"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-Belarussja u adotta konklużjonijiet dwar il-Belarussja, li fihom tenna l-appoġġ magħqud tal-UE għas-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiż, u għal-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini Belarussi.
Il-ministri kkonfermaw li Alexander Lukashenko huwa nieqes minn kull leġittimità demokratika, u taw l-approvazzjoni politika tagħhom biex jibda t-tħejjija tas-sett li jmiss ta' sanzjonijiet, inkluż kontra Lukashenko u uffiċjali oħrajn ta' livell għoli.
Il-ministri qablu wkoll dwar pakkett konkret ta' miżuri li l-UE hija lesta toffri b'appoġġ għal Belarussja demokratika u għas-soċjetà ċivili.
Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li matulha afferma mill-ġdid li l-ħames prinċipji gwida miftehma unanimament f'Marzu 2016 għadhom rilevanti, u r-rieda tiegħu li dawn jissaħħu. F'dan il-kuntest il-ministri ssottolinjaw li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk tibqa' kondizzjoni essenzjali għal kwalunkwe bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja.
Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u li jkompli jitrawwem il-ħolqien ta' rabtiet bejn il-popli.
Kien hemm ukoll qbil politiku biex titmexxa 'l quddiem l-inizjattiva biex jiġu proposti miżuri restrittivi kontra dawk marbuta mal-attentat ta' assassinju ta' Alexei Navalny.
Iddiskutejna elementi possibbli ta' rispons komuni b'saħħtu tal-UE għall-użu ta' aġent nervin kimiku pprojbit, u implimentajna l-proposta minn Franza u l-Ġermanja għal miżuri restrittivi kontra dawk marbuta mal-attentat ta' assassinju ta' Alexei Navalny. Hemm qbil politiku biex dawn il-miżuri restrittivi jiġu implimentati. Dan ser isir mill-korpi tekniċi tal-Kunsill.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Djalogu bejn Belgrad u Pristina
Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent Miroslav Lajčák, aġġorna lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali, l-isfidi u l-prospetti tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina.
Matul id-dibattitu, il-ministri ssottolinjaw l-importanza tad-djalogu għall-istabbiltà tal-Balkani tal-Punent, u tennew id-determinazzjoni tagħhom li jwasslu d-djalogu għal konklużjoni b'suċċess, filwaqt li jaħdmu flimkien fi spirtu ta' lealtà u ta' kompromess bejn iż-żewġ naħat.
L-Amerka Latina u l-Karibew
Id-diskussjoni fil-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew enfasizzat sens komuni ta' urġenza dwar il-ħtieġa li jerġa' jinbeda d-djalogu interreġjonali, minħabba l-importanza ekonomika u ġeopolitika tar-reġjun għall-Ewropa.
Il-ministri ddiskutew l-aħjar mod kif ir-relazzjonijiet jerġgħu jieħdu l-ħajja u jinsabu lesti li jsegwu politiki ambjentali u diġitali ambizzjużi flimkien mas-sħab tagħhom tal-Amerka Latina u l-Karibew.
Ġrajjiet kurrenti
Il-ministri ngħataw informazzjoni mir-Rappreżentant Għoli dwar għadd ta' żviluppi reċenti u avvenimenti li jmiss, inkluż: ir-Repubblika Kirgiża, il-Mozambique, is-Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, il-Venezwela, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024.
Rigward Nagorno-Karabakh, il-ministri ġew infurmati mill-ministru għall-affarijiet barranin Franċiż dwar l-isforzi tal-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk biex iwaqqfu l-ostilitajiet u jerġgħu lura għan-negozjati.
Il-ministri ddiskutew kif l-UE tista' tipprovdi appoġġ konkret għall-waqfien mill-ġlied miftiehem fl-10 ta' Ottubru 2020. Huma enfasizzaw li l-waqfien mill-ġlied għandu jiġi rispettat, u li l-atturi reġjonali kollha għandhom jikkontribwixxu biex itemmu l-konfrontazzjoni armata u favur il-paċi.
Il-Kunsill ġie infurmat ukoll bl-aħħar avvenimenti f'Varosha u fir-rigward tal-avviż bin-Navtex maħruġ mit-Turkija.
Il-ministri qablu li l-ftuħ mill-ġdid tal-bajja ta' Varosha jdgħajjef il-fiduċja reċiproka, u enfasizzaw li azzjonijiet bħal dawn iżidu t-tensjoni u għandhom jitreġġgħu lura. Huwa essenzjali li l-isforzi mmexxija min-NU għal soluzzjoni f'Ċipru jerġgħu jissoktaw malajr kemm jista' jkun.
Bl-istess mod, il-ministri enfasizzaw li l-aħħar avviżi bin-NAVTEX mit-Turkija li jaffettwaw iż-żoni marittimi Griegi u Ċiprijotti kienu sors ta' dispjaċir, u ser iwasslu għal tensjonijiet ġodda minflok ma jikkontribwixxu għall-isforzi biex dawn jonqsu, li qed titlob u tixtieq taħdem għalihom l-UE.
Konklużjonijiet tal-Kunsill
Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar il-Bożnija-Ħerzegovina/l-Operazzjoni EUFOR Althea
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.