"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 22-23/05/2017, 22 u 23 ta' Mejju 2017

Riżultati ewlenin

Awdjoviżwali u Kultura

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta għal direttiva riveduta dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva abbażi ta’ test ta’ kompromess finali ppreżentat illum fil-Kunsill mill-Presidenza Maltija dwar kwistjonijiet ewlenin li għadhom pendenti: l-ambitu tad-direttiva, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, il-kwota għal xogħlijiet Ewropej u kontribuzzjonijiet finanzjarji.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali. Il-konklużjonijiet jipproponu t-twaqqif ta’ pjattaforma transsettorjali li tlaqqa’ flimkien esperti minn oqsma differenti ta’ politika (il-kultura, l-affarijiet barranin, il-kooperazzjoni tal-iżvilupp, l-edukazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, id-dwana eċċ.) biex jgħinu sabiex jiġu żviluppati sinerġiji u komplementaritajiet meta tkun qed tiġi implimentata l-istrateġija.

Fir-relazzjonijiet diplomatiċi, il-kultura qiegħda tiġi rikonoxxuta dejjem aktar bħala strument ta’ “soft power” li toffri l-possibilità li jiġu stabbiliti u jinżammu relazzjonijiet u kuntatti ma’ pajjiżi terzi meta l-politiki tradizzjonali ma jkunux biżżejjed.

“Ninsabu kburin ħafna li lħaqna qbil dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva. Din hija direttiva kumplessa ħafna li tittratta kwistjonijiet sensittivi ħafna bħalma huma s-suq intern, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-minuri.

Iżda s-suq u t-teknoloġija qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla. Irridu niżguraw li r-regoli rilevanti jżommu l-pass ma’ dan it-tibdil. Il-qbil tal-lum fil-Kunsill jikkostitwixxi pass ieħor ‘il quddiem lejn it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, li huwa essenzjali għall-prosperità futura tal-Ewropa.”

Dr. Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ta’ Malta

L-Isport

Il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Isport tal-Unjoni Ewropea (2017-2020).

Il-Pjan ta’ Ħidma għandu għadd limitat ta’ inizjattivi ta’ politika li jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin bħalma huma l-ġlieda kontra d-doping, il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem u t-titjib tal-governanza tajba fl-organizzazzjonijiet sportivi.

Qed issir enfasi fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni ta’ minuri, l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet bejn l-isport u s-suq uniku diġitali, inklużi drittijiet tal-media, kif ukoll fuq l-edukazzjoni fi u permezz tal-isport, ir-rwol tal-kowċis u d-diplomazija fl-isport.

Il-Ministri adottaw ukoll konklużjonijiet dwar l-isport bħala pjattaforma għal inklużjoni soċjali u bħala segwitu, huma ddiskutew kif tista’ tiġi żviluppata politika dwar il-media li tappoġġa l-għanijiet soċjali fl-isport.

Żgħażagħ

Id-djalogu maż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni Ewropea futura fil-qasam taż-żgħażagħ kienu s-suġġetti ewlenin tal-ħidma tal-Kunsill fil-konfigurazzjoni tiegħu Żgħażagħ. B'mod partikolari, il-Kunsill

  • adotta riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp futur tad-djalogu (strutturat) maż-żgħażagħ fil-kuntest tal-politiki għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ wara l-2018. Ir-riżoluzzjoni tiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin għaċ-ċiklu li jmiss tad-djalogi, li ser ikollu bħala t-tema ewlenija tiegħu: "Iż-Żgħażagħ fl-Ewropa: x'imiss?".

    Ir-riżoluzzjoni tappella għal rieżami dwar kif id-djalogu jista' jittejjeb u jsir aktar effettiv fil-ġejjieni. Tappella wkoll biex tingħata attenzjoni partikolari lil modi biex jiġu żviluppati djalogu u kooperazzjoni kostruttivi ma' żgħażagħ minn ambjenti differenti, riċerkaturi u dawk li jfasslu l-politika fil-qasam taż-żgħażagħ u partijiet interessati minn setturi relatati oħrajn.

  • adotta konklużjonijiet dwar il-perspettivi strateġiċi għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ wara l-2018, li ser jipprovdu gwida lill-Kummissjoni waqt li twettaq evalwazzjoni intermedja tal-istrument ewlieni ta' politika f'dan il-qasam, l-"Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ".

    Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-bżonn li l-istrateġija futura tkun transsettorjali, flessibbli, risponsiva u trasparenti u tqis il-qagħda politika, soċjali, kulturali u ekonomika li qed tinbidel malajr fl-Ewropa.

  • adotta konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-appoġġ liż-żgħażagħ għall-iżvilupp ta’ ħiliet essenzjali għall-ħajja biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol.

Edukazzjoni

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja. L-għan tagħha hu li ttejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki madwar l-Ewropa billi toħloq qafas ta' referenza komuni għas-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki.

Ir-rakkomandazzjoni tipprova wkoll tgħin biex jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex jiżdiedu l-impjegabbiltà, il-mobbiltà u l-integrazzjoni soċjali tal-ħaddiema u ta' min jitgħallem.

Il-Kunsill ħa nota tal-progress fuq il-Europass, li hi maħsuba biex tgħin sabiex tiżdied il-mobbiltà fl-Ewropa billi tipprovdi qafas li ser itejjeb l-aċċess għal informazzjoni dwar ħiliet u kwalifiki għal skopijiet ta' edukazzjoni u impjieg.

"Nagħtu ħafna valur lid-djalogu regolari tagħna maż-żgħażagħ. Huwa mezz importanti għalina biex nitgħallmu dwar it-tħassib u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom, u joffri kontribut siewi dwar kif niżviluppaw l-aktar politika xierqa f’dan il-qasam. Issa hemm bżonn li nippjanaw għall-ġejjieni u neżaminaw kif nistgħu nkomplu ntejbu l-kooperazzjoni tagħna."

Nilqgħu wkoll l-adozzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-progress sinifikanti fuq id-deċiżjoni dwar il-Europass. Dawn huma żewġ komponenti importanti tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet li ser tikkontribwixxi għat-titjib tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej”.

Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ta’ Malta

 

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025