"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet barranin, 19 ta' Novembru 2020
Riżultati ewlenin
Ġrajjiet kurrenti
Is-sitwazzjoni fil-Belarussja qed tkompli tmur għall-agħar; ir-repressjoni mill-istat kontra n-nies ma waqfitx. Illum, qbilna li nipproċedu bit-tħejjija ta' sett ieħor ta' sanzjonijiet - bħala reazzjoni għall-brutalità tal-awtoritajiet u b'appoġġ għad-drittijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-Belarussja u r-repressjoni kontinwa kontra d-dimostranti, u qablu li jipproċedu bit-tielet pakkett ta' sanzjonijiet.
Il-ministri kellhom ukoll l-ewwel opportunità biex ikollhom skambju ta' fehmiet dwar l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-2020 fl-Istati Uniti u d-direzzjoni ġenerali tar-relazzjonijiet transatlantiċi. Id-diskussjonijiet dwar dan tal-aħħar ser jitkomplew fil-livell ministerjali fis-7 ta' Diċembru.
Ġiet indirizzata wkoll il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi tal-2020 għall-Afganistan li ser issir fit-23 u l-24 ta' Novembru. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza r-rieda tal-UE li tagħti impetu pożittiv lill-proċess ta' paċi fl-Afganistan u tibgħat messaġġi ċari ta' solidarjetà mal-poplu Afgan permezz ta' wegħdiet finanzjarji.
Il-Ministri kellhom ukoll l-opportunità li jiddiskutu s-sitwazzjoni f'Nagorno Karabakh, li dwarha l-UE ħarġet dikjarazzjoni li tfakkar fl-importanza tar-riżoluzzjoni ta' dan il-konflitt, u r-rieda tal-UE li tagħti sehemha fl-isforzi biex tinkiseb paċi dejjiema għal reġjun kruċjali fil-viċinat tagħha.
Ir-Rappreżentant Għoli mbagħad għarraf lill-ministri dwar il-Libja, fejn qed isiru passi inkoraġġanti iżda fejn is-sitwazzjoni għadha fraġli, u dwar l-Etjopja. Fir-rigward tas-sitwazzjoni fir-reġjun ta' Tigray, il-vjolenza mmirata etnika, l-allegazzjonijiet ta' atroċitajiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kienu ta' tħassib kbir għall-ministri, li appellaw lill-partijiet kollha biex iżommu lura mill-vjolenza u jerġgħu lura għad-djalogu.
Fl-aħħar nett, il-ministri ddiskutew id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran u tennew is-solidarjetà tal-UE ma' Ċipru u l-Greċja. Azzjonijiet u dikjarazzjonijiet reċenti mit-Turkija relatati ma' Ċipru tqiesu bħala kuntrarji għar-riżoluzzjonijiet tan-NU u tqies li ser ikomplu jkebbsu tensjonijiet.
Multilateraliżmu
Il-ministri ddiskutew kif l-UE tista' tgħin biex is-sistema multilaterali tiġi difiża u mmodernizzata, sabiex tkun tista' ssaħħaħ il-kooperazzjoni fuq l-isfidi globali u tappoġġa r-riforma f'dawk l-oqsma fejn hija meħtieġa. Barra minn hekk, il-ministri pprovdew gwida dwar kif l-UE tista' tippromwovi l-valuri tagħha u tavvanza l-interessi tagħha bl-aħjar mod f'fora multilaterali.
Id-diskussjoni tal-lum ser tnebbaħ il-ħidma li jmiss fuq Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, prevista għall-ewwel semestru tal-2021.
Punti oħra
Fil-marġini tal-vidjokonferenza, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Palestinjan, Riyad al-Maliki, dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina, il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, u dwar ir-relazzjonijiet bilaterali.
Il-ministri laqgħu b'mod partikolari d-deċiżjoni reċenti tal-Awtorità Palestinjana li tissokta l-kooperazzjoni u d-djalogu ma' Iżrael, tennew l-appoġġ Ewropew għal soluzzjoni negozjata ta' żewġ stati, u ddiskutew kif l-UE tista' tagħti kontribut għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet aħjar għat-tkomplija tan-negozjati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.
Qabel il-vidjokonferenza l-Kunsill approva l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-2020-2024, li fih il-prijoritajiet ewlenin tal-UE dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz tal-azzjonijiet esterni tagħna.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.