"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 26 ta' Ġunju 2023

Riżultati ewlenin

Gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin qasam il-fehmiet tiegħu dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Fil-bidu tad-diskussjoni tal-Kunsill, il-ministri tal-UE taw il-valutazzjoni tagħhom tal-aħħar żviluppi fir-Russja dwar ir-ribelljoni tal-grupp Wagner.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Is-sitwazzjoni għadha kumplessa u imprevedibbli. Għadna viġilanti u impenjati lejn koordinazzjoni b'saħħitha mas-sħab tagħna, is-27 stat membru u l-pajjiżi ġirien. Dawn il-ġrajjiet urew li l-istat Russu u l-kredibbiltà personali ta' Putin huma mdgħajfa. Is-sistema politika qed tixxaqqaq. Konna qed niffaċċaw lir-Russja bħala periklu minħabba li kienet theddida, għax għandha l-forza u l-ħila li tinvadi ġirien paċifiċi - kif għamlet. Issa r-riskju ġej mill-instabbiltà politika interna u l-fraġilitajiet ta' din is-setgħa nukleari ewlenija. Huwa aktar importanti minn qatt qabel li nkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, imbagħad indirizza lill-ministri tal-UE b'vidjokonferenza, u għarrafhom bl-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll twil ta' żmien.

Il-ministri tal-UE tennew l-impenn tal-UE li tappoġġa lill-Ukrajna matul il-kontroffensiva f'dak li għandu x'jaqsam kemm mat-tagħmir kif ukoll mat-taħriġ. Fir-rigward ta' dan tal-aħħar, ir-Rappreżentant Għoli informa lill-Kunsill li l-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) kienet diġà ħarrġet 24 000 suldat Ukren, li ser jippermetti lill-UE tilħaq il-mira ta' 30 000 ferm qabel tmiem l-2023.

Il-Kunsill adotta żieda ta' €3.5 biljun għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), biex jiżgura s-sostenibbiltà u l-prevedibbiltà finanzjarja tal-EPF fit-tul, u jkompli jappoġġa lill-Ukrajna filwaqt li tippreserva l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku dinji tal-faċilità.

Fl-aħħar nett il-Kunsill iddiskuta l-isforzi globali ta' sensibilizzazzjoni li daħħlet fis-seħħ l-UE biex jiffaċilitaw il-pjanijiet għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema għall-Ukrajna, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU.

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Amerka Latina u l-Karibew

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar it-tisħiħ tas-sħubija tal-UE mal-Amerka Latina u l-Karibew, qabel is-Summit UE-CELAC li jmiss fi Brussell fis-17-18 ta' Lulju.

B'mod partikolari, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-"Aġenda ġdida għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Amerka Latina u l-Karibew", imressqa mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli fis-7 ta' Ġunju 2023.

Huma ddiskutew ukoll il-prijoritajiet għas-Summit UE-CELAC, u kif dan jista' jsir katalist għat-trasformazzjoni pożittiva tal-aġenda ġenerali UE-LAC.

L-UE ser taħdem biex tikseb djalogu bireġjonali regolari u strutturat biex tiżgura s-segwitu u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet f'oqsma ta' interess komuni.

Diplomazija diġitali

Il-Kunsill kellu d-diskussjoni annwali tiegħu dwar id-diplomazija diġitali u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjoni.

Il-ministri tal-UE qablu dwar il-fatt li l-UE għandha taqdi rwol ċentrali fit-tiswir tal-ġabra ta' regoli diġitali dinjin f'teknoloġiji kritiċi - mill-GDPR għall-Intelliġenza Artifiċjali - u bħala setgħa teknoloġika ewlenija.

Barra minn hekk, l-UE għandha tagħmel użu mill-approċċ tagħha ta' Tim Ewropa biex tiddefendi aħjar il-mudell diġitali tagħha ċċentrat fuq il-bniedem fejn ir-regoli diġitali qed jiġu deċiżi f'korpi multilaterali, bħan-NU, l-UIT, l-UNESCO, u l-OECD.

L-UE trid taħdem ma' sħab fdati, u tgħaqqad il-promozzjoni tal-mudell tal-UE permezz tal-konverġenza regolatorja u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet mal-investiment fl-infrastruttura diġitali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi diġitali. Il-Global Gateway ser ikun strument ewlieni f'dan is-sens.

Ġrajjiet kurrenti

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju dwar id-Djalogu Belgrad-Pristina. Ir-Rappreżentant Għoli informa lill-ministri tal-UE dwar il-laqgħat li kellu mal-President Serb Vučić u l-Prim Ministru tal-Kosovo* Kurti fit-22 ta' Ġunju fi Brussell biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi li għaddejja bħalissa. L-istati membri ssottolinjaw it-tħassib profond tagħhom dwar it-tensjonijiet li għaddejjin fit-Tramuntana tal-Kosovo u enfasizzaw l-importanza li l-partijiet inaqqsu minnufih it-tensjoni, skont il-linji fid-dikjarazzjoni tal-UE tat-3 ta' Ġunju.

Ilqajna l-ħelsien tat-tliet pulizija mill-Kosovo li kienu detenuti f'Belgrad. L-istati membri ser jieħdu miżuri - jekk meħtieġ - sabiex iżidu l-influwenza tal-Unjoni Ewropea u biex jappoġġaw id-djalogu għan-normalizzazzjoni. Nixtieq nisħaq li l-elezzjonijiet iridu jiġu organizzati fl-erba' muniċipalitajiet kollha tat-Tramuntana bil-parteċipazzjoni mingħajr kundizzjoni tas-Serbi tal-Kosovo f'dawn l-elezzjonijiet, u ż-żewġ partijiet jeħtieġ li juru li lesti jħarsu l-obbligi ta' Djalogu tagħhom. L-istati membri għadhom lesti jieħdu aktar miżuri jekk ma jidher ebda progress. U bir-raġun enfasizzaw li minn membri futuri tal-Unjoni Ewropea, nistennew imġiba Ewropea. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi ma' UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar it-Tuneżija fil-kuntest taż-żjara reċenti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Prim Ministri tal-Italja u tan-Netherlands. Il-ministri qablu li l-UE ser tkompli tgħin tindirizza s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika iebsa li qed iħabbat wiċċu magħha l-pajjiż. Sabiex tiżgura l-istabbiltà tat-Tuneżija, l-UE offriet pakkett komprensiv ta' kooperazzjoni li issa jeħtieġ li jiġi approvat mill-Kunsill.

Fl-aħħar nett, ir-Rappreżentant Għoli semma l-ħidma li għaddejja tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar is-Somalja, u l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-25 anniversarju tal-Istatut ta' Ruma.

Il-Kunsill adotta wkoll id-disa' pakkett ta' miżuri restrittivi dwar seba' individwi addizzjonali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u deċiżjonijiet li jestendu l-mandat ta' EUBAM Libya, EUBAM Rafah u EUPOL COPPS.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025