"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-ministri għall-ambjent u l-klima ħadmu fuq il-passi konkreti li jenħtieġ li jittieħdu sabiex l-UE tilħaq l-objettiv tagħha dwar in-newtralità klimatika sal-2050. Il-ministri ddiskutew oqsma ta' prijorità, ħeġġew ekonomija aktar effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, u esprimew appoġġ għal transizzjoni ġusta għan-newtralità klimatika.
Ninsab kuntent li llum adottajna l-preżentazzjoni tal-istrateġija fit-tul tal-UE lill-UNFCCC. Huwa importanti li nirrispettaw l-impenji tagħna f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi. Irridu nispiraw lil ħaddieħor biex jissottometti l-istrateġiji fit-tul tiegħu fil-ħin. L-UE għandha rwol ta' mexxej dinji fl-azzjoni dwar il-klima. F'Diċembru, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa d-direzzjoni futura tal-Unjoni: sal-2050 l-UE ser ikollha impatt newtrali fuq il-klima. Illum konna kapaċi wkoll nagħmlu progress tajjeb fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Tomislav Ćorić, Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija tal-Kroazja
Il-Kunsill ħadem fuq il-passi konkreti meħtieġa biex in-newtralità karbonika fl-UE ssir realtà
Preżentazzjoni tal-istrateġija fit-tul tal-UE dwar il-klima lin-NU
Il-Kunsill adotta l-preżentazzjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) rigward l-istrateġija fit-tul tal-UE u tal-istati membri tagħha għal żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra. L-UE u l-istati membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ favur il-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet fit-tul tiegħu.
Permezz tal-approvazzjoni u l-implimentazzjoni fir-rigward ta' trasformazzjoni soċjali u ekonomika ambizzjuża, l-UE u l-istati membri tagħha għandhom l-għan li jispiraw l-azzjoni klimatika globali u juru li l-mixja lejn in-newtralità klimatika mhix biss essenzjali iżda wkoll fattibbli u mixtieqa.
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-kwalità tal-arja. It-tniġġis tal-arja għadu l-aktar kawża ambjentali importanti ta' problemi tas-saħħa fl-UE, u huwa stmat li kull sena jikkawża aktar minn 400,000 mewta prematura.
Il-Kunsill qies li l-istandards tal-kwalità tal-arja stabbiliti, b'mod partikolari l-valuri ta' limitu, kienu effettivi u għadhom essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini. Madankollu, il-Kunsill enfasizza li hemm lok għal titjib fil-qafas leġislattiv biex tiġi żgurata kwalità tajba tal-arja madwar l-UE.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-kontroll tal-idoneità tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ilma. Din l-evalwazzjoni ta' politika kopriet diversi atti leġislattivi: id-Direttiva qafas dwar l-ilma, id-direttiva dwar l-istandards tal-kwalità ambjentali, id-direttiva dwar l-ilma ta' taħt l-art u d-direttiva dwar l-għargħar.
Nirringrazzjaw lil Greta Thunberg talli aċċettat l-istedina tagħna biex tindirizza lill-ministri llum bħala mistiedna tal-Presidenza Kroata. Għandna l-istess għan: irridu naġixxu fuq it-tibdil fil-klima. Għandi messaġġ għaż-żgħażagħ li qed jitolbu azzjoni kontra l-emerġenza klimatika. Qed nisimgħukom. Bosta żgħażagħ jaħsbu li t-transizzjoni lejn in-newtralità klimatika mhix qed isseħħ malajr biżżejjed. Inħeġġukom tieħdu pass ieħor u tikkontribwixxu b'mod attiv għall-politika dwar il-klima. Aħna, is-27 ministru għall-ambjent u l-klima, qed naħdmu kuljum biex nipproteġu liċ-ċittadini tagħna u lill-ambjent kontra t-tibdil fil-klima.
Tomislav Ćorić, Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija tal-Kroazja
Kwistjonijiet oħra
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha dwar Liġi Ewropea dwar il-Klima u dwar Mekkaniżmu ta' Transizzjoni Ġusta skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-komunikazzjoni tagħha dwar il-Pjan ta' Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Waqt l-ikel, il-ministri ddiskutew id-diplomazija dwar il-klima fil-preżenza ta' Marc Vanheukelen, l-Ambaxxatur Ġenerali tas-SEAE għad-Diplomazija dwar il-Klima.
Id-delegazzjoni Pollakka għarrfet lill-ministri dwar l-implimentazzjoni tal-irkantar sħiħ għas-settur tal-avjazzjoni taħt is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS). Id-delegazzjoni Portugiża għarrfet lill-ministri dwar is-Simpożju ta' Livell Għoli dwar l-Ilma (Lisbona, 2 ta' Ġunju 2020). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea għarrfet lid-delegazzjonijiet dwar il-qabdiet aċċessorji ta' dniefel komuni, dniefel suwed tal-port u ta' speċijiet protetti oħrajn fl-irkaptu tas-sajd.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.