"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Vidjokonferenza tal-ministri għad-difiża, 20 ta' Novembru 2020
Riżultati ewlenin
Boxxla Strateġika
Il-ministri tal-UE għad-difiża kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-Boxxla Strateġika. Dan huwa dokument li jħares 'il quddiem li għadu qed jitfassal li għandu l-għan li jagħti lill-UE direzzjoni strateġika komuni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u li jtejjeb l-implimentazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE f'dan il-qasam.
Nafu x'qed niffaċċjaw u x'għandna quddiemna. Issa jeħtieġ li ndaħħlu f'objettivi konkreti dak li jeħtieġ li jsir biex nirrispondu għat-theddid u l-isfidi li qed jikbru li l-UE ser tiffaċċa fl-għaxar snin li ġejjin.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-ministri ħadu nota b'mod partikolari tal-ewwel analiżi tat-theddid li qatt saret abbażi tal-kontributi li ġejjin mis-servizzi tal-intelligence tas-27 stat membru tal-UE. Din l-analiżi tat-theddid ser tissarraf fi strateġija komprensiva biex tirrispondi għat-theddid u l-isfidi li qed jikbru li l-UE qed tiffaċċa fix-xena internazzjonali.
Il-Boxxla Strateġika finali hija skedat għall-adozzjoni mill-Kunsill fl-ewwel nofs tal-2022.
Il-ministri għad-difiża kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rieżami strateġiku tal-PESCO, li dwaru l-Kunsill approva konklużjonijiet qabel il-vidjokonferenza permezz ta' proċedura bil-miktub.
Ir-rieżami jenfasizza lista ta' 26 proġett tal-PESCO, li ser jagħtu riżultati konkreti jew jilħqu kapaċità operazzjonali sħiħa qabel tmiem l-2025, iżda jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu ssodisfati l-impenji l-aktar vinkolanti u li jinkisbu eżiti konkreti u riżultati tanġibbli sal-2025.
Fir-rieżami, il-ministri stabbilixxew miri politiċi konkreti u qablu li jiżviluppaw inċentivi għall-istati membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji tagħhom.
Aktar kmieni f'Novembru, il-Kunsill kien qabel dwar il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' stati terzi fi proġetti tal-PESCO.
Il-ministri tal-UE għad-difiża ġew aġġornati dwar is-sitwazzjoni fil-Libja fid-dawl tal-ftehim reċenti ta' waqfien mill-ġlied u t-tnedija mill-ġdid tal-proċess politiku mmexxi mil-Libjani. Il-ministri qablu li, f'dan il-mument deċiżiv, importanti li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib man-NU.
Dwar il-Mali, ir-Rappreżentant Għoli għarraf lill-ministri dwar l-issoktar tal-attivitajiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari u ċivili tal-PSDK tal-UE (EUCAP Sahel Mali u EUTM Mali) fit-13 ta' Ottubru.
Fl-aħħar nett, il-ministri ġew aġġornati dwar l-aħħar żviluppi fin-negozjati tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-istatus tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC). L-MPCC issa hija l-Kwartieri Ġenerali għall-missjonijiet ta' taħriġ tal-UE (EUTM) fil-Mali, is-Somalja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Punti oħra
Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
Qabel il-vidjokonferenza tal-ministri tal-UE għad-difiża, il-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) iltaqa' f'format virtwali.
Il-ministri ġew ippreżentati bir-rapport finali tal-ewwel ċiklu tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), adottaw il-baġit ġenerali tal-aġenzija għall-2021 għal ammont ta' €37.5 miljun, u approvaw il-Qafas ta' Ppjanar ta' Tliet Snin tal-EDA (2021-2023). Qabel il-laqgħa, il-Kunsill approva Linji Gwida għall-Ħidma tal-EDA fl-2021.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.