltà għas-sit web tal-Kunsill

Barra minn hekk, dan is-sit web huwa sit web pubbliku, u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jaħdem biex jiżgura li jkun faċli għall-utent. Dan huwa f'konformità mad-direttiva dwar l-aċċessibbiltà għall-web tal-UE (2016).

L-għan tal-aċċessibbiltà għall-web hu li t-testi, l-istampi, il-forom u n-navigazzjoni tal-web ikunu aċċessibbli u jistgħu jinftiehmu mill-pubbliku ġenerali.

Sabiex nissodisfaw il-kriterji ta' aċċessibbiltà għall-web li qed jevolvu, hija tieħu kont ta' aspetti bħal:

  • 'alt tags' - deskrizzjonijiet tal-istampi li jgħinu lil utenti li jaħdmu b'qarrejja tal-iskrin biex jifhmu x'ifissru l-istampi
  • kuntrast bejn test u sfond - li huwa aġġustat biex ikun jista' jinqara
  • navigabbiltà - in-navigazzjoni permezz ta' kelma ewlenija hija disponibbli għal utenti li għandhom problemi jużaw il-maws

Qed naħdmu b'mod attiv biex inżidu l-aċċessibbiltà u l-użu tas-sit web tagħna. Għal iktar informazzjoni:

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Lulju 2026