Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 7 ta' Diċembru 2020

Riżultati ewlenin

Ftit jiem qabel il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-10 ta' Diċembru, il-Kunsill adotta deċiżjoni u regolament li jistabbilixxu reġim ta' sanzjonijiet globali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem li ser jippermetti lill-UE tolqot individwi, entitajiet u korpi responsabbli għal ksur serju u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja jew li jkunu involuti fihom jew assoċjati magħhom, irrispettivament minn fejn ikunu seħħew.

Dan huwa ftehim storiku, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu, li ser jippermetti lill-Unjoni Ewropea tindirizza abbużi u ksur serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ser jibgħat sinjal ċar lil dawk responsabbli: se jkun hemm konsegwenzi. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ġrajjiet Kurrenti

Ir-Rappreżentant Għoli Borrell informa lill-ministri dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 fil-Venezwela, u li l-UE qieset li ma kinux ħielsa, ġusti jew demokratiċi. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li l-UE, is-sħab tal-Amerka Latina fil-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u partijiet ikkonċernati oħra għandhom jingħaqdu flimkien biex jgħinu lill-Venezwelani jippruvaw isibu soluzzjoni demokratika u paċifika.

Il-ministri mbagħad ġew infurmati dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia, fejn il-partiti fil-maġġoranza u tal-oppożizzjoni jridu jkomplu bl-isforzi biex isibu triq 'il quddiem wara l-elezzjonijiet parlamentari.

Il-Kunsill imbagħad ġie aġġornat bl-aħħar żviluppi rigward it-Turkija qabel il-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru. F'dan il-kuntest ir-Rappreżentant Għoli rrapporta li t-Turkija ma kinitx uriet bidla fundamentali fid-direzzjoni, u l-Kunsill Ewropew ser ikun qed jivvaluta kif it-Turkija kienet wieġbet għall-offerta tal-UE għal aġenda u djalogu kostruttivi.

Il-ministri eżaminaw is-sitwazzjoni fil-Belarussja, fejn għadha għaddejja ir-repressjoni tal-poplu mill-awtoritajiet. Huma ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fl-Etjopja, li dwarha r-Rappreżentant Għoli enfasizza li ritorn għad-djalogu u għal soluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-konflitt kienu essenzjali, u li l-UE appoġġat bil-qawwa l-inizjattiva tal-Unjoni Afrikana f'dan is-sens.

Relazzjonijiet tranżatlantiċi

Wara skambju inizjali ta' fehmiet li sar matul il-vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet barranin fid-19 ta' Novembru u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottata fit-2 ta' Diċembru, il-Kunsill iddiskuta kif is-sħubija strateġika mal-Istati Uniti tista' tissaħħaħ mill-ġdid u l-involviment li jista' jkun hemm mal-amministrazzjoni l-ġdida li ser tieħu l-kariga f'Jannar 2021. Il-ministri enfasizzaw li sħubija b'saħħitha, reċiproka u li tħares 'il bogħod għandha ssir is-sinsla ta' alleanza globali mġedda bejn l-UE u l-Istati Uniti.

F'dan il-kuntest il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Awtonomija strateġika

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar kif tista' tissaħħaħ u topera l-awtonomija strateġika tal-UE mil-lat tal-politika estera u ta' sigurtà. Il-ministri ġew mistiedna b'mod partikolari biex jidentifikaw inizjattivi u proġetti politiċi konkreti li jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi u li jkollha impatt globali.

Matul id-dibattitu ġie enfasizzat li d-diskussjoni dwar l-awtonomija strateġika timxi id f'id mal-isforzi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE u jissaħħaħ l-impenn multilaterali, u tikkumplementahom.

Affarijiet oħra

Taħt Affarijiet oħra, il-Kunsill irrieżamina l-implimentazzjoni tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali imposta fuq Hong Kong fit-30 ta' Ġunju 2020, filwaqt li enfasizza li s-sitwazzjoni politika ddeterjorat, bil-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-opinjoni milquta sew. L-UE ser tkompli timplimenta l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jesprimu appoġġ politiku għall-awtonomija ta' Hong Kong skont il-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi”, u, jekk meħtieġ, jistgħu jitqiesu aktar miżuri fi stadju aktar tard.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Libanu, il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK 2021, u l-Medjazzjoni tal-UE għall-Paċi.

Punti ewlenin mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-7 ta' Diċembru 2020, li sar fi Brussell

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025