"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 15 ta' Marzu 2022
Riżultati ewlenin
Sanzjonijiet fuq ir-Russja
Waqt il-kolazzjon, il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi ddiskutew il-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarjitas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja wara l-invażjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha fl-Ukrajna. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni preżenti tal-implimentazzjoni, kif ukoll il-konsegwenzi ta' dawk is-sanzjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta' kompetenza tagħhom.
Is-sanzjonijiet li adottajna qed ikollhom impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija Russa. Ħarbtu s-sistema finanzjarja Russa u pparalizzaw il-Bank Ċentrali Russu. Is-sanzjonijiet jiżguraw li r-reġim ta' Putin issa qed jibda jħallas il-prezz għall-aggressjoni militari tiegħu. Ninsabu lesti li nadottaw sanzjonijiet komplementari kull meta meħtieġ. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ekonomiji tagħna, irridu koordinazzjoni mill-qrib fil-livell Ewropew, kif għamilna matul il-kriżi tal-Covid.
Bruno Le Maire, Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Irkupru ta' Franza
Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE qed isegwu l-iżviluppi mill-qrib. Fil-25 ta' Frar, ħarġu dikjarazzjoni flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew li tiddeskrivi l-għaqda tagħhom, l-impenn tagħhom li jikkunsidraw is-sanzjonijiet kollha possibbli, kif ukoll ir-rieda tagħhom li jsaħħu l-indipendenza ekonomika tal-Ewropa.
Fit-2 ta' Marzu, il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-UE kellhom vidjokonferenza informali ddedikata kompletament għad-diskussjoni tas-sanzjonijiet. L-istati membri qablu li jieħdu aktar miżuri biex jevitaw kull ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet. Minn dakinhar 'l hawn, il-Kunsill adotta pakketti addizzjonali ta' sanzjonijiet, inkluż dwar il-kriptoassi.
Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Illum, il-Kunsill laħaq qbil (approċċ ġenerali) dwar ir-regolament dwar il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM), li huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %” tal-Unjoni Ewropea.
L-għan ewlieni ta' din il-miżura ambjentali huwa li tevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ser tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi sħab biex jistabbilixxu politika tal-ipprezzar tal-karbonju għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Għal dak il-għan, is-CBAM għandu fil-mira l-importazzjonijiet ta' prodotti intensivi fl-użu tal-karbonju, f’konformità sħiħa mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali, biex jipprevjeni t-tpaċija tal-isforzi tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra permezz ta' importazzjonijiet ta' prodotti manifatturati f'pajjiżi mhux tal-UE, fejn il-politika dwar it-tibdil fil-klima hija inqas ambizzjuża milli fl-Unjoni Ewropea. Ser tgħin ukoll biex tevita r-rilokazzjoni tal-produzzjoni jew l-importazzjoni ta' prodotti intensivi fil-karbonju.
Il-ftehim fil-Kunsill dwar il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri huwa rebħa għall-politika Ewropea dwar il-klima. Ser jagħtina għodda biex inħaffu d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tagħna, filwaqt li jipproteġiha minn kumpaniji minn pajjiżi b'għanijiet klimatiċi inqas ambizzjużi. Ser tinċentiva wkoll pajjiżi oħra biex isiru aktar sostenibbli u jipproduċu inqas emissjonijiet. Fl-aħħar nett, dan il-mekkaniżmu jwieġeb għall-istrateġija Ewropea ambizzjuża tagħna li għandha taċċellera l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa.
Bruno Le Maire, Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Irkupru ta' Franza
Il-Kunsill għadu jrid jagħmel biżżejjed progress fuq għadd ta' kwistjonijiet li huma marbutin mill-qrib mas-CBAM, iżda li mhumiex parti mill-abbozz tat-test legali tar-regolament dwar is-CBAM. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-eliminazzjoni gradwali tal-kwoti mingħajr ħlas allokati lis-setturi tal-industrija koperti mis-CBAM, stabbilita mid-Direttiva dwar l-EU ETS u s-soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjoni tal-limitazzjoni tar-rilokazzjoni potenzjali tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-esportazzjonijiet, sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza ekonomika, l-integrità ambjentali u l-kompatibbiltà tas-CBAM mad-WTO.
Ladarba jkun inkiseb biżżejjed progress fil-Kunsill, il-Kunsill ser jibda negozjati mal-Parlament Ewropew, wara li dan tal-aħħar ikun qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu.
Tassazzjoni korporattiva: Tassazzjoni ġusta u effettiva għall-gruppi multinazzjonali
L-istati membri għamlu progress lejn ftehim dwar id-direttiva, ippreżentata f’Diċembru 2021 mill-Kummissjoni Ewropea, li jiġi implimentat il-komponent minimu tat-taxxa tar-riforma fiskali internazzjonali tal-OECD fil-livell tal-UE.
Id-direttiva dwar il-“Pilastru 2” għandha, ladarba tiġi implimentata b’mod effettiv, tillimita l-ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rati tat-taxxa korporattiva. Kumpaniji multinazzjonali kbar, b’fatturat annwali kkombinat ta' mill-inqas EUR 750 miljun, ser jiġu ntaxxati b'rata minima ta' 15%. Ir-regoli l-ġodda ser inaqqsu r-riskju ta' erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt, u jiżguraw li l-akbar gruppi multinazzjonali jħallsu r-rata minima globali maqbula ta' taxxa korporattiva.
Għamilna progress kbir fid-direttiva dwar it-tassazzjoni minima. Huwa possibbli li jintlaħaq ftehim biex tintemm il-ġirja lejn l-aktar livell baxx. Il-kumpaniji multinazzjonali ser ikollhom iħallsu minimu ta’ 15% tat-taxxi madwar id-dinja.
Bruno Le Maire, Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Irkupru ta' Franza
Rieżami tal-governanza ekonomika & l-gwida fiskali
Il-Kummissjoni ppreżentat il-gwida fiskali tagħha għall-2023 li għandha tgħin lill-istati membri fit-tħejjija tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tagħhom mistennija f'April. Bi tweġiba għal dan, ilbieraħ il-Grupp tal-Euro ħareġ dikjarazzjoni.
Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll aġġornament tas-sitwazzjoni attwali dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika wara l-konsultazzjoni pubblika u d-diskussjonijiet fil-kumitat rilevanti mal-istati membri.
Informazzjoni dwar il-laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern, Versailles, l-10 u l-11 ta' Marzu 2022
Il-presidenza informat lill-ministri dwar l-eżiti ewlenin tal-laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern li saret f'Versailles fl-10 u l-11 ta' Marzu 2022.
Il-Kunsill stabbilixxa l-prijoritajiet tiegħu għall-baġit tal-UE għall-2023. Il-linji gwida approvati ser iservu bħala referenza fiċ-ċiklu baġitarju li jmiss.
Il-Kunsill, għall-ewwel darba, adotta konklużjonijiet dwar il-krediti għall-esportazzjoni li jagħmlu tliet avvanzi kbar.
L-ewwel nett, jimpenjaw lill-istati membri biex jadattaw il-politiki tagħhom dwar il-kreditu għall-esportazzjoni għall-objettivi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan il-progress jirrifletti direttament id-dinamika mibdija f'April 2021 minn Franza bil-koalizzjoni ta' Finanzjament għall-Esportazzjoni għall-Futur, li l-impenji tagħha ttieħdu mill-istati membri kollha tal-UE. It-tieni nett, dawn il-konklużjonijiet isaħħu l-assertività tal-UE fix-xena internazzjonali, billi jinsistu għall-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-kreditu għall-esportazzjoni fl-OECD. It-tielet nett, wara l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fuq ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali, dawn il-konklużjonijiet jqiegħdu s-sisien għal strateġija ġdida tal-UE għall-kreditu għall-esportazzjoni, li għaliha ser tibda fażi ta' dijanjożi fil-fond tal-ħtiġijiet.
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-kummerċ elettroniku. Il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2021. Dan ippreveda għadd ta' bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-VAT biex jingħelbu l-ostakli għall-bejgħ transkonfinali online u biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mir-reġimi tal-VAT għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti u għall-provvisti ta' servizzi min-negozju għall-konsumatur, u għall-importazzjoni ta' kunsinni ta' valur baxx.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.