"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 20-21/11/2017, 20 u 21 ta' Novembru 2017

Riżultati ewlenin, 21/11/2017

“L-Ewropa mhix biss dwar l-ekonomija u s-suq uniku, hija wkoll dwar x'noħolqu, x’naqraw, x’nisimgħu, x’nilagħbu. Il-kultura, l-arti u l-isport huma l-kolla li tgħaqqad lill-komunitajiet tagħna flimkien. Dawn joħolqu sens ta’ appartenenza, u jikkontribwixxu għal soċjetajiet b’saħħithom, inklużivi u koeżivi. F’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għall-Ewropa, huwa ferm aktar importanti li nżidu l-isforzi tagħna fil-livelli kollha biex inħeġġu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’attivitajiet bħal dawn. Ninsab ċert li ż-żewġ settijiet ta’ Konklużjonijiet li adottajna llum dwar l-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali u dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà ser jgħinuna nilħqu dawn l-għanijiet.”

Indrek Saar, Ministru għall-kultura tal-Estonja, li bħalissa għandha l-presidenza tal-Kunsill

Kultura/Awdjoviżiv

Il-Kunsill kellu skambju ta’ fehmiet dwar kif il-kultura tista’ tikkontribwixxi biex is-soċjetajiet Ewropej isiru aktar koeżivi. Il-Ministri ddiskutew b’mod partikolari x’jista’ jsir b’mod konġunt fil-livell Ewropew biex tissaħħaħ l-azzjoni fuq livell nazzjonali kif ukoll ir-rwol speċifiku tal-organizzazzjonijiet kulturali u ta' wirt storiku.

Il-Ministri ġew infurmati wkoll dwar l-istat attwali tan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, li tirregola l-koordinazzjoni mal-UE kollha tal-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-media awdjoviżiva kollha, kemm ix-xandir tradizzjonali tat-televiżjoni kif ukoll servizzi fuq talba.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-opportunitajiet ippreżentati minn teknoloġiji ġodda għal organizzazzjonijiet kulturali f’termini tal-immirar aħjar ta' udjenzi eżistenti jew li jintlaħqu oħrajn ġodda.

Sport

Il-Ministri ddiskutew l-isfidi ewlenin li qed jaffaċċja l-isport fis-seklu 21. Huma ħarsu lejn kif tista’ titjieb il-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet sportivi sabiex jirrispondu b’mod aktar effettiv għal kwistjonijiet bħalma huma l-integrità, il-governanza u l-kontribut tal-isport għas-soċjetà. Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC), Thomas Bach, ħa sehem fid-dibattitu fil-Kunsill għall-ewwel darba minn mindu dan ilu jeżisti f’din il-konfigurazzjoni.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà kif ukoll riżoluzzjoni bl-għan li jiġi żviluppat aktar id-djalogu strutturat ta' livell għoli eżistenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet tal-istati membri u l-movimenti tal-isport.

Riżultati ewlenin, 20/11/2017

Żgħażagħ

Il-Kunsill wasal għal approċċ ġenerali dwar abbozz ta' regolament dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. L-għan tar-regolament huwa li tissaħħaħ il-koeżjoni, is-solidarjetà u d-demokrazija fl-Ewropa billi joffri liż-żgħażagħ il-possibbiltà ta' volontarjat jew ħidma fi proġetti ta' benefiċċju madwar l-Ewropa.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Ħidma Intelliġenti fost iż-Żgħażagħ. Il-konklużjonijiet jipproponu li l-media u t-teknoloġiji diġitali jintużaw fl-iżvilupp tal-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, tar-riċerka dwar iż-żgħażagħ u tal-politiki taż-żgħażagħ bħala rispons għall-isfidi u l-opportunitajiet fl-era diġitali.

Il-ministri ddiskutew ukoll kwistjonijiet ta' tħassib għaż-żgħażagħ Ewropej u kif l-UE tista' tgħin sabiex dawn jiġu indirizzati. Il-Presidenza ser tibgħat messaġġi ewlenin minn dan id-dibattitu f'ittra lill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Mailis Reps, il-ministru Estonjana għall-Edukazzjoni u r-Riċerka, enfasizzat l-importanza li jiġu appoġġati u impenjati ż-żgħażagħ Ewropej:

“Jekk irridu niżguraw futur Ewropew sabiħ, jeħtieġ li nkunu konxji mit-tħassib taż-żgħażagħ Ewropej u nagħmlu dak li nistgħu biex dawn jiġu indirizzati. Jeħtieġ ukoll li nkunu żguri li qed nipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet u l-għodod li jeħtieġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u jagħmlu suċċess minn ħajjithom f'dinja li qed tinbidel malajr.”

Edukazzjoni

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar aġenda mġedda għall-edukazzjoni għolja. L-għan ġenerali huwa li tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni għolja sabiex iżżomm il-pass mal-ambjent li qed jevolvi malajr.

Huwa adotta wkoll konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti. Il-konklużjonijiet enfasizzaw l-importanza li tiġi żgurata edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità għolja għal kulħadd, tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel, u l-governanza tinbidel għal waħda aktar effikaċi, ekwa u effiċjenti.

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni għal stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati bħala mezz li jħeġġeġ u jappoġġa lil stati membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar x'jagħmlu l-gradwati wara li jitilqu mill-edukazzjoni għolja jew mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjoni jsegwu l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2017 dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u tat-tagħlim eċċellenti, u dwar l-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Guy Milton Kap tar-Relazzjonijiet mal-media

  • +32 2 281 85 19
  • +32 477 67 06 60

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025