Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Vidjokonferenza tal-ministri għar-riċerka, 27 ta' Novembru 2020

Ir-riżultati ewlenin

Skambju ta’ fehmiet dwar il-miri ta’ investiment ġodda għar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż;proposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha "ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni"

Il-ministri kellhom (permezz ta’ vidjokonferenza) skambju informali ta’ fehmiet dwar il-miri ta’ investiment għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż;proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha "ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni" tat-30 ta' Settembru 2020.

Anja Karliczek, ministru federali tal-Ġermanja għall-edukazzjoni u r-riċerka
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali biex jappoġġaw il-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna u jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Ewropa. Qed naħdem biex niżgura li l-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea jkollha rwol ewlieni fil-kompetizzjoni internazzjonali għal teknoloġiji futuri. Dan jeħtieġ investimenti mtejba fir-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll riformi kontinwi fis-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni. Għandna bżonn kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità fl-investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka u l-iżvilupp biex niżguraw il-kompetittività futura tagħna bbażata fuq it-tkabbir sostenibbli u l-kwalità tal-ħajja.
Anja Karliczek, ministru federali tal-Ġermanja għall-edukazzjoni u r-riċerka
Anja Karliczek, ministru federali tal-Ġermanja għall-edukazzjoni u r-riċerka

Il-ministri ġeneralment kienu tal-fehma li r-R&Żhuwa essenzjali għall-kompetittività, ir-reżiljenza u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekonomija tal-UE. Dan huwa saħansitra aktar il-każ fi żminijiet ta’ kriżi bħall-pandemija tal-COVID-19.

Diversi ministri appellaw għall-prijoritizzazzjoni tal-investiment immirat lejn l-immodernizzar u t-titjib tas-sistema soċjoekonomika tal-Ewropa sabiex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u sabiex tlaħħaq mal-kompetituri internazzjonali. Sabiex jiżdied l-investiment globali fir-R&Ż,huwa essenzjali li jiġi attirat aktar investiment privat fis-settur.

Għadd ta’ ministri enfasizzaw l-importanza ta’ sħubiji u programmi Ewropej u l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni għolja.

Il-ministri affermaw mill-ġdid il-mira tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' 3 % tal-PDGbħala mira li għandha tintlaħaq fis-snin li ġejjin.

Imħassba bid-differenzi fost l-Istati Membri f’termini ta’ investiment fir-R&Żfil-livell nazzjonali, għadd ta’ ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jingħalaq dak id-distakk billi ssir konverġenza lejn miri ta’ investiment maqbula b’mod komuni. Madankollu, xi ministri jqisu li huwa prematur li jimpenjaw ruħhom għal miri ġodda ta’ investiment fi żmien meta l-impatt negattiv ġenerali tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomiji nazzjonali għadu mhux magħruf.

Kuntest

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, maħruġa fit-30 ta’ Settembru 2020, tipproponi sett ġdid ta’ miri ta' investimentfir-R&Ż:

  • Tafferma mill-ġdid il-mira ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' 3 % tal-PDG tal-UEu taġġornaha biex tirrifletti l-prijoritajiet ġodda tal-UE.
  • Taqbel dwar mira ġdida ta’ sforz pubbliku ta’ 1.25 % tal-PDG tal-UE li għandha tintlaħaq sal-2030 b’mod ikkoordinat mill-UE.
  • Taċċetta li timpenja b'mod volontarju 5% tal-finanzjament pubbliku nazzjonaligħar-R&Ż għal programmi konġunti u sħubiji Ewropej sal-2030.
  • Iżżid l-investiment totali fir-R&Żb'50% fil-ħames snin li ġejjin f'dawk l-istati membri li għadhom lura meta mqabbla mal-medja tal-investimentfir-R&Ż tal-UE fuq il-PDG.

Qabel id-diskussjonijiet fil-vidjokonferenza tas-27 ta’ Novembru, il-korpi preparatorji tal-Kunsill iffinalizzaw sett ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Dawn il-konklużjonijiet huma mistennija jiġu adottati mill-Kunsill permezz ta' proċedura bil-miktub dalwaqt.

Affarijiet oħra

a) Is-sitwazzjoni attwali fid-dossiers tar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (b’mod partikolari Orizzont Ewropa u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija)

F’sessjoni pubblika, il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar il-progress miksub s’issa fin-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar b’mod partikolari Orizzont Ewropa u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Id-dewmien fl-adozzjoni finali tal-ftehim tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kkawża dewmien simili għal dawn il-fajls. Ġie nnotat li t-trilogi ser ikomplu f’Diċembru bil-għan li jintlaħaq qbil politiku mal-Parlament Ewropew sa tmiem is-sena dwar (mill-inqas) Orizzont Ewropa.

b) Progress reċenti dwar Xjenza Miftuħa: sitwazzjoni attwali rigward il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u l-Pjattaforma tal-Politika tax-Xjenza Miftuħa

Il-Presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) u l-ħidma li tlestiet dan l-aħħar tal-grupp konsultattiv tal-Pjattaforma tal-Politika tax-Xjenza Miftuħa (OSPP) tal-Kummissjoni. Ġie nnutat li l-EOSC kellu rwol ewlieni fil-kriżi tal-COVID-19 billi ħaffef l-aċċess għad-data tar-riċerka u l-kondiviżjoni tagħha permezz tal-pjattaforma Ewropea ta' data dwar il-COVID-19 li għadha kif ġiet stabbilita. Is-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mal-governanza tal-EOSC, qed iħejju sħubija Ewropea ġdida taħt Orizzont Ewropa biex jappoġġaw l-EOSC mill-2021 ’il quddiem.

L-OSPP temmet it-tieni mandat tagħha, li jkopri l-perjodu minn Mejju 2018 sa Mejju 2020. Hija kienet qed tiffoka fuq l-oqsma ta’ sfida ta’ sistema ta’ premji u inċentivi għax-xjenza miftuħa, ix-xjenza taċ-ċittadini u l-indikaturi għall-involviment tar-riċerkaturi.

c) Sħubiji istituzzjonalizzati Ewropej: sitwazzjoni attwali

Il-Kummissjoni infurmat fil-qosor lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-pakkett li jmiss ta’ proposti leġiżlattivi għal sħubiji istituzzjonalizzati Ewropej (jiġifieri sħubiji pubbliċi-privati stabbiliti abbażi tal-Artikolu 187 TFUE u sħubiji pubbliċi-pubbliċi stabbiliti abbażi tal-Artikolu 185 TFUE).

Ġie nnutat li l-Kummissjoni waslet biex tiffinalizza ż-żewġ proposti leġiżlattivi li ġejjin:

  • proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi disa’ impriżi konġunti (abbażi tal-Artikolu 187 TFUE) taħt Orizzont Ewropa – att bażiku uniku (SBA);
  • proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sħubija fil-qasam tal-metroloġija (ibbażata fuq l-Artikolu 185 TFUE).

d) L-aħħar opinjoni xjentifika konġunta dwar it-titjib tat-tħejjija għall-pandemiji u l-ġestjoni tagħhom

Il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-aħħar opinjoni xjentifika mħejjija minn grupp ta’ esperti (inkluż il-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin għall-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda, u l-Professur Peter Piot fil-kapaċità tiegħu bħala konsulent speċjali għall-President tal-Kummissjoni) rigward it-tħejjija għall-pandemiji u l-ġestjoni tagħhom. Ġie nnutat li l-opinjoni kien fiha sett ta’ rakkomandazzjonijiet immirati lejn:

  • il-prevenzjoni u l-prevenzjoni ta’ pandemiji emerġenti,
  • it-tisħiħ tal-koordinazzjoni fost l-istati membri u fil-livell internazzjonali,
  • it-tisħiħ tas-sistemi għat-tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet,
  • ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u t-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali, u
  • is-sejba ta’ stili ta' ħajja sostenibbli u bbażati fuq is-solidarjetà.

e) Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss

Il-presidenza Portugiża li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-prijoritajiet tagħha fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ewwel nofs tal-2021. Ġie nnutat li l-ħidma ser tiffoka fuq żewġ għanijiet ewlenin, jiġifieri t-tħejjija ta’ rkupru reżiljenti permezz ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka mġedda u r-rwol ta' tmexxija fit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali abbażi tar R&Ż.I.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025