Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Vidjokonferenza tal-ministri għas-suq intern u l-industrija, 19 ta' Novembru 2020

Ir-riżultati ewlenin

Nieħdu l-aħjar li nistgħu mill-irkupru: Industrija Ewropea aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva permezz ta' investiment fit-trasformazzjoni ekoloġika #Cleanindustry

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni informali f'vidjokonferenza dwar kif jista' jsir l-aħjar użu mill-pjan ta' rkupru tal-UE biex tinkiseb industrija Ewropea aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva permezz ta' investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika. Id-diskussjonijiet segwew il-konklużjonijiet dwar "Irkupru li javvanza t-tranżizzjoni lejn industrija Ewropea aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva" adottati mill-Kunsill fis-16 ta' Novembru permezz ta' proċedura bil-miktub. Dawn għandhom iservu bħala l-kontribut tal-Kunsill għall-ħidma preparatorja tal-Kummissjoni għall-aġġornament tal-"Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" tagħha.

Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija
Industrija tal-UE kompetittiva u reżiljenti f'suq uniku aktar integrat u li jiffunzjona għalkollox ser tkun is-sinsla tal-irkupru tagħna mill-kriżi tal-COVID-19. Huwa d-dmir tagħna li nagħtu gwida tal-pjan tagħna għall-politika industrijali fis-snin u fid-deċennju ta' quddiemna. Dan jinvolvi l-ħidma biex ikollna - u biex niżguraw - l-aktar qafas legali adegwat għal tranżizzjoni rapida, ġusta u sostenibbli lejn ekonomija ekoloġika u diġitali kif ukoll l-istabbiliment tal-inċentivi t-tajba, anke f'termini finanzjarji, biex naqbdu t-triq teknoloġika lejn futur kompetittiv.
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija

Il-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha li taġġorna l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa sabiex tieħu kont tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, bħall-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-provvista u d-domanda esterni f'setturi strateġiċi u għal materjali strateġiċi, kif ukoll li jiżdied l-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika u diġitali.

Il-ministri ġeneralment kienu tal-fehma li t-tranżizzjoni ekoloġika tal-industrija tal-UE hija prekondizzjoni biex tinkiseb in-newtralità klimatika u miri oħra dwar il-klima. L-aġġornament imħabbar tal-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa għandu għalhekk jinkoraġġixxi aktar investiment f'innovazzjoni sostenibbli, ekoloġika u diġitali, kif ukoll aktar kooperazzjoni pan-Ewropea f'teknoloġiji sostenibbli u ekoloġiċi kruċjali sabiex din tkun storja ta' suċċess.

Ħafna ministri ssottolinjaw il-ħtieġa li jinstab l-aktar mod xieraq u effiċjenti biex it-tranżizzjoni ekoloġika timxi 'l quddiem filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE, b'mod partikolari s-setturi tagħha b'użu intensiv ta' enerġija.

Diversi ilħna saħqu fuq il-bżonn tal-industrija għaċ-ċarezza u l-prevedibbiltà u esprimew dubji dwar kemm huma xierqa l-modifiki għall-miri intermedji maqbula.

Ħafna ministri enfasizzaw ir-rilevanza ta' suq uniku li jaħdem għalkollox, speċjalment fil-qasam tas-servizzi, u ambjent regolatorju stabbli, speċjalment għall-investiment.

Waqt li diversi ministri tkellmu favur it-tnedija ta' Proġetti ġodda Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) f'setturi u fi ktajjen ta' valur strateġiċi differenti, oħrajn irrimarkaw li l-IPCEIs kienu sempliċiment waħda mill-għodod rilevanti u għandhom ikunu limitati għal sitwazzjonijiet ta' falliment tas-suq. Kienu bosta li appellaw favur iż-żieda fl-inklużività tal-IPCEIs, kemm f'termini ta' kopertura ġeografika kif ukoll tad-daqs tal-intrapriżi parteċipanti.

Għadd ta' ministri ssottolinjaw ir-rilevanza ta' ekonomija miftuħa għal industrija tal-UE kompetittiva, għanja u reżiljenti.

Aspetti ewlenin oħra msemmija kienu l-ħtieġa li jiġu promossi l-ekonomija ċirkolari u l-alleanzi industrijali, kif ukoll ir-rwol importanti li jaqdu r-riċerka u l-innovazzjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ewlenin tal-istrateġija tal-politika industrijali tal-UE b'mod kosteffettiv.

Informazzjoni ġenerali

Bi tweġiba għal sejħiet ripetuti mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa f'Marzu 2020.

Il-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija Ewropea saħħew il-ħtieġa għal rispons ta' politika industrijali rapidu, ambizzjuż u komprensiv fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jkopri l-ekosistemi industrijali kollha.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni ħabbret aġġornament għall-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, liema strateġija ser tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2021 u ser tieħu kont tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, il-kuntest globali kompetittiv u l-ħtieġa li jitħaffu ż-żewġ tranżizzjonijiet pariġġ, dik ekoloġika u dik diġitali. Id-diskussjonijiet tal-ministri fid-19 ta' Novembru (flimkien mal-konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija hawn fuq) ser ikunu l-kontribut tal-Kunsill għat-tħejjijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward

Affarijiet oħra

a) rapport annwali tal-2020 tan-Network ta' Rappreżentanti tal-SMEs

Il-Kummissjoni ser tippreżenta r-rapport annwali tal-2020 tan-Network ta' Rappreżentanti tal-SMEs. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-aħħar xejriet fil-prestazzjoni tal-SMEs fl-Ewropa u jiġbor fil-qosor il-ħidma li saret mir-rappreżentanti tal-SMEs fl-2020. Jippreżenta wkoll l-attivitajiet ippjanati min-network fl-2021 kif ukoll rakkomandazzjonijiet għal azzjoni.

b) Aġenda tal-Konsumatur Ġdida

Il-Kummissjoni ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha dwar l-Aġenda Ewropea tal-Konsumatur il-ġdida, li ġiet adottata fit-13 ta' Novembru.

Peress li l-Aġenda Ewropea tal-Konsumatur attwali ser tiskadi fi tmiem l-2020, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li tingħata ħarsa ġdida lejn il-prijoritajiet għas-snin li ġejjin, speċjalment minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-politika tal-UE u dik nazzjonali tal-konsumatur fuq diversi prijoritajiet, b'mod partikolari t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi online b'mod effettiv.

c) Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss

Id-delegazzjoni Portugiża ppreżentat il-prijoritajiet ewlenin tal-presidenza tagħha li jmiss fil-qasam tas-suq intern u l-industrija. L-intenzjoni tagħha hija li tikkonċentra fuq:

  • it-tisħiħ tas-suq uniku tal-UE,
  • l-aġġornament tal-Istrateġija Industrijali Ġdida,
  • id-dimensjoni esterna tal-kompetittività,
  • il-ktajjen ta' valur strateġiċi u r-rwol tal-SMEs,
  • it-trawwim tat-turiżmu sostenibbli,
  • l-awtonomizzazzjoni diġitali taċ-ċittadini u tan-negozji,
  • l-ekonomija tad-data u l-konnettività,
  • qafas diġitali reżistenti għall-futur (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Suq Diġitali),
  • l-Aġenda tal-Konsumatur ġdida,
  • l-innovazzjoni ta' regolamentazzjoni aħjar permezz tax-xjenza tad-data .

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025