Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 24 ta' Mejju 2022

Riżultati ewlenin

Konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna. Iffaċċjati b'sitwazzjoni ekonomika li qed tiddeterjora minħabba l-gwerra u l-inflazzjoni li qed tiżdied, il-ministri ddiskutew il-koordinazzjoni tar-risponsi tal-politika ekonomika. Huma qasmu l-fehmiet ukoll dwar ir-rispons Ewropew għall-ħtiġijiet finanzjarji tal-Ukrajna, inkluż assistenza makrofinanzjarja addizzjonali possibbli mill-UE. Barra minn hekk, ġew infurmati dwar is-sitwazzjoni attwali mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE ser ikomplu jsegwu dawn l-iżviluppi mill-qrib.

Irkupru ekonomiku fl-Ewropa

Il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni attwali.

L-RRF hija l-programm tal-UE ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira b'rispons għall-isfidi li ħolqot il-pandemija għall-ekonomija Ewropea. Is-€672.5 biljun tal-faċilità jintużaw biex jappoġġaw ir-riformi u l-investimenti deskritti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-istati membri.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ukoll il-pjan RePowerEU tagħha li ġie ppubblikat fit-18 ta' Mejju, li kien segwit minn diskussjoni dwar soluzzjonijiet strutturali għall-kriżi tal-enerġija.

Unjoni tas-Swieq Kapitali: Fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil (ELTIFs)

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar emenda proposta tar-regolament dwar il-fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil (ELTIFs) sabiex dawn il-fondi tal-investiment isiru aktar attraenti. Din il-proposta hija parti mill-pakkett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), pjan biex jinħoloq suq uniku għall-kapital sabiex l-investimenti u t-tfaddil jiċċirkolaw fl-istati membri kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u l-investituri.

Il-qafas regolatorju tal-ELTIF jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-fondi dwar l-assi u l-investimenti eliġibbli, id-diversifikazzjoni u l-kompożizzjoni tal-portafoll, il-limiti tal-ingranaġġ u l-kummerċjalizzazzjoni. L-ELTIFs huma l-uniku tip ta' fondi ddedikati għall-investimenti fit-tul li jistgħu jitqassmu fuq bażi transkonfinali kemm lill-investituri professjonali kif ukoll lil dawk fil-livell tal-konsumatur.

Leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji

Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar il-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

G20

Il-Presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar ir-riżultati tal-laqgħa tal-G20 tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali li saret fl-20 ta' April 2022 f'Washington DC taħt il-presidenza Indoneżjana tal-G20.

Punti oħra

Grupp ta' persuni għorrief għall-isfidi li tiffaċċa l-Unjoni Doganali

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp tagħha ta' persuni għorrief għall-isfidi li tiffaċċa l-Unjoni Doganali.

Europol

Il-Kunsill adotta regolament li jemenda r-regolament tal-Europol. Dan it-test jinkariga lill-aġenzija b'kompiti ġodda, filwaqt li jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li tappoġġa lill-istati membri fil-ġlieda kontra theddid kriminali ġdid u modi operandi ġodda.

Liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna

Il-Kunsill adotta regolament li jippermetti l-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ u konċessjonijiet kummerċjali oħra fir-rigward ta' ċerti prodotti Ukreni. Bis-saħħa ta' dawn il-miżuri, l-UE ser tkun tista' tappoġġa b'mod sinifikanti l-ekonomija tal-Ukrajna.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025