Skip to content

Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika

L-infografika tispjega kif l-UE twettaq il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

Infografika - Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika

F'Diċembru 2015, għall-ewwel darba l-pajjiżi kollha madwar id-dinja qablu dwar sforz kollettiv biex:

  • iżommu t-tisħin globali sew taħt iż-2˚C u jippruvaw jillimitawh għal 1.5˚C
  • jindirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima

Dan il-ftehim jeħtieġ li l-partijiet jippreżentaw pjanijiet nazzjonali biex inaqqsu l-emissjonijiet u biex jirrevedu dawn l-impenji kull 5 snin.

  • 2015: Firma u pjanijiet nazzjonali inizjali
  • 2020: Strateġija u pjanijiet aġġornati
  • 2023: Rieżami tal-progress globali
  • 2025 Pjanijiet aġġornati
  • 2028: Rieżami tal-progress globali

X'wiegħdet l-UE

Bit-tnedija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-2019, l-UE intrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra tagħha b'mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, ċifra ogħla mill-impenn tagħha ta' 40% fl-2014.

L-għan aħħari tal-UE hu li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Dan jeħtieġ tranżizzjoni li:

  • tkun teħtieġ azzjoni mis-setturi kollha tal-ekonomija
  • tkun soċjalment ibbilanċjata u ġusta
  • tippreserva l-kompetittività tal-UE

Mill-kliem għall-azzjoni

Il-liġi Ewropea dwar il-klima, li l-UE adottat fl-2021, stabbiliet l-għanijiet klimatiċi, kemm dawk għall-2030 kif ukoll dawk għall-2050, f'leġiżlazzjoni.

Dan ifisser li l-UE u l-istati membri tagħha huma legalment obbligati li jieħdu azzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet biex jiksbu n-newtralità klimatika.

Bil-liġijiet tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", l-UE stabbiliet l-miżuri meħtieġa biex jinqatgħu l-emissjonijiet b'mill-inqas 55% sal-2030 u timxi lejn ekonomija u soċjetà favorevoli għall-klima. Dawn il-miżuri jinkludu:

  • spinta lill-enerġija rinnovabbli
  • titjib fl-effiċjenza fl-enerġija
  • riforma u aktar skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet
  • żieda fl-assorbiment tal-karbonju
  • trasport aktar ekoloġiku
  • appoġġ lin-nies fil-bidla lejn ekonomija aktar ekoloġika

L-UE diġà qiegħda tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha. Fl-2021, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE kienu 28.5% inqas meta mqabbla mal-livelli tal-1990.