- Kunsill Ewropew
Kunsill Ewropew, 21-22/03/2019, 21 u 22 ta' Marzu 2019
Riżultati ewlenin
Il-Ħamis, 21 ta' Marzu 2019, il-mexxejja tal-UE27 iltaqgħu biex jiddiskutu l-Brexit.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50), 21/03/2019
- Kummenti tal-President Donald Tusk wara l-Kunsill Ewropew (Art. 50), 21/03/2019
Nhar il-Ġimgħa 22 ta' Marzu 2019, il-mexxejja tal-UE kkonċentraw fuq l-ekonomija us-summit li ġej maċ-Ċina. Iddiskutew ukoll it-tibdil fil-klima u adottaw konklużjonijiet dwar l-iżgurar ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 22/03/2019
- Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-Kunsill Ewropew, 22/03/2019
Brexit
Il-mexxejja ħadu nota tal-ittra tal-Prim Ministru Theresa May tal-20 ta' Marzu 2019, fejn kienet talbet il-posponiment tal-Brexit sat-30 ta' Ġunju 2019. Huma offrew estensjoni sat-22 ta' Mejju 2019. Din ser tingħata jekk il-Parlament tar-Renju Unit japprova l-ftehim dwar il-ħruġ il-ġimgħa d-dieħla. Jekk ma jagħmilx dan, il-mexxejja tal-UE jaqblu li jipposponu l-Brexit sat-12 ta' April 2019, u jistennew li r-Renju Unit "jindika triq 'il quddiem qabel din id-data".
"Il-Kunsill Ewropew itenni li ma jista' jkun hemm ebda ftuħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li ġie maqbul bejn l-Unjoni u r-Renju Unit f'Novembru 2018." Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50)
Il-mexxejja tal-UE27 enfasizzaw li kwalunkwe impenn, dikjarazzjoni jew att unilaterali ieħor għandu jkun kompatibbli mal-kelma u l-ispirtu tal-ftehim dwar il-ħruġ. Huma appellaw biex titkompla l-ħidma ta' tħejjija u kontinġenza fil-livelli kollha għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, b'kont meħud tal-eżiti kollha possibbli.
Il-Kunsill Ewropew (Art. 50) approva wkoll l-Istrument relatat mal-ftehim dwar il-ħruġ u d-dikjarazzjoni konġunta li tissupplimenta d-dikjarazzjoni politika maqbula bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gvern tar-Renju Unit fi Strasburgu fil-11 ta' Marzu 2019.
Deċiżjoni formali dwar l-estensjoni tal-Brexit
Fit-22 ta' Marzu 2019 il-Kunsill Ewropew (Art. 50) adotta deċiżjoni li tifformalizza l-ftehim politiku li ntlaħaq fil-21 ta' Marzu 2019 dwar l-estensjoni tal-perjodu skont l-Artikolu 50. F'konformità mat-trattati, id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil mar-Renju Unit.
Relazzjonijiet esterni
Ċina
Il-Kunsill Ewropew ħejja s-summit UE-Ċina li għandu jsir fid-9 ta' April 2019. Huwa kellu skambju ta' fehmiet dwar ir-relazzjonijiet ġenerali maċ-Ċina fil-kuntest globali.
"L-għan tagħna huwa li niffokaw fuq il-kisba ta' relazzjoni bilanċjata, li tiżgura kompetizzjoni ġusta u aċċess indaqs għas-suq. F'dan il-kuntest, nittamaw li nikkonvinċu liċ-Ċina biex tinkludi s-sussidji industrijali bħala element kruċjali tar-riforma tad-WTO." Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew
Ukrajna
Ħames snin wara l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mir-Russja, l-UE għadha soda fl-impenn tagħha lejn is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
"L-UE ttenni li ma tirrikonoxxix, u li tkompli tikkundanna, dan il-ksur tad-dritt internazzjonali li jibqa' sfida diretta għas-sigurtà internazzjonali." Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
Il-Mozambique, il-Malawi u ż-Żimbabwe
Il-Kunsill Ewropew esprima dispjaċir kbir għat-telf ta' ħajjiet u l-qerda fil-Mozambique, il-Malawi u ż-Żimbabwe, ikkawżati miċ-ċiklun tropikali Idai. Il-mexxejja laqgħu r-rispons ta' emerġenza diġà mogħti mill-UE u l-istati membri tagħha, u qalu li huma lesti jkomplu jagħtu assistenza umanitarja urġenti.
Kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina: fatti u ċifri (Infografika)
Tisħiħ tal-bażi ekonomika tal-UE
Il-mexxejja tal-UE qablu li bażi ekonomika b'saħħitha hija ta' importanza kruċjali għall-ġid u l-kompetittività tal-Ewropa. Stqarru li dan l-għan għandi jinkiseb permezz ta':
- is-suq uniku, li għandu jagħmel enfasi fuq l-ekonomija tas-servizzi
- il-politika industrijali, li għandha tiffoka fost l-oħrajn fuq l-intelliġenza artifiċjali
- il-politika diġitali, li għandha tkun tixraq lil era ta' trasformazzjoni diġitali u ekonomija tad-data
Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew appella biex l-azzjoni mill-UE u mill-istati membri tagħha tkun tinkludi:
1. Aktar tisħiħ u approfondiment tas-suq uniku
Il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna biex sa Marzu 2020 tiżviluppa pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni aħjar tar-regoli tas-suq uniku.
2. Il-bini ta' bażi industrijali sostenibbli u kompetittiva
Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta, sa tmiem l-2019, viżjoni fit-tul b'passi konkreti għall-ġejjieni industrijali tal-UE.
3. L-iżvilupp tal-ekonomija diġitali
Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tan-netwerks tal-5G.
4. Żieda fl-investiment u t-teħid ta' riskji fir-riċerka u l-innovazzjoni, b'miżuri bħall-appoġġ għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni
5. Ħidma favur aġenda ta' kummerċ ħieles, b'miżuri bħall-konklużjoni ta' ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles, użu sħiħ tal-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ u l-issoktar ta' diskussjonijiet dwar l-istrument tal-UE għall-akkwisti internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew appella wkoll biex jittieħdu l-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni rapida tad-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' Lulju 2018 mill-Istati Uniti u l-UE.
Tibdil fil-klima
"Il-Kunsill Ewropew itenni l-impenn tiegħu għall-Ftehim ta' Pariġi u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi globali għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima fid-dawl tal-aħħar data xjentifika disponibbli." Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw l-importanza li tiġi ppreżentata strateġija fit-tul ambizzjuża għall-klima sal-2020. L-għan hu li nistinkaw għal effett newtrali fuq il-klima filwaqt li nżommu l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiżi tal-UE u l-kompetittività tal-industrija Ewropea.
Il-Kunsill Ewropew appella lill-Kunsill biex jintensifika l-ħidma tiegħu fuq strateġija fit-tul għall-klima, qabel diskussjoni oħra fil-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2019. Il-mexxejja fakkru wkoll lill-pajjiżi tal-UE biex jiffinalizzaw l-istrateġiji fit-tul nazzjonali tagħhom.
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni
Il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern adottaw konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-ħtieġa li titħares l-integrità demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali fl-UE kollha. Il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-operaturi privati bħall-pjattaformi online u n-netwerks soċjali biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi ta' Prattika u jiżguraw standards ogħla ta' responsabbiltà u trasparenza.
Il-25 anniversarju taż-Żona Ekonomika Ewropea
Il-Prim Ministri tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja kienu mistiedna jattendu għall-Kunsill Ewropew biex jitfakkar il-25 anniversarju taż-ŻEE. F'din l-okkażjoni, nhar il-Ġimgħa 22 ta' Marzu, il-mexxejja tal-UE kellhom opportunità għal skambju ta' fehmiet.
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ġie ffirmat fl-1992 f'Oporto, il-Portugall u daħal fis-seħħ fl-1994. Huwa jipprevedi l-inklużjoni ta' leġislazzjoni tal-UE li tkopri l-erba' libertajiet - il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital - fil-31 stat taż-ŻEE kollha.
European Economic Area - 25 years (Infografika)
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Report by President Donald Tusk to the European Parliament on March European Council meetings - 27/03/2019
Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Marzu 2019 - 22/03/2019
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 22 ta' Marzu 2019 - 22/03/2019
Bank Ċentrali Ewropew: il-ħatra tas-Sur Philip R. Lane fil-Bord Eżekuttiv - 22/03/2019
Diskors mill-President Donald Tusk fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Ftehim ŻEE - 22/03/2019
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50), 21 ta' Marzu 2019 - 21/03/2019
Ittra ta' stedina mill-President Donald Tusk lill-membri tal-Kunsill Ewropew qabel il-laqgħat tagħhom fil-21 u t-22 ta' Marzu 2019 - 20/03/2019
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa
- +32 2 281 55 23
- +32 470 95 75 61
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #EUCO
Laqgħat oħra: Kunsill Ewropew
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025