• Kunsill tal-UE

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 26 u 27 ta' Novembru 2018

Mumenti ewlenin tal-Kunsill Kultura u Sport tas-27 ta’ Novembru 2018

Riżultati ewlenin, 26 ta' Novembru 2018

Żgħażagħ

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali parzjali (il-pożizzjoni tal-Kunsill) dwar proposta għal Regolament dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 2021-2027. Dan jeskludi kwistjonijiet/ċifri relatati mal-baġit li bħalissa qed jiġu diskussi bħala parti min-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Il-Kunsill adotta wkoll Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u kellu dibattitu dwar l-implimentazzjoni tagħha. L-istrateġija mistennija tiżviluppa l-approċċ transsettorjali tagħha billi tindirizza l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ f'oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE.

Il-ministri adottaw Konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-kuntest tal-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni u r-refuġjati. Abbażi ta' evidenza mir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2015 u b’kont meħud tal-iżviluppi politiċi, il-gvernijiet nazzjonali qed jaħdmu, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, biex jipprijoritizzaw l-integrazzjoni taż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni, inkluż migranti u refuġjati li jkunu għadhom kif waslu.

Edukazzjoni

Il-ministri laħqu qbil dwar approċċ ġenerali parzjali dwar proposta għal Regolament dwar il-programm Erasmus+. L-approċċ ġenerali parzjali jeskludi kwistjonijiet/ċifri relatati mal-baġit li bħalissa qed jiġu diskussi bħala parti min-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. L-għan tal-proposta hu li l-programm ikun jista' jsir aktar inklużiv billi tiżdied l-aċċessibbiltà tiegħu, eż. għal organizzazzjonijiet fuq skala żgħira jew lokali, jew żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, u billi jiġi estiż l-ambitu tiegħu għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-ministri adottaw ukoll Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki ta' taħriġ tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż. Dan huwa maħsub biex jiżgura li kwalunkwe diploma ta' edukazzjoni għolja u ta' edukazzjoni sekondarja għolja u r-riżultati tal-perjodi ta' tagħlim li jsiru barra mill-pajjiż u li jingħataw minn istituzzjoni akkreditata fl-Unjoni jiġu awtomatikament rikonoxxuti għall-finijiet ta’ tagħlim ulterjuri fl-Istati Membri kollha sal-2025.

Il-ministri kellhom dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar il-ħolqien sal-2025 ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, ibbażata fuq il-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-mobbiltà u t-tkabbir. Id-dibattitu kien ibbażat fuq dokument ta’ diskussjoni tal-Presidenza.

Mumenti ewlenin tal-Kunsill Kultura u Sport tas-27 ta’ Novembru 2018

Riżultati ewlenin, 27 ta' Novembru 2018

Kultura

Il-ministri ħadu nota ta' rapport ta' progress dwar proposta għal programm ġdid ta' Ewropa Kreattiva 2021-2027. L-objettivi ġenerali tal-programm huma li tiġi promossa l-kooperazzjoni Ewropea dwar id-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi, u li tiżdied il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022. Il-pjan huwa meqjus bħala strument strateġiku li jistabbilixxi l-prijoritajiet u jiddefinixxi azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l-bidla diġitali, il-globalizzazzjoni u d-diversità soċjetali dejjem tikber fil-qasam tal-politika kulturali.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kontenut Ewropew fl-ekonomija diġitali. Il-konklużjonijiet jiffukaw fuq prijoritajiet tal-UE bħat-trawwim tad-diversità, il-viżibbiltà u l-innovazzjoni, l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u t-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi.

Il-ministri kellhom dibattitu pubbliku dwar l-indirizzar tat-tixrid tad-diżinformazzjoni online, b'fokus fuq “aħbarijiet foloz”, il-media u r-rwol tagħhom biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-diżinformazzjoni.

Kienet prijorità għalina li nindirizzaw il-kwistjoni tad-diżinformazzjoni u ninsabu kuntenti li dan is-suġġett ġie inkluż fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-lum. Aspett importanti huwa r-responsabbiltà tal-kumpaniji l-kbar ewlenin online li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-ġurnaliżmu tradizzjonali b’mod ekonomikament responsabbli.

Gernot Blümel, Ministru Federali tal-Awstrija għall-UE, l-Arti, il-Kultura u l-Media

Id-dibattitu kien ibbażat fuq dokument ta’ diskussjoni tal-Presidenza. Il-ministri ġew mistiedna jirreaġixxu għall-inizjattivi li tnedew u ġew implimentati reċentement fil-livell tal-UE bil-ħsieb li jindirizzaw id-diżinformazzjoni online.

Sport

Il-ministri kellhom dibattitu pubbliku dwar l-avvenimenti sportivi ewlenin bħala muturi għall-innovazzjoni, flimkien mas-Sur Martin Kallen, CEO tal-avvenimenti tal-UEFA (EURO 2020). Id-dibattitu kien ibbażat fuq dokument ta’ diskussjoni tal-Presidenza, li jenfasizza r-rabtiet bejn avvenimenti sportivi kbar u l-innovazzjoni, inkluż l-applikazzjonijiet għal privattivi u teknoloġiji ġodda applikati għal avvenimenti sportivi.

Il-ministri adottaw ukoll konklużjonijiet dwar id-dimensjonijiet ekonomiċi tal-isport u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tiegħu. L-għan huwa li l-isport jiġi rikonoxxut bħala mutur għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll mezz biex jittejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u dawk soċjali taċ-ċittadini.