Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ), 25 ta' Mejju 2023

Riżultati ewlenin

Relazzjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti

Il-Kunsill Affarijiet Barranin, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, evalwa s-sitwazzjoni attwali dwar il-kwistjonijiet ewlenin fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-prospetti għall-impenn kontinwu tagħna mal-Istati Uniti.

Il-ministri ffukaw fuq il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (TTC), qabel ir-raba' laqgħa tiegħu l-ġimgħa d-dieħla fl-Iżvezja (Luleå, bejn it-30 u l-31 ta' Mejju). Huma fakkru li din il-pjattaforma hija ta' importanza ewlenija fil-kuntest ġeostrateġiku attwali u mistennija aktar eżiti konkreti u bbilanċjati fuq perjodu qasir u lil hinn minnu.

Johan Forssell, Ministru għall-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp u l-Kummerċ Barrani tal-Iżvezja
It-TTC huwa wieħed mill-aktar avvenimenti importanti matul il-presidenza Żvediża tal-UE u huwa pjattaforma importanti biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti.
Johan Forssell, Ministru għall-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp u l-Kummerċ Barrani tal-Iżvezja
Johan Forssell, Ministru għall-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp u l-Kummerċ Barrani tal-Iżvezja

Waħda mit-talbiet tal-Ministri kienet li jitkompla l-impenn biex jinstabu soluzzjonijiet prammatiċi għat-tħassib tal-UE dwar l-elementi diskriminatorji tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (IRA), inkluż l-ilħuq ta' Ftehim immirat dwar il-Minerali Kritiċi u ż-żieda fit-trasparenza u l-kooperazzjoni dwar il-programmi rispettivi ta' inċentivi tat-teknoloġija ekoloġika.

It-tkomplija tal-ħidma fuq Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli tqieset ukoll bħala prijorità. Kwalunkwe soluzzjoni miftiehma għandha ttemm b'mod definittiv it-tariffi tat-"Taqsima 232" tal-Istati Uniti u b'hekk tinnormalizza l-kummerċ bilaterali fl-azzar u l-aluminju, tirrispetta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u tkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO.

Relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina

Il-ministri ddiskutew ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina. Id-dibattitu strateġiku ffoka fuq id-dipendenzi kummerċjali kritiċi eżistenti u potenzjali maċ-Ċina u l-esplorazzjoni ta' strumenti li jkunu meħtieġa biex jiġu ttrattati dawk ir-riskji. Il-ministri ddiskutew ukoll kif ir-relazzjonijiet ta' kummerċ u ta' investiment maċ-Ċina jistgħu jiġu bbilanċjati mill-ġdid permezz ta' impenn u kif jiġu appoġġati l-isforzi fil-livell tal-UE f'dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni spjegat li l-istrateġija ekonomika għat-tneħħija tar-riskji għandha tiġi żviluppata f'erba' oqsma:

  • l-ekonomija u l-industrija tal-UE jsiru aktar kompetittivi u reżiljenti
  • is-sett ta' għodod eżistenti tal-UE ta' strumenti kummerċjali jintuża aħjar
  • il-politiki li qed jinbidlu taċ-Ċina jistgħu jeħtieġu l-iżvilupp ta' għodda difensiva ġdida għal xi setturi kritiċi
  • allinjament mas-sħab

Il-Kummissjoni infurmat dwar it-tħejjijiet għad-Djalogu ta' Livell Għoli li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Ekonomija u l-Kummerċ, li mistenni jseħħ qabel tmiem is-sena.

Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO): tħejjija għat-13-il Konferenza Ministerjali

Il-ministri rċevew informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-aħħar aġġornamenti dwar it-tħejjija tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC13).

Il-pakkett tal-MC13 mistenni jinkludi dan li ġej:

  • l-istabbiliment mill-ġdid tal-Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim/Korp tal-Appell
  • l-estensjoni tal-moratorju fuq il-kummerċ elettroniku u l-programm ta' ħidma dwar il-kummerċ elettroniku
  • ir-riforma tad-WTO
  • il-ftehim u n-negozjati dwar is-sussidji għas-sajd
  • l-agrikoltura b'enfasi speċjali fuq is-sigurtà tal-ikel
  • l-iżvilupp, it-trattament speċjali u differenzjali, il-Gradwazzjoni tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u kwistjonijiet marbuta magħhom.
  • in-negozjati plurilaterali dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment u l-kummerċ elettroniku,
  • l-ambjent/l-iżvilupp sostenibbli u n-negozjati plurilaterali dwar il-kwistjoni
  • xi fajls pendenti mill-Konferenza Ministerjali preċedenti

Ikla ta' nofsinhar: Negozjati kummerċjali bilaterali li għaddejjin

Il-ministri ngħataw informazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati kummerċjali bilaterali li għaddejjin. Il-Viċi President Eżekuttiv Valdis Dombrovskis tratta n-negozjati kummerċjali mal-Awstralja u indika li l-għan huwa li jintlaħaq ftehim mill-aktar fis possibbli, sa nofs Lulju jekk jista' jkun, dment li s-sustanza tkun tajba. Huwa rrefera wkoll għan-negozjati mal-Indja, l-Indoneżja u l-Kenja (din tal-aħħar tinsab fl-aħħar fażi) u semma n-negozjati mal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar.

Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-Ministri dwar l-aħħar żviluppi fin-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur dwar "strument legali addizzjonali" li jiffoka fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima.

Deċiżjonijiet oħra

Illum il-Kunsill approva, bħala punt mingħajr dibattitu, it-tiġdid tal-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ u konċessjonijiet kummerċjali oħra lill-Ukrajna.

Illum il-Kunsill approva, bħala punt mingħajr dibattitu, ftehim tad-WTO dwar is-sussidji għas-sajd biex tingħata spinta lis-sostenibbiltà ambjentali.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025