Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Vidjokonferenza tal-ministri għall-ispazju, 20 ta' Novembru 2020

Riżultati ewlenin

Ir-rwol tal-Ewropa fl-ekonomija spazjali globali

Il-ministri kellhom skambju informali ta' fehmiet dwar ir-rwol tal-Ewropa fl-ekonomija spazjali globali permezz ta' vidjokonferenza. Huma ddiskutew kif l-UE tista' ttejjeb il-kompetittività tal-industrija spazjali tagħha u taqdi rwol akbar fit-tiswir ta' reġimi regolatorji internazzjonali.

Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija
L-ekonomija spazjali globali tipprovdi opportunitajiet kbar għall-industrija spazjali kompetittiva ħafna tal-Ewropa u l-fornituri tas-servizzi. L-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-istati membri qed jingħaqdu flimkien biex irawmu kompetittività teknoloġika, joħolqu kundizzjonijiet ekwi globali u jsawru regoli internazzjonali għal oqsma regolatorji deċiżivi bħall-ġestjoni tat-traffiku spazjali u ċ-ċibersigurtà.
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija

Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew dwar l-iżgurar u l-iżvilupp tal-awtonomija strateġika tal-UE jiġu implimentati wkoll fil-qasam tal-ispazju.

Huma enfasizzaw ir-rwol importanti li għandu s-settur spazjali kemm b'mod ġenerali kif ukoll b'mod aktar speċifiku fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Ħafna delegazzjonijiet indikaw li d-data minn applikazzjonijiet spazjali tintuża f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, it-telekomunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, il-prevenzjoni tad-diżastri u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-ministri enfasizzaw is-sinifikat tal-programmi ewlenin Ewropej Copernicus u Galileo u l-ħtieġa li dawn jinżammu operattivi u jiġu żviluppati aktar.

Huma indikaw li ċ-ċibersigurtà teħtieġ attenzjoni speċjali fil-qasam tal-ispazju.

Ħafna ministri tkellmu favur kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar b'saħħithom sabiex ikun hemm impatt fuq livell internazzjonali. Diversi ministri semmew il-ġestjoni tat-traffiku spazjali bħala qasam fejn kienu meħtieġa regolamentazzjoni u standards. Il-protezzjoni tad-drittijiet intellettwali tqajmet ukoll bħala kwistjoni importanti.

Diversi ministri enfasizzaw l-importanza li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea fis-swieq globali, f'kuntest ta' kummerċjalizzazzjoni akbar tal-ispazju. F'dan ir-rigward, ġie indikat li l-industrija spazjali teħtieġ ambjent favorevoli li fih jinstabu soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll soluzzjonijiet innovattivi ta' finanzjament. Sabiex jinkiseb suq globali ġust fl-ispazju, il-ministri qiesu li jkun essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi kollha.

Politika Ewropea dwar l-ispazju - Tħejjija għall-Kunsill tal-Ispazju

Il-ministri ħejjew il-laqgħa tal-għaxar Kunsill tal-Ispazju[1], li ser issir permezz ta' vidjokonferenza fl-istess jum. Bħala parti minn din it-tħejjija, il-Kunsill reċentement adotta sett ta' konklużjonijiet (ara l-link hawn taħt). Ġie nnutat li l-Kunsill tal-Ispazju ser ikollu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-kontribut Ewropew fl-istabbiliment tal-prinċipji ewlenin għall-ekonomija spazjali globali.

[1] Il-Kunsill tal-Ispazju huwa laqgħa konġunta u konkomitanti tal-Kunsill tal-UE (Kompetittività - Konfigurazzjoni spazjali) u tal-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fil-livell ministerjali. Huwa forum li jippermetti lill-UE u lill-ESA jikkoordinaw attivitajiet ta' kooperazzjoni dwar il-politika spazjali Ewropea. L-ESA hija magħmula minn 22 stat membru: l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja (li huma wkoll stati membri tal-UE) + ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Il-Kanada wkoll għandha siġġu fil-Kunsill u tieħu sehem f'xi proġetti taħt Ftehim ta' Kooperazzjoni. Is-Slovenja hija Membru Assoċjat. Seba' stati membri oħra tal-UE għandhom Ftehimiet ta' Kooperazzjoni mal-ESA: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja.

Affarijiet oħra

Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss

Id-delegazzjoni Portugiża ppreżentat l-prijoritajiet tal-presidenza tagħha li jmiss fil-qasam tal-ispazju. Ġie nnutat li l-intenzjoni tagħha hija li tikkonċentra fuq:

  • il-bini ta' pedamenti għal strateġija Ewropea għal Spazju Ġdid, sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-ispazju u l-użu ta' data satellitari,
  • it-tisħiħ tal-ekosistemi spazjali Ewropej u s-setturi tal-attivitajiet downstream madwar l-Ewropa, li jwassal għal 'Pjaneta Diġitali' permezz tal-integrazzjoni tas-sistemi ma' IT avvanzata,
  • it-titjib tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur u l-inklużjoni tal-RTOs, l-SMEs u n-negozji ġodda,
  • il-mobilizzazzjoni tat-teknoloġiji u tad-data spazjali għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali u l-ekonomija blu,
  • il-kooperazzjoni bejn is-setturi spazjali u mhux spazjali u l-applikazzjonijiet tad-data għal tranżizzjoni sostenibbli, ekoloġika u diġitali, li tippromwovi mogħdijiet ġodda ta' attivitajiet ekonomiċi fl-'Anthropocene',
  • it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Afrika.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025