Skip to content

Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE?

B'reazzjoni għall-kriżi tal-enerġija li bdiet fl-2022 minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-użu tal-provvisti tal-gass tal-Ewropa bħala arma, l-UE ħadet miżuri biex iżżid ir-riżervi tal-gass. Fis-snin ta' wara, l-UE rnexxielha tiżgura riżervi abbundanti ta' gass ferm qabel ix-xitwa.

Issa li l-agħar tal-kriżi tal-enerġija jinsab fil-passat, ir-riżervi tal-gass reġgħu naqsu, iżda fl-2025 xorta waħda baqgħu ogħla mill-medji tal-2021.

Verżjoni testwali

Il-grafika lineari tqabbel il-livelli tal-ħżin tal-gass tul is-sena għas-snin 2021-2025. Fl-2022, l-2023 u l-2024, il-livell medju tal-ħżin kien ferm ogħla milli fl-2021. Fl-2022, il-mira ta' mili sa 80% intlaħqet f'Awwissu. Fl-2023, il-kapaċitajiet ta' ħżin tal-gass kienu aktar minn 80% mimlija minn Lulju u aktar minn 90% mimlija minn Awwissu. Fl-2024, il-limitu ta' 90% kien diġà ntlaħaq sa Awwissu. Fl-2025, il-livelli ta' riżerva kienu aktar baxxi, parzjalment minħabba xitwa relattivament ħarxa fl-Ewropa, iżda fil-biċċa l-kbira baqgħu ogħla mill-medji tal-2021.

Din id-data ġejja minn Gas Infrastructure Europe.

Kapaċità ta' ħżin tal-gass u livelli tal-mili f'kull stat membru

Il-biċċa l-kbira tal-istati membri tal-UE għandhom faċilitajiet għall-ħżin tal-gass fit-territorju tagħhom. Il-kapaċitajiet ta' ħżin f'ħames pajjiżi (il-Ġermanja, l-Italja, Franza, in-Netherlands u l-Awstrija) jikkostitwixxu żewġ terzi tal-kapaċità totali tal-UE.

Skont ir-regolament dwar il-ħżin tal-gass, il-pajjiżi li ma għandhomx faċilitajiet ta' ħżin iridu jaħżnu 15% tal-konsum tal-gass domestiku annwali tagħhom fi stokkijiet li jinsabu fi stati membri oħra, u b'hekk ikollhom aċċess għal riżervi tal-gass maħżuna fi stati membri oħra. Dan il-mekkaniżmu jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvisti tal-gass tal-UE u jirriżulta f'piż finanzjarju maqsum fejn jidħol il-mili tal-kapaċitajiet ta' ħżin tal-UE. L-istati membri b'kapaċitajiet ta' ħżin aktar baxxi jikkollaboraw ma' dawk li għandhom faċilitajiet akbar biex jiżguraw ir-riżervi tagħhom.

Il-grafika turi l-kapaċità tal-ħżin tal-gass għal kull stat membru tal-UE fit-8 ta' Marzu 2026.

Verżjoni testwali

Il-grafika turi l-kapaċitajiet ta' ħżin tal-gass, l-ammont ta' gass maħżun u l-livell tal-mili għal kull stat membru tal-UE fit-8 ta' Marzu 2026.

Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u n-Netherlands huma l-pajjiżi bl-akbar kapaċitajiet ta' ħżin.

Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja ma għandhomx faċilitajiet ta' ħżin tal-gass. Madankollu, skont ir-regolament dwar il-ħżin tal-gass huma jridu jagħmlu arranġamenti ta' solidarjetà ma' stati membri oħra biex jiżguraw ir-riżervi tal-gass tagħhom.

Din id-data ġejja minn Gas Infrastructure Europe.

*il-livell tal-ħżin jista' jaqbeż il-100%, peress li l-kapaċità tal-faċilitajiet mhux dejjem tikkorrispondi għall-kapaċità fiżika tas-siti

Regoli dwar il-ħżin tal-gass fil-qosor

F'Ġunju 2022, l-UE ħadet miżuri biex iżżid ir-riżervi tal-gass sabiex tiżgura provvista suffiċjenti u tipproteġi liċ-ċittadini minn prezzijiet għoljin tal-enerġija, fl-isfond tal-aggressjoni militari mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, li kienet fixklet serjament is-swieq tal-enerġija.

Dawn ir-regoli dwar ir-riżervi tal-gass kienu jeħtieġu li l-istati membri tal-UE jiżguraw li l-kapaċitajiet ta' ħżin fl-UE jimtlew kull sena sa mill-inqas 90% tal-kapaċità qabel ix-xhur aktar kesħin, u li l-gass maħżun jitqassam fl-UE fi spirtu ta' solidarjetà.

F'Lulju 2025, il-Kunsill adotta estensjoni ta' sentejn tar-regoli u introduċa flessibbiltà addizzjonali, li tippermetti lill-istati membri jaġġustaw għal kundizzjonijiet tas-suq li dejjem jevolvu u jiġġieldu l-manipulazzjoni potenzjali tas-suq:

  • tinżamm il-mira vinkolanti eżistenti ta' 90% għall-ħżin tal-gass, iżda bi flessibbiltà biex din tintlaħaq fi kwalunkwe ħin bejn l-1 ta' Ottubru u l-1 ta' Diċembru
  • jiddaħħal marġni ta' flessibbiltà ta' 10% biex ikopri d-diffikultajiet fil-mili tal-kapaċitajiet ta' ħżin u l-Kummissjoni tista' żżid il-marġni ta' flessibbiltà għall-mira tal-mili sa 5% addizzjonali f'każ li jippersistu kundizzjonijiet tas-suq sfavorevoli

L-aħħar reviżjoni: 17 ta' Marzu 2026