"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-kummerċ, 9 ta' Novembru 2020
Ir-riżultati ewlenin
Ir-relazzjonijiet dwar il-kummerċ mal-Istati Uniti
Il-ministri evalwaw l-elezzjonijiet tal-Istati Uniti u ssottolinjaw l-importanza tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' żminijietna, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-COVID-19. Minkejja xi tensjonijiet li għaddejjin fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, il-kooperazzjoni transatlantika hija u ser tkompli tkun kruċjali.
Aħna nibqgħu impenjati bis-sħiħ biex navvanzaw aġenda kummerċjali pożittiva mal-Istati Uniti, li ser tkompli tkun sieħeb indispensabbli biex niffaċċaw sfidi bħall-COVID-19, il-kriżi tas-sistema kummerċjali multilaterali, it-tibdil fil-klima u l-kummerċ internazzjonali u kwistjonijiet teknoloġiċi. Jeħtieġ li naħdmu flimkien biex insolvu t-tilwim bilaterali pendenti.
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija
Waqt il-konferenza l-Kummissjoni rrappurtat dwar is-sitwazzjoni attwali tal-miżuri ta' salvagwardja tal-azzar tal-UE.
Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali u prospettiva għad-WTO
Il-ministri kellhom diskussjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali fil-kuntest tal-proċess ta' konsultazzjoni mniedi mill-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju dwar il-politika futura tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment. L-objettiv ta' din il-konsultazzjoni, li ser tibqa' għaddejja sal-15 ta' Novembru, huwa li tara kif il-politika kummerċjali tista' tgħin fl-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 u tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali lejn UE aktar b'saħħitha u reżiljenti. L-eżitu tal-konsultazzjoni li għaddejja ser jikkontribwixxi għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li x'aktarx tistabbilixxi d-direzzjoni għall-politika tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment għall-ħames snin li ġejjin, li x'aktarx ma tinħariġx qabel Jannar 2021. Il-Kummissjoni offriet aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċess.
Il-ministri taw attenzjoni speċjali lir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Bl-elezzjoni tad-Direttur Ġenerali l-ġdid li għadha miftuħa, il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni u l-pjan direzzjonali tagħha għar-riforma tad-WTO. Skont il-Kummissjoni, jista' jintlaħaq progress sostantiv fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC12) madwar xi kwistjonijiet bħas-sussidji tas-sajd, l-Inizjattivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-inizjattivi l-aktar reċenti inkluż dwar il-kummerċ u s-saħħa u l-kummerċ u l-ambjent. Diversi ministri appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali li ser iwassal għal strateġija riveduta tal-UE.
Irridu nkomplu naħdmu għal riforma komprensiva tas-sistema tad-WTO, li qed tiffaċċa sfidi serji li jikkompromettu l-kapaċità tagħha li tiffunzjona b'mod effettiv, inkluż il-Korp tal-Appell tagħha.
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija
Il-ministri kellhom diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE maċ-Ċina b'enfasi partikolari fuq il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment (CAI) li jindirizza l-assimetriji attwali fl-aċċess għas-suq. Il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-istat attwali tan-negozjati u tal-kuntatti dwar l-aċċess għas-suq u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-ministri ssottolinjaw il-ħtieġa li jkomplu javvanzaw id-diskussjonijiet rigward il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bil-għan li jiġu konklużi n-negozjati fl-2020 u li jinkiseb ambjent tan-negozju miftuħ, ġust u trasparenti għall-investituri tal-UE fiċ-Ċina.
Din id-diskussjoni segwiet il-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020, fejn il-mexxejja tal-UE fil-konklużjonijiet tagħhom enfasizzaw il-ħtieġa li r-relazzjoni ekonomika tiġi bbilanċjata mill-ġdid u li tinkiseb ir-reċiproċità. Huma fakkru wkoll li l-għan huwa li jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar is-CAI sal-aħħar tas-sena. Dan il-ftehim ser jikkontribwixxi għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jistabbilixxi impenji sinifikanti dwar l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kunsill Ewropew appella wkoll liċ-Ċina biex tindirizza l-ostakli għall-aċċess għas-suq, biex tittratta l-kapaċità żejda u biex tidħol f'negozjati dwar sussidji industrijali fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.