"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-kultura, 19 ta' Mejju 2020
Riżultati ewlenin
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-setturi kulturali u kreattivi. Id-diskussjoni saret fil-kuntest tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet u t-tagħlimiet meħuda sa mill-bidu tal-pandemija. Id-diskussjoni ffokat ukoll fuq possibbiltajiet biex jerġgħu jinbdew il-programmi u l-attivitajiet kulturali mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-artisti u tal-udjenza.
Il-perjodu li għandna quddiemna fih ħafna inċertezzi, u huwa ferm importanti li jkun hemm skambju kontinwu ta' informazzjoni, kif ukoll immappjar u ppjanar bir-reqqa ta' attivitajiet ulterjuri. Dan ser jiżgura kondizzjonijiet xierqa għall-ħidma ulterjuri tagħna, b'mod partikolari fil-kuntest tan-"normalità l-ġdida" fil-livell tal-UE.
Nina Obuljen Koržinek, ministru għall-Kultura tal-Kroazja
L-iskambju ta' fehmiet kien strutturat fuq il-mistoqsijiet li ġejjin:
Wara li ġew implimentati l-miżuri inizjali biex jiġu ppreservati s-setturi kulturali u kreattivi, x'passi ser jieħdu l-Istati Membri fil-perjodu li ġej, speċjalment meta wieħed iqis it-tneħħija gradwali antiċipata tar-restrizzjonijiet?
Liema huma t-tagħlimiet ewlenin miksuba mill-kriżi tal-COVID-19 fir-rigward tas-setturi kulturali u kreattivi?
Il-ministri qablu li kien meħtieġ li tiġi applikata flessibbiltà massima fl-implimentazzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva u l-finanzjament tiegħu għal wara l-2020. B'mod partikolari, huma enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu assigurati kondizzjonijiet ekwi. Il-ministri ssuġġerew li jiġu inklużi miżuri li jappoġġaw is-setturi kulturali u kreattivi fl-inizjattivi ta' rkupru tal-UE. Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar kif diversi programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw iż-żewġ setturi. Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tad-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' pjattaformi online. Il-ministri saħqu fuq ir-rwol kruċjali tal-media u ta' informazzjoni affidabbli u l-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ għas-settur awdjoviżiv.
Il-presidenza Kroata rringrazzjat lill-istati membri għall-kontribut tagħhom fil-finalizzazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tar-riskji fil-wirt kulturali, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-litteriżmu fil-media f'dinja dejjem tinbidel u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jemendaw il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2019-2022). Dawn il-konklużjonijiet ser jiġu adottati permezz ta' proċedura bil-miktub.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.