Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 22-23/05/2018, 22 u 23 ta' Mejju 2018

Riżultati ewlenin

22 ta' Mejju 2018

Edukazzjoni

Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex iżommu u jiksbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà u jkollhom suċċess fit-transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. L-Unjoni Ewropea tista’ tieħu ħafna passi biex jintuża l-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni bħala mutur għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali. Krasimir Valchev, ministru għall-edukazzjoni u x-xjenza tar-Repubblika tal-Bulgarija u president tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, li l-għan tagħha hu li tiġi aġġornata r-rakkomandazzjoni attwali mill-2006 u jittieħed kont tal-bidliet bħad-diġitalizzazzjoni u s-swieq tax-xogħol li jevolvu bla waqfien.

Il-Kunsill adotta wkoll rakkomandazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim, kif ukoll konklużjonijiet dwar il-mixja lejn viżjoni ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Il-ministri kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-potenzjal tal-universitajiet fil-promozzjoni tat-tkabbir reġjonali u l-ħiliet innovattivi u intraprenditorjali, b’enfasi partikolari fuq liema miżuri u inċentivi jistgħu jintroduċu l-politiċi biex jiżviluppaw il-potenzjal tal-istituzzjonijiet edukattivi għolja, u dwar ir-rwol ta’ strateġiji u sinerġiji intelliġenti għall-ispeċjalizzazzjoni.

Il-Kunsill kien ukoll infurmat dwar serje ta’ kwistjonijiet importanti bħar-rwol tal-edukazzjoni fl-indirizzar tal-anti-Semitiżmu, jum l-isports fl-iskejjel Ewropej, u l-programm ta’ ħidma tal-presidenza Awstrijaka li jmiss.

Highlights of the Education, Youth, Culture and Sport Council, 22 May 2018, in Brussels.

Żgħażagħ

Wara ikla informali dwar kif jiġu riformati l-mekkaniżmi eżistenti għall-konsultazzjoni taż-żgħażagħ, l-hekk imsejjaħ djalogu strutturali dwar iż-żgħażagħ, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fil-bini ta’ soċjetà sikura, koeżiva u armonjuża, kif ukoll konklużjonijiet dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-prijoritajiet futuri tal-politika tal-UE għaż-żgħażagħ fil-preżenza tas-Sur Hassan Al Hilou, Mexxej tal-Komunità tal-Fondazzjoni YouthTalks. Id-dibattitu kien intenzjonat li jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ riveduta. L-istrateġija l-ġdida tressaq proposti li jiddefinixxu qafas Ewropew ta’ kooperazzjoni għaż-żgħażagħ għall-perjodu 2019-24 u tiffoka, fost affarijiet oħra, fuq il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.

Fl-aħħar nett il-ministri ġew infurmati dwar dikjarazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti, l-inizjattiva Żgħażagħ Ewropej Flimkien u l-programm ta’ ħidma tal-presidenza Awstrijaka li jmiss.

23 ta' Mejju 2018

Kultura/Awdjoviżiv

Ir-rwol kruċjali tal-kultura fl-indirizzar ta’ sfidi ewlenin soċjali u ekonomiċi kien rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru 2017. Qed naħdmu biex nibdlu l-prinċipji f’realtà u nfasslu viżjoni fit-tul għall-kontribut tal-kultura lill-UE wara l-2020. Boil Banov, ministru għall-kultura tar-Repubblika tal-Bulgarija u president tal-Kunsill

Il-Kunsill kellu skambju ta’ fehmiet dwar viżjoni fit-tul għall-kontribut tal-kultura lill-UE wara l-2020, b’enfasi partikolari fuq liema azzjonijiet jeħtieġ li jittieħdu fil-livell tal-UE biex jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni fil-qasam kulturali, sabiex il-kultura ssir mutur reali ta’ bidla fil-futur.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar il-ħtieġa li l-wirt kulturali jitpoġġa fuq quddiem fil-politiki kollha fl-UE.

Il-ministri ġew ukoll infurmati dwar serje ta’ suġġetti importanti bħall-kwistjoni tal-importazzjoni illeċita ta’ oġġetti kulturali minn siti arkeoloġiċi, il-bliet kapitali Ewropej tal-kultura fl-2022, il-proposta li tinbidel id-direttiva dwar il-VAT biex jittieħed kont aħjar tal-politiki kulturali, u l-programm ta’ ħidma tal-presidenza Awstrijaka li jmiss.

Highlights of the Education, Youth, Culture and Sport Council, 23 May 2018, in Brussels.

Sport

Iż-żgħażagħ u l-isport għandhom rwol ewlieni fil-bini ta’ soċjetajiet sikuri u koeżivi, l-indirizzar ta’ bidliet soċjali u l-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE. Hu d-dmir tagħna li ngħaddu r-responsabbiltà liż-żgħażagħ tagħna u noħolqu l-kondizzjonijiet xierqa biex l-isport ikollu r-rwol tiegħu fis-soċjetà. Krasen Kralev, il-ministru għaż-żgħażagħ u l-isport tar-Repubblika tal-Bulgarija u president tal-Kunsill

Wara laqgħa informali waqt l-ikla ta’ nofsinhar tal-ministri għall-isport mal-President tal-UEFA, is-Sur Čeferin, biex jiddiskutu l-futur tal-kompetizzjonijiet tal-klabbs u tat-timijiet nazzjonali, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport.

Il-ministri mbagħad kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-isport tal-ogħla livell u s-sostenibbiltà tal-mudell Ewropew tal-Isport, ukoll fil-preżenza tas-Sur Čeferin. Il-ministri ddiskutew b’mod partikolari l-isfidi li qed jiffaċċa l-mudell Ewropew u dwar kif jiżguraw li l-isport fl-Ewropa jippreżerva n-natura u s-sisien b'saħħithom tiegħu.

Il-Kunsill kien ukoll infurmat dwar l-aħħar laqgħat tal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping, id-dikjarazzjoni “Għal Ewropa ta’ sport”, u l-programm ta’ ħidma tal-presidenza Awstrijaka li jmiss.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025