- Kunsill Ewropew
Kunsill Ewropew, 13-14/12/2018, 13 u 14 ta' Diċembru 2018
Riżultati ewlenin
Il-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Diċembru 2018 iffoka fuq il-baġit fit-tul tal-UE, ir-relazzjonijiet esterni, il-migrazzjoni u s-suq uniku. Il-mexxejja tal-UE27 iddiskutew ukoll il-Brexit nhar il-Ħamis u ż-żona tal-euro nhar il-Ġimgħa.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 13-14/12/2018
- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50), 13/12/2018
- Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u tas-Summit tal-Euro, 14/12/2018
- Ittra mill-President Tusk lill-President Tajani li tirrapporta dwar l-eżitu tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, 20 ta' Diċembru 2018
Fil-bidu tal-laqgħa, il-Kanċillier Sebastian Kurz, li jirrappreżenta l-presidenza Awstrijaka, ipprovda ħarsa ġenerali lejn il-progress fl-implimentazzjoni ta' konklużjonijiet ta' qabel tal-Kunsill Ewropew.
Baġit tal-UE għall-2021-2027
Il-Kunsill Ewropew kellu l-ewwel skambju sostanzjali ta' fehmiet dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 abbażi ta' rapport ta' progress mill-presidenza tal-Kunsill. Huwa appella lill-presidenza li jmiss biex tkompli bil-ħidma intensiva mwettqa tul is-sena li għaddiet fuq il-QFP futur, il-baġit fit-tul tal-UE. Il-mexxejja għandhom l-għan li jilħqu qbil fil-Kunsill Ewropew fil-ħarifa tal-2019.
Relazzjonijiet esterni
Il-mexxejja tal-UE ddiskutew it-tħejjijiet għas-summit li jmiss mal-Lega tal-Istati Għarab fl-24 u l-25 ta' Frar 2019.
Il-Kanċillier Merkel u l-President Macron informaw lill-mexxejja dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk. Peress li ma sar ebda progress, il-Kunsill Ewropew ħa d-deċiżjoni politika li s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja jiġu prorogati.
Huwa esprima t-tħassib serju tiegħu dwar l-eskalazzjoni fl-Istretti ta' Kerch u l-Baħar ta' Azov. Appella għall-ħelsien immedjat tal-baħrin Ukreni kollha miżmuma kif ukoll ir-ritorn tal-bastimenti maħtufa u l-passaġġ ħieles għall-vapuri kollha mill-Istretti ta' Kerch.
Il-Kunsill Ewropew laqa' l-vot pożittiv fil-Parlament Ewropew dwar il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun u stenna b'interess id-dħul fis-seħħ imminenti tiegħu.
Brexit
Il-mexxejja tal-UE27 kellhom laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fil-format tal-Artikolu 50 biex jiddiskutu l-Brexit. Huma reġgħu kkonfermaw il-konklużjonijiet tal-25 ta' Novembru 2018, fejn approvaw il-ftehim dwar il-ħruġ kif ukoll id-dikjarazzjoni politika.
"L-Unjoni ssostni dan il-ftehim u biħsiebha tipproċedi bir-ratifika tiegħu. Mhuwiex miftuħ għal negozjar mill-ġdid." Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50), 13 ta' Diċembru 2018
Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-garanzija ta' kontinġenza kienet maħsuba bħala assigurazzjoni biex tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda u tiżgura l-integrità tas-suq uniku. "Jekk madankollu l-garanzija ta' kontinġenza tiġi attivata, din ser tapplika b'mod temporanju, sakemm u dment li ma tiġix sostitwita minn ftehim sussegwenti li jiżgura li tiġi evitata fruntiera fiżika," qalu l-mexxejja tal-UE27 fil-konklużjonijiet.
Il-mexxejja ddiskutew ukoll l-istat ta' tħejjija tagħhom għal xenarju fejn ma jintlaħaq ebda ftehim.
Suq uniku
Il-Kunsill Ewropew appella għall-kontinwazzjoni tal-aġenda tas-suq uniku li pprovda ġid, tkabbir u impjiegi fl-UE matul l-aħħar 25 sena. Il-mexxejja jridu jaraw progress fl-oqsma li ġejjin:
- il-ħidma leġislattiva li għaddejja
- koordinazzjoni ma' oqsma ta' politika relatati
- implimentazzjoni fil-livell nazzjonali
- il-kompetittività globali
- it-trasformazzjoni diġitali
Il-Kunsill Ewropew qabel li jorganizza diskussjoni profonda fir-rebbiegħa tal-2019, bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika li jmiss.
Migrazzjoni
Il-wasliet irregolari tnaqqsu għal-livelli ta' qabel il-kriżi bis-saħħa ta' kontrolli fil-fruntieri esterni, il-ġlieda kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin u l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu. Il-mexxejja appellaw sabiex il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna tiġi żviluppata aktar u implimentata.
Fir-rigward tal-politiki interni tal-Unjoni, il-mexxejja stiednu lill-koleġislaturi biex jikkonkludu malajr in-negozjati dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG).
Appellaw ukoll għal aktar sforzi biex jiġu konklużi n-negozjati dwar l-Aġenzija għall-Asil, id-direttiva dwar ir-ritorn u r-riforma tas-sistema tal-asil tal-UE.
It-tibdil fil-klima
Fid-dawl tal-preżentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjaneta Nadifa għal Kulħadd" u b'kont meħud tal-eżitu tal-COP24 f'Katowice, il-mexxejja tal-UE stiednu lill-Kunsill biex jaħdem fuq l-elementi msemmijin fil-komunikazzjoni. Fl-ewwel semestru tal-2019 il-Kunsill Ewropew ser jipprovdi gwida dwar id-direzzjoni ġenerali u dwar il-prijoritajiet politiċi. Din ser tippermetti li l-UE tippreżenta strateġija fit-tul sal-2020 f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi.
Sigurtà u difiża
Il-kapijiet laqgħu b'sodisfazzjon il-progress miksub fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, bħalma huma l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u l-isforzi biex titjieb il-mobbiltà militari. Il-mexxejja approvaw il-patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK.
Dawn l-inizjattivi jgħinu biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE u l-kapaċità tagħha li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà, filwaqt li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.
Id-diżinformazzjoni
Is-sistemi demokratiċi tagħna huma mhedda mit-tifrix tad-diżinformazzjoni. Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa għal rispons urġenti għad-diżinformazzjoni b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Huma appellaw għal:
- implimentazzjoni rapida tal-pjan ta' azzjoni konġunt dwar id-diżinformazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli
- azzjoni rapida u deċiżiva kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali biex tiżgura elezzjonijiet Ewropej u nazzjonali ħielsa u ġusti
Il-Kunsill huwa mistieden ikompli l-ħidma fuq din il-kwistjoni u jirrapporta lura lill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2019.
Il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija
Il-mexxejja tal-UE kkundannaw il-forom kollha ta' antisemitiżmu, razziżmu u ksenofobija u enfasizzaw l-importanza tal-ġlieda kontra l-intolleranza. Huma laqgħu l-adozzjoni fis-6 ta' Diċembru 2018 tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.
Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini
Il-mexxejja tal-UE vvalutaw l-eżitu tad-Djalogi maċ-Ċittadini u l-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini li saru fl-istati membri tal-UE. L-eżerċizzju għen biex jiġu identifikati għadd ta' elementi ta' tħassib u aspettattivi min-naħa taċ-ċittadini f'termini ta' riżultati konkreti mill-UE. Fil-laqgħa informali tagħhom f'Sibiu fid-9 ta' Mejju 2019, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern ser jiddiskutu l-prijoritajiet għaċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss, bil-ħsieb li jaqblu dwar l-Aġenda Strateġika li jmiss f'Ġunju 2019.
Summit tal-Euro
Il-mexxejja tal-UE adottaw dikjarazzjoni li tapprova l-elementi kollha tar-rapport tal-Grupp tal-Euro dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inkluż dokument dwar il-kondizzjonijiet tar-riforma tal-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà, it-termini ta' referenza tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-fond uniku ta' riżoluzzjoni u t-triq 'il quddiem dwar l-unjoni bankarja.
Barra minn hekk, il-mexxejja taw mandat lill-Grupp tal-Euro għal aktar ħidma fuq strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Indicative media programme - European Council, 21 and 22 March 2019 - 12/03/2019
Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u s-summit tal-Euro fl-14 ta' Diċembru 2018 - 14/12/2018
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 13-14 ta' Diċembru 2018 - 14/12/2018
Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Diċembru 2018 - 14/12/2018
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50), 13 ta' Diċembru 2018 - 13/12/2018
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali u dwar ir-relazzjonijiet esterni, 13 ta' Diċembru 2018 - 13/12/2018
Ittra ta' stedina mill-President Donald Tusk lill-membri tal-Kunsill Ewropew qabel il-laqgħat tagħhom fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2018 - 12/12/2018
Indicative media programme - European Council, 13 and 14 December 2018 - 07/12/2018
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa
- +32 2 281 55 23
- +32 470 95 75 61
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #EUCO
Laqgħat oħra: Kunsill Ewropew
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025