Skip to content

Spjegazzjoni tas-Semestru Ewropew

Is-Semestru Ewropew huwa qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, baġitarja, tal-impjiegi u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

X'inhu s-Semestru Ewropew?

Is-Semestru Ewropew jagħmel parti mill-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Matulu, l-istati membri jallinjaw il-politika baġitarja u ekonomika tagħhom mar-regoli miftiehma fil-livell tal-UE.

Dan il-proċess ta' koordinazzjoni tal-politika soċjoekonomika jseħħ kull sena minn Novembru.

Objettivi ewlenin tas-Semestru Ewropew

Is-Semestru Ewropew għandu l-għan li jikkontribwixxi għal:

  • l-iżgurar ta' finanzi pubbliċi sodi, il-prevenzjoni ta' defiċits baġitarji eċċessivi u l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tad-dejn tal-gvern
  • l-iżgurar ta' konverġenza u stabbiltà fl-UE
  • it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku
  • il-prevenzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi fl-UE
  • il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza
  • il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika tal-impjiegi u soċjali
Illustrazzjonijiet tal-kronoloġija tas-Semestru Ewropew, ċarts ekonomiċi u munzell ta' flus
Semestru Ewropew (Infografika)

Semestru Ewropew (Infografika)

Bażi legali tas-Semestru Ewropew

Il-bażi legali għall-proċess tas-Semestru Ewropew tinsab fl-Artikoli 121 u 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji nazzjonali fl-UE hija definita aktar mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), li l-għan tiegħu huwa li jiżgura finanzi tal-gvern sodi li huma meħtieġa għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għat-trawwim ta' tkabbir b'saħħtu u sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

L-atti leġiżlattivi tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni "two-pack" u "six-pack" saħħew ir-regoli u l-applikazzjoni tal-PST.

Aktar reċentement, il-qafas ta' governanza ekonomika rieżaminat tal-Unjoni, fis-seħħ mit-30 ta' April 2024, introduċa bidliet fil-parti preventiva u korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Liema politika tiġi kkoordinata matul is-Semestru Ewropew?

Is-Semestru Ewropew ikopri l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u dik baġitarja:

  • politiki baġitarji, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f'konformità mal-patt ta' stabbilita u tkabbir
  • il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi
  • riformi strutturali, li jiffukaw fuq il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi
  • riformi strutturali stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza
  • politika tal-impjiegi u soċjali, skont il-prinċipji tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali

Għaliex inħoloq is-Semestru Ewropew?

Il-kriżi ekonomika tal-2008 żvelat ħtieġa għal governanza ekonomika aktar b'saħħitha u koordinazzjoni aħjar tal-politika baġitarja u soċjali bejn l-istati membri tal-UE.

Koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tista' tgħin biex jiġu evitati d-disparitajiet u jiġu żgurati l-konverġenza u l-istabbiltà fl-UE kollha kemm hi u fl-istati membri tagħha.

Il-proċeduri tal-koordinazzjoni tal-politika relatati li kienu jeżistu sal-2010 kienu jiġu implimentati indipendentement minn xulxin. L-istati membri ħassew il-ħtieġa li jissinkronizzaw l-iskedi ta' żmien ta' dawn il-proċeduri biex jissimplifikaw il-proċess u jallinjaw aħjar il-miri tal-politiki nazzjonali, filwaqt li jqisu l-objettivi li kienu stabbilew fil-livell tal-UE. Kien hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu estiżi l-monitoraġġ u l-koordinazzjoni biex ikopru politiki usa'.

Għal dawn ir-raġunijiet u bħala parti minn riforma usa' tal-governanza tal-UE, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jistabbilixxi s-Semestru Ewropew fl-2010.

L-ewwel ċiklu tas-Semestru Ewropew sar fl-2011.

L-aħħar reviżjoni: 25 ta' Frar 2026