"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża), 23 ta' Mejju 2023
Riżultati ewlenin
Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna
Il-Kunsill Affarijiet Barranin fil-konfigurazzjoni tiegħu tad-difiża ddiskuta l-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna b'enfasi fuq is-sitwazzjoni fil-post.
Ir-Rappreżentant Għoli informa lill-Ministri tal-UE għad-Difiża dwar il-ħidma tal-Missjoni Ewropea ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM), li ser tkun ħarrġet aktar minn 20 000 suldat Ukren sa nofs Ġunju, u x'aktarx li tilħaq il-mira ta' 30 000 qabel tmiem l-2023.
Huwa aġġorna wkoll lill-Kunsill dwar l-appoġġ allokat mill-UE lill-Ukrajna taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li issa jammonta għal €5.6 biljun, u ħeġġeġ lill-istati membri tal-UE biex iwasslu tagħmir militari għal valur totali ta' kważi €10 biljun.
F'dan il-kuntest, bħalissa qed tiġi diskussa l-proposta għat-8 pakkett ta' appoġġ ta' €500 miljun taħt l-EPF. Dan il-pakkett il-ġdid ser jiskatta l-ħtieġa għat-tieni żieda tal-EPF ta' €3.5 biljun, li hija maħsuba biex tiggarantixxi appoġġ kontinwu għall-Ukrajna, u fl-istess ħin tippreserva l-ambizzjoni globali tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.
Rigward il-pakkett ta' munizzjon fuq tliet binarji mħabbar fl-20 ta' Marzu, il-Kunsill diġà qabel dwar €2 biljun biex jappoġġa l-kunsinna u l-akkwist konġunt ta' artillerija u missili fi ħdan l-objettiv li jitwasslu miljun balla ta' munizzjon tal-artillerija lill-Ukrajna tul it-tnax-il xahar sussegwenti.
Taħt l-ewwel binarju l-UE qed titlob lill-istati membri biex jipprovdu munizzjon u missili minn ħażniet eżistenti jew il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid ta' ordnijiet eżistenti, sabiex ma jkollhomx għalfejn jistennew li jiġi prodott aktar munizzjon.
Illum nista' nħabbar li bis-saħħa ta' dik il-binarju partikolari, l-istati membri pprovdew 220 000 munizzjon tal-artillerija ta' kalibri differenti, u ġew ipprovduti wkoll 1300 missila. Dan l-ewwel binarju ser ikun miftuħ sal-31 ta' Mejju u nemmen li ser niksbu l-għan tagħna. L-istati membri ser ikollhom sa Lulju biex jiddikjaraw il-kunsinni ta' munizzjon u missili tal-artillerija.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Fir-rigward tat-tieni binarju, jiġifieri l-akkwist konġunt ta' munizzjon mill-industrija tad-difiża Ewropea u n-Norveġja, 8 mill-24 pajjiż li ngħaqdu mal-proġett tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jixtru munizzjon ta' kalibru ta' 155 mm permezz tal-EDA. B'mod parallel, għaddejjin ukoll proġetti komplementari ta' nazzjonijiet gwida, b'mod partikolari mmexxija minn Franza u l-Ġermanja.
Fit-tielet binarju, jiġifieri ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni tal-industrija tad-difiża Ewropea, il-Kummissjoni dan l-aħħar ressqet proposta biex tiġi appoġġata l-produzzjoni tal-munizzjon, l-hekk imsejjaħ regolament ASAP.
Ġrajjiet kurrenti
Taħt Ġrajjiet kurrenti, il-Ministri tal-UE għad-Difiża ddiskutew l-impenn tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE b'mod ġenerali.
L-ewwel, il-ministri ttrattaw il-Missjoni l-ġdida ta' Sħubija Militari tal-UE fin-Niġer, li qed tappoġġa l-loġistika u l-komunikazzjoni tal-Forzi Armati tan-Niġer, u li dalwaqt tista' tiġi kkomplementata minn appoġġ propost tal-EPF b'valur ta' €65 miljun.
Imbagħad ir-Rappreżentant Għoli ppropona lill-ministri biex jaħdmu mal-istati kostali tal-Golf tal-Guinea biex jiġġieldu r-riperkussjonijiet tat-theddida terroristika mis-Saħel għar-reġjuni tat-Tramuntana tal-Benin, il-Kosta tal-Avorju, il-Ghana u t-Togo.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill iddiskuta l-importanza li titwettaq il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu, sabiex tilħaq l-għan tagħha li tkun kompletament operattiva sal-2025.
Diskussjoni informali waqt l-ikla ta' nofsinhar mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg
Waqt ikla ta' ħidma, il-ministri kellhom skambju informali mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg dwar oqsma strateġiċi bħaċ-ċiberdifiża, l-ispazju u s-settur marittimu, kif ukoll il-kooperazzjoni man-NATO dwar it-theddid f'dawn l-oqsma.
Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża.
Il-Kunsill adotta wkoll żewġ deċiżjonijiet li jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), u li jżidu 11-il proġett ġdid mal-lista tal-proġetti PESCO eżistenti żviluppati minn Diċembru 2017.
Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
Il-bord ta' tmexxija ministerjali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ltaqa' qabel il-laqgħa tal-Kunsill.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-implikazzjonijiet tal-gwerra fl-Ukrajna f'termini ta' kapaċitajiet fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tal-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE prevista f'Novembru 2023.
Ir-Rappreżentant Għoli aġġorna ukoll lill-ministri dwar l-iffirmar tal-Arranġament Amministrattiv bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u d-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti (DoD), kif ukoll dwar it-tieni edizzjoni tal-Jiem Ewropej għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Difiża, li ser isiru mill-31 ta' Mejju sal-1 ta' Ġunju 2023, fi Brussell.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.