Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-ekonomija u l-finanzi, 3 ta' Mejju 2022

Riżultati ewlenin

Il-ministri ffukaw fuq l-irkupru ekonomiku fl-Ewropa. Huma kellhom skambju ta' fehmiet dwar id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Bulgarija u l-Iżvezja. Sabiex id-deċiżjonijiet jiġu adottati formalment, il-proċedura bil-miktub ser tinbeda ftit wara l-laqgħa informali tal-lum. Fi tmiem il-proċedura bil-miktub, iż-żewġ stati membri ser ikunu jistgħu jiffirmaw ftehimiet ta' għoti taħt il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-programm tal-UE ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira b'rispons għall-isfidi li l-pandemija ħolqot għall-ekonomija Ewropea. Is-€672.5 biljun tal-faċilità jintużaw biex jappoġġaw ir-riformi u l-investimenti deskritti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-istati membri.

Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Bulgarija jikkonsisti minn €6.3 biljun f'għotjiet. Il-Bulgarija biħsiebha tuża 58.9% tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-objettivi klimatiċi tagħha, billi taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija tagħha, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini privat u pubbliku, u tappoġġa forom sostenibbli ta' trasport. 25.8% tal-allokazzjoni totali tal-pjan ser tkun ddedikata għall-objettivi diġitali bħat-tisħiħ tal-ħiliet diġitali u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll l-appoġġ għall-iżvilupp ta' networks b'kapaċità għolja ħafna madwar il-pajjiż.

Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Iżvezja jikkonsisti minn €3.3 biljun f'għotjiet. 44.4% tal-allokazzjoni totali tal-pjan tappoġġa l-objettivi klimatiċi. L-Iżvezja biħsiebha, fost affarijiet oħra, tappoġġa l-konverżjoni għall-enerġija rinnovabbli għat-tisħin fl-industrija, tkompli tiddekarbonizza s-settur industrijali u ttejjeb il-kapaċità ferrovjarja tagħha. L-Iżvezja qed tippjana li talloka 20.5% tal-allokazzjoni totali tal-pjan għar-riformi u l-investimenti li jappoġġaw objettivi diġitali, bħall-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tan-network tal-broadband f'żoni skarsament popolati u l-investiment f'infrastruttura diġitali fl-amministrazzjoni kollha.

Kif previst fir-regolament dwar l-RRF, mill-inqas 37% tan-nefqa għandha tkun iddedikata għall-klima u mill-inqas 20% għall-miri diġitali. Minbarra dawn iż-żewġ oqsma, l-investimenti u r-riformi fil-faċilità ser jiffokaw ukoll fuq: it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; il-koeżjoni soċjali u territorjali; is-saħħa u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali; u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Infografika)

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025