Kummerċ bejn l-UE u l-Asja Ċentrali
L-UE u l-Asja Ċentrali għandhom interess ġeopolitiku li jintensifikaw il-kooperazzjoni, u r-relazzjoni tagħhom kisbet importanza strateġika akbar matul is-snin.
Għall-Asja Ċentrali, l-UE hija:
- it-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali
- l-akbar investitur barrani
- l-akbar donatur (fondi tal-UE għall-iżvilupp flimkien ma' għajnuna individwali mill-istati membri)
Is-sħubija tal-UE mal-Asja Ċentrali
L-istrateġija tal-UE dwar l-Asja Ċentrali ssawwar sħubija aktar b'saħħitha u mhux esklużiva bbażata fuq tliet pilastri ewlenin.
Sħubija għar-reżiljenza
Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, is-sigurtà, l-isfidi ambjentali.
Sħubija għall-prosperità
L-appoġġ għad-diversifikazzjoni ekonomika u l-iżvilupp tas-settur privat, il-promozzjoni tal-kummerċ intrareġjonali u l-konnettività sostenibbli.
Ħidma aħjar flimkien
It-tisħiħ tas-sħubija, l-ispinta lid-djalogu politiku u l-involviment aktar mifrux tas-soċjetà ċivili.
Il-pjan direzzjonali konġunt tal-2023 bejn l-UE u l-Asja Ċentrali jiddeskrivi 5 oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni u 79 punt ta' azzjoni, b'enfasi fuq id-djalogu politiku, ir-rabtiet ekonomiċi, il-kooperazzjoni dwar l-enerġija u l-klima, l-isfidi għas-sigurtà, u l-konnessjonijiet bejn in-nies.
Ġew allokati aktar minn €550 miljun għall-programm indikattiv pluriennali reġjonali 2021-2027 tal-UE għall-Asja Ċentrali.
Il-kummerċ tal-UE mal-Asja Ċentrali f'oġġetti u servizzi
Fl-2023 il-kummerċ tal-UE mar-reġjun ammonta għal 22.6% tal-kummerċ barrani tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali magħduda flimkien.
Kummerċ totali fi prodotti u servizzi fl-2023
L-ewwel bar chart tirrappreżenta l-importazzjoni tal-UE mill-Asja Ċentrali fl-2023:
- Importazzjoni ta' oġġetti lejn l-UE: €32.5 biljun
- Importazzjoni ta' servizzi lejn l-UE: €2 biljun
It-tieni bar chart tirrappreżenta l-esportazzjoni tal-UE lejn l-Asja Ċentrali fl-2023:
- Esportazzjoni ta' oġġetti mill-UE: €20.2 biljun
- Esportazzjoni ta' servizzi mill-UE: €4.3 biljun
Żieda fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni
Il-kummerċ bejn l-UE u l-Asja Ċentrali kiber b'mod sinifikanti fl-aħħar 10 snin.
Importazzjonijiet ewlenin tal-UE mill-Asja Ċentrali
L-esportazzjonijiet tal-Asja Ċentrali lejn l-UE jikkonsistu prinċipalment fi:
Żejt mhux maħdum
Gass
Metalli
Fibra tal-qoton
Esportazzjonijiet ewlenin tal-UE lejn l-Asja Ċentrali
Makkinarju u apparat mekkaniku
Vetturi bil-mutur
Makkinarju u apparat tal-elettriku
Sustanzi kimiċi u prodotti relatati
Investimenti tal-UE fl-Asja Ċentrali
L-Unjoni Ewropea tibqa' l-akbar investitur fl-Asja Ċentrali u pprovdiet aktar minn 40% tal-investimenti diretti barranin matul l-aħħar għaxar snin (aktar minn €100 biljun).
Hemm erba' oqsma ta' prijorità ewlenin għall-investiment kemm għall-UE kif ukoll għall-Asja Ċentrali: it-trasport; il-materja prima kritika; l-ilma, l-enerġija u t-tibdil fil-klima; u l-konnettività diġitali.
L-aktar pajjiżi li investew fl-Asja Ċentrali fl-2022
Pie chart li tirrappreżenta l-investiment dirett barrani fl-Asja Ċentrali fl-2022:
- UE: 42%
- Stati Uniti: 14.2%
- Russja: 6%
- Ċina: 3.7%
- Oħrajn: 34.1%
Sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali
Sa mill-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali fl-2019 u l-pjan direzzjonali konġunt għall-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali fl-2023, il-kooperazzjoni intensifikat u dan wassal għat-tisħiħ tad-djalogu politiku, l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-konnettività reġjonali permezz ta' inizjattivi bħall-Global Gateway u t-tranżizzjoni ekoloġika.
L-UE u l-Asja Ċentrali jżommu djalogi politiċi regolari ta' livell għoli, fosthom laqgħat ministerjali bil-ministri għall-affarijiet barranin u żewġ laqgħat tal-mexxejja f'Astana, il-Każakistan, fl-2022 u f'Cholpon-Ata, il-Kirgistan fl-2023. L-ewwel summit UE-Asja Ċentrali sar fl-4 ta' April 2025 f'Samarkand, l-Użbekistan.
L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Ottubru 2025