"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza tal-Grupp tal-Euro, 11 ta' Ġunju 2020
Riżultati ewlenin
Format regolari (pajjiżi taż-żona tal-euro)
Presidenza tal-Grupp tal-Euro
Il-president fil-kariga tal-Grupp tal-Euro, Mário Centeno, għarraf lill-ministri bil-proċess għall-elezzjoni ta' president ġdid. Il-ministri interessati ser ikunu jistgħu jressqu l-kandidatura tagħhom sal-25 ta' Ġunju. Il-mandat tal-President Centeno jintemm fit-12 ta' Lulju. Huwa mhux ser ifittex it-tieni mandat.
"Jien illum infurmajt lill-ministri kollegi tiegħi li mhux ser ikun qed infittex it-tieni mandat. Ser nibqa' President tal-Grupp tal-Euro sal-aħħar tal-mandat tiegħi, li huwa t-12 ta' Lulju."
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
Il-Grupp tal-Euro hu skedat li jeleġġi president ġdid fil-laqgħa tiegħu f'Lulju 2020.
Il-Grupp tal-Euro ddiskuta s-sitt rapport dwar is-sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-Greċja. Il-ministri kkonkludew li l-kondizzjonijiet biex jiġi kkonfermat ir-rilaxx tat-tielet parti ta' miżuri ta' dejn kontinġenti għall-politika ġew issodisfati.
"Anke f'din is-sitwazzjoni straordinarja, il-Greċja ħadet l-azzjoni meħtieġa biex twettaq l-impenji ta' riforma tagħha. Fuq din il-bażi, ilħaqna fehim politiku dwar l-approvazzjoni tal-parti li jmiss ta' miżuri tad-dejn."
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fil-11 ta' Lulju 2018 biex tattiva l-qafas ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja, li daħal fis-seħħ wara t-tmiem tal-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), f'Awwissu 2018.
Ir-rapporti ta' sorveljanza msaħħa trimestrali jippermettu monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja u tal-impenji ta' politika ta' wara l-programm, kif maqbula mill-Grupp tal-Euro ta' Ġunju 2018.
Il-Grupp tal-Euro ġie mgħarraf mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar is-sejbiet ewlenin:
tat-tmien missjoni ta' sorveljanza ta' wara l-programm f'Ċipru
tat-tlettax-il missjoni ta' sorveljanza ta' wara l-programm fi Spanja
Is-sorveljanza ta' wara l-programm tibda b'mod awtomatiku wara t-tmiem tal-programmi ta' assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà. Tkompli sakemm titħallas lura mill-inqas 75% tal-assistenza finanzjarja riċevuta. Ir-rappurtar u l-missjonijiet isegwu skeda ta' darbtejn fis-sena.
Il-president tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Andrea Enria, ippreżenta l-kompiti ta' Superviżjoni Bankarja tal-BĊE mwettqa mill-aħħar udjenza f'Ottubru 2019. Ir-rapport iffoka fuq il-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-banek u biex dawn jingħataw appoġġ sabiex ikomplu jsellfu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji.
Il-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) Elke König, ippreżentat attivitajiet reċenti mwettqa b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 biex jittaffa l-piż operazzjonali immedjat fuq il-banek li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Hija aġġornat ukoll lill-Grupp tal-Euro dwar l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, ir-riżolvibbiltà, inkluż l-MREL (rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli), u l-bini tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF).
Is-seduti ta' smigħ tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) isiru darbtejn fis-sena.
Programm rivedut ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro fuq perjodu qasir
Il-Grupp tal-Euro approva programm ta' ħidma rivedut u fuq perjodu qasir li jirrifletti r-riprijoritizzazzjoni tal-ħidma fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-Grupp tal-Euro normalment japprova u jippubblika l-programm ta' ħidma tiegħu darbtejn fis-sena, b'mod li jkopri l-ewwel u t-tieni semestru.
Sitwazzjoni ekonomika u miżuri ta' politika biex jingħata appoġġ lill-irkupru
Fit-23 ta' April, il-President tal-Kunsill Ewropew talab lill-Grupp tal-Euro biex "jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ekonomika u jħejji t-triq għall-irkupru".
F'dan il-kuntest, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni ekonomika u l-ħtiġijiet ta' rkupru. Huma ffukaw fuq il-komplementarjetà bejn il-politiki nazzjonali u Ewropej.
"Aħna ddiskutejna dimensjoni possibbli taż-żona tal-euro għall-faċilità ta' rkupru. Il-protezzjoni tal-munita unika hija kruċjali għall-protezzjoni tas-suq uniku."
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
Il-ministri rriflettew ukoll dwar l-implikazzjonijiet tas-sħubija fiż-żona tal-euro għall-pjanijiet ta' rkupru u ta' reżiljenza, inkluża r-rabta possibbli mar-rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro, u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Grupp tal-Euro f'dan ir-rigward.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.