Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 12/02/2019, 12 ta' Frar 2019

Punti ewlenin mill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, li sar fi Brussell fit-12 ta' Frar 2019

Riżultati ewlenin

Struttura Ewropea ta' superviżjoni finanzjarja

Il-Kunsill ikkonferma l-approċċ ġenerali tiegħu dwar proposti biex jiġi rieżaminat il-funzjonament tas-sistema Ewropea ta' superviżjoni finanzjarja attwali. Il-ftehim ikopri l-kwistjonijiet kollha ħlief għas-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus li għaliha kien inkiseb diġà mandat ta’ negozjar parzjali f’Diċembru 2018. Huwa stieden lill-presidenza biex tibda negozjati mal-Parlament Ewropew kemm jista' jkun malajr.

L-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) għandhom rwol kruċjali fit-tiswir tal-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali. Permezz ta’ dan il-ftehim importanti ħafna, aħna qegħdin intejbu l-effiċjenza tas-sistema eżistenti tas-superviżjoni finanzjarja. Qegħdin niżguraw ukoll li r-regoli komuni tagħna jiġu implimentati b'mod koerenti madwar l-UE u li s-superviżuri nazzjonali jikkooperaw b'mod effiċjenti kemm jista' jkun. Eugen Teodorovici, ministru għall-finanzi tar-Rumanija, li bħalissa għandha l-presidenza tal-Kunsill.

F'Settembru 2017, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta' proposti għal rieżami tal-kompiti, is-setgħat, il-governanza u l-finanzjament tal-ASE u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistematiku, sabiex l-awtoritajiet jadattaw għall-kuntest mibdul li fih joperaw. Barra minn hekk, f'Ottubru 2018 il-Kummissjoni ressqet proposta emendata li fiha dispożizzjonijiet li jsaħħu r-rwol tal-awtorità bankarja Ewropea fir-rigward ta' riskji għas-settur finanzjarju minn attivitajiet ta' ħasil ta' flus.

Teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ tassazzjoni

Il-Kummissjoni ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha "Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE" ippubblikata fil-15 ta' Jannar 2019. L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa biex il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar transizzjoni progressiva u mmirata minn votazzjoni b’unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-użu tal-"proċedura leġislattiva ordinarja" f’ċerti oqsma ta’ politika ta' tassazzjoni komuni tal-UE.

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet. Għadd konsiderevoli minnhom appellaw biex jinżamm il-bilanċ attwali tar-regoli tal-votazzjoni fit-tassazzjoni, filwaqt li oħrajn kienu lesti li jeżaminaw jekk hemmx lok għal titjib. Barra minn hekk, il-ministri enfasizzaw ir-rekord impressjonanti miksub fil-qasam tal-leġislazzjoni tal-UE dwar it-taxxa, kif ukoll il-ħidma intergovernattiva (il-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta), skont ir-regoli attwali tat-Trattati. Id-diskussjoni tal-Kunsill ma jantiċipa ebda passi li l-Kunsill Ewropew jista’ jieħu dwar dawn il-kwistjonijiet.

Ħatra ta' membru ġdid fil-Bord Eżekuttiv tal-BĊE

Il-Kunsill irrakkomanda li l-Kunsill Ewropew jaħtar lil Philip Lane bħala membru ġdid tal-bord eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Abbażi ta’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Kunsill Ewropew ser jitlob l-opinjonijiet mill-Parlament Ewropew u kif ukoll mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Huwa mbagħad mistenni li jadotta deċiżjoni finali fil-laqgħa tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Marzu.

Il-membru l-ġdid tal-bord eżekuttiv ser jieħu post Peter Praet u ser iservi terminu ta’ 8 snin li ma jiġġeddidx, mill-1 ta’ Ġunju 2019.

Rapport dwar is-sostenibbiltà fiskali 2018

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar is-sostenibbiltà fiskali, ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kunsill laqa’ r-rapport tal-Kummissjoni u afferma mill-ġdid l-importanza ta’ analiżi tas-sostenibbiltà fiskali, b’mod partikolari fil-qafas tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tas-Semestru Ewropew.

Baġit tal-UE

Il-Kunsill adotta linji gwida għall-baġit tal-UE għall-2020.

Il-Kunsill iqis li l-baġit li jmiss għandu jiżgura bbaġitjar prudenti u jħalli marġnijiet suffiċjenti taħt il-limiti massimi sabiex jiġu indirizzati ċirkostanzi mhux previsti. Fl-istess ħin għandhom jiġu allokati riżorsi suffiċjenti għal programmi u azzjonijiet li jikkontribwixxu l-aktar lejn it-twettiq tal-politiki tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-baġit għandu jippermetti li l-impenji li diġà ttieħdu fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali jitħallsu fi żmien debitu, sabiex tiġi evitata kull pretensjoni mhux imħallsa, b'mod partikolari fil-politika ta' koeżjoni.

Il-ministri rrakkomandaw ukoll li l-Parlament Ewropew jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2017.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025