Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Vidjokonferenza tal-ministri għall-iżvilupp, 23 ta' Novembru 2020

Ir-riżultati ewlenin

Is-serħan mid-dejn u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli

Il-ministri għall-iżvilupp tal-UE ddiskutew il-kwistjoni tas-serħan mid-dejn, l-investiment u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari fil-kuntest tar-rispons globali għall-COVID-19 u l-isforz għall-irkupru.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Jeħtieġ li nevitaw sitwazzjoni fejn xi pajjiżi f’insolvenza jistgħu jikkawżaw kriżi sħiħa tad-dejn, b’konsegwenzi saħansitra aktar devastanti għall-ekonomija globali. Hija meħtieġa azzjoni rapida u ż-żmien għaddej. Il-ħelsien mid-dejn - ġestit tajjeb - huwa fl-interess ta’ kull wieħed minna.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri ħadu nota tal-fatt li ħafna pajjiżi li qed jiffaċċjaw livelli ta’ dejn mhux sostenibbli, inkluż xi pajjiżi bi dħul medju li issa qed jiffaċċjaw ir-riskju ta’ diffikultà fid-dejn, isofru saħansitra aktar mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Il-ministri qablu li sitwazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi f’insolvenza li potenzjalment jikkawżaw kriżi sħiħa tad-dejn għandhom jiġu evitati.

Id-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), Kristalina Georgieva, ipparteċipat fid-diskussjonijiet. Hija enfasizzat l-iskala u n-natura tal-akkumulazzjoni tad-dejn li qed isseħħ madwar id-dinja, u l-interazzjoni perikoluża bejn l-impatt tal-pandemija u l-ħsara ekonomika li qed tikkawża.

Il-Presidenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-President tal-Klabb ta’ Pariġi kkontribwew ukoll għad-dibattitu.

Il-ministri ddiskutew ukoll kif it-Tim Ewropa, li jikkonsisti mill-UE, l-istati membri tagħha, in-netwerk diplomatiku tagħhom, l-istituzzjonijiet finanzjarji inkluż il-banek tal-iżvilupp nazzjonali, u l-aġenziji ta’ implimentazzjoni kif ukoll il-BEI u l-BERŻ, jista' l-aħjar jikkomplementa l-isforzi ta’ ħelsien mid-dejn fil-livell multilaterali u tal-pajjiż, u jappoġġaw lill-pajjiżi sħab fit-tħejjija ta’ rkupru reżiljenti, sostenibbli u ekoloġiku.

Ir-Rappreżentant Għoli ħabbar li l-UE ser tikkontribwixxi EUR 183 miljun għall-Fond Fiduċjarju ta' Għajnuna u għat-Trażżin ta' Katastrofi tal-FMI biex jillibera spazju fiskali f’29 pajjiż, biex b’hekk l-UE ssir l-akbar kontributur.

L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa

Il-ministri għall-iżvilupp tal-UE imbagħad iddiskutew kif jistgħu jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-azzjoni esterna kollha, fid-dawl tal-Komunikazzjoni Konġunta li jmiss dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (GAP) III: Aġenda Ambizzjuża għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE, fil-25 ta' Novembru 2020.

Il-ministri bagħtu sinjal qawwi li l-UE hija determinata li tħaffef l-isforzi tagħha, u li tissalvagwardja u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet billi taħdem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE inkluż il-kummerċ, il-Patt Ekoloġiku u l-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.

Il-ministri qablu li l-UE għandha tkompli tmexxi bl-eżempju u tqiegħed id-drittijiet, il-protezzjoni u l-vuċi tan-nisa u l-bniet fuq quddiem fil-livell globali, permezz ta’ azzjoni konkreta.

Punti oħra

Il-ministri ġew infurmati dwar is-sitwazzjoni l-aktar reċenti fir-rigward tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ wara Cotonou, ftehim modern u komprensiv li jipprovdi l-bażi għal relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-AKP fl-Afrika sub-Saħarjana, il-Karibew u l-Paċifiku; in-negozjati qed jidħlu fil-fażi finali.

Huma ġew infurmati wkoll dwar l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), u dwar il-prospetti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fit-Tanzanija.

B’rabta mal-vidjokonferenza, il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar ir-Rapport Speċjali Nru 14/2020 tal-Qorti tal-Awdituri dwar L-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE lill-Kenja permezz ta’ proċedura bil-miktub.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Jannar 2025